Iż-Żejtun ħa ismu minn "żajtun" (żebbuġ bl-Għarbi). Hu wkoll magħruf bħala Ħal-Bisbut jew Bisbut Casal.
Storja
Fil-Medjuevu id-distrett kollu madwar iż-Żejtun, jiġifieri t-tarf tan-Nofsinhar ta' Malta, kien magħruf bħala le Terre di Santa Caterina, ("l-artijiet ta' Santa Katerina" bit-Taljan billi t-Taljan kien il-lingwa uffiċjali dak iż-żmien). Matul dan il-perjodu għadd ta' rħula ġodda bħal Ħal-Għaxaq u Marsaxlokk ħarġu minn partijiet tal-parroċċa taż-Żejtun. Fis-snin medjevali, iż-Żejtun kien imiss maż-Żurrieq billi Birżebbuġa kienet għadha parti miż-Żurrieq. Ir-reġiment tal-milizzja lokali taż-Żejtun kien wieħed mill-ewwel li ġie wiċċ imb wiċċ mal-forzi Ottomani fil-bidu tal-Assedju l-Kbir tal-1565, iżda l-belt kompliet issofri minn attakki mill-pirati Torok sal-1614, meta attakk mit-Torok kien megħlub mingħajr l-għajnuna tal-milizzji l-oħra. Il-belt kellha rwol minuri fil-Imblokk Franċiż tal-1799/1801 bħala kwartier għas-suldati. Din kienet waħda mill-ewwel bliet f'Malta, barra miż-żoni fortifikati prinċipali ta' Malta, li kellha ġnien pubbliku. Dan il-ġnien, Ġnien Luqa Briffa, għadu hemm sal-lum. Dan hu msemmi għal suldat tal-kavallerija famuż ta' matul l-Assedju l-Kbir ta' Malta.
Iż-Żejtun għadda l-ħakma Ingliża tal-gżejjer Maltin bħala post kwiet rurali fir-raba' ħadra ta' Wied Mazza. F'dan il-perjodu kien hemm wieħed mill-ħafna sptarijiet f'Malta għal suldati Ingliżi u Franċiżi feruti fil-Ewwel Gwerra Dinjija. Mill-Indipendenza ta' Malta 'l hawn iż-Żejtun kiber ħafna.
Kunsill Lokali
Bħalissa l-membri tal-Kunsill Lokali elett wara l-elezzjoni li saret fit-8 Marzu tal-2008 huma:
Joe Attard B.A. (Hons), Sindku
Joan Agius, Sindku Deputat
Darrell Pace, Kunsillier
Claude C. Camilleri, Kunsillier
Richard Darmanin, Kunsillier
Joseph Hales, Kunsillier
Stephania Fenech B.A. (Hons) P.G.C.E, Kunsillier
Anthony Seychell, Kunsillier
Elisabeth Wille Piscopo, Kunsillier
Wara l-emendi għall-Att dwar il-Kunsilli Lokali tal-2009, it-terminu tal-kunsill lokali ġie mtawwal minn tlieta sa ħames snin.
Is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill bħalissa hu s-Sur Anton Falzon
Knejjes, kappelli u fdalijiet storiċi
Ir-raħal fih diversi fdalijiet Rumani, fosthom Villa Rumana. Il-knisja prinċipali hi ddedikata lil Santa Katarina ta' Lixandra. L-ewwel ġebla tagħha tbierket fl-1692 u tlestiet fl-1720. L-ewwel arċipriet kien Dun Pawl Branchel. Qabel kien hemm knisja oħra ddedikata lil Santa Katerina li llum tinsab fit-tarf tal-belt u hi magħrufa min-nies bħala San Girgor, x'aktarx minħabba l-purċissjoni annwali ddedikata lil dan il-qaddis. Fiż-żminijiet Medjevali din kienet tibda mill-Imdina.
Iż-Żejtun għandu ħafna kappelli, fosthom ta' San Klement, tal-Madonna tal-Parir it-Tajjeb, tas-Salvatur, tal-Assunta (magħrufa bħala Santa Marija), l-Ispirtu s-Santu , Sant'Anġlu, San Niklaw, Knisja tal-Madonna tal-Ħniena, Bir id-Deheb, il-Madonna ta' Lourdes, il-Madonna tas-Sinjura, u Santa Marija ta' Ħal Tmiem .