It-Tazza tad-Dinja tal-Futbol 2010 kienet id-dsatax-il edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja, li hu avveniment mondjali tal-futbol li jsir kull erba' snin. Ġie skedat li jkun bejn il-11 ta' Ġunju u l-11 ta' Lulju 2010 fl-Afrika t'Isfel. Din kienet l-ewwel darba li l-kampjonat ġie ospitat minn pajjiż Afrikan, wara li l-Afrika t'Isfel għelbet fl-isfida finali lill-"kuġini" tagħha Afrikani tal-Eġittu u l-Marokk sabiex jospitaw l-edizzjoni. Dan wassal biex il-konfederazzjoni Oċeanika tal-futbol tkun l-unika konfederazzjoni li għadha ma żammitx edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja.
Tnejn u tletin tim ġew magħżula sabiex jipparteċipaw meta kkwalifikaw mill-fażi ta' kwalifikazzjoni li bdiet f'Awwissu tal-2007. Fl-ewwel rawnd it-timijiet ikkompetew flimkien fi gruppi ta' erba' timijiet kull wieħed, bl-aqwa żewġ timijiet jaqtgħu l-passaġġ għall-fażi suċċessiva. Is-sittax-il tim javvanzaw għall-fażi eliminatorja li tinkludi tliet rawnd li fl-aħħar jiddeterminaw l-aħħar żewġ timijiet li jikkontestaw il-finali.
Spanja rebħu dan it-turnew, fejn fil-finali, iċ-ċampjins Ewropej għelbu lit-tim Olandiż fil-ħin barrani bl-iskor ta' 1–0, gowl li wasal minn Andrés Iniesta. Dan kien l-ewwel titlu mondjali għat-tim Spanjol. L-Italja kienet qed tiddefendi t-titlu li kisbet fl-edizzjoni preċedenti, iżda falliet hekk kif inqalgħet fil-fażi eliminatorja.
L-għażla tal-ospitu
L-Afrika ġiet magħżula bħala l-ospitu tat-Tazza tad-Dinja 2010 bħala parti minn politika ġdida li tikkonsisti fir-rotazzjoni ta' dan l-avveniment bejn il-konfederazzjonijiet tal-futbol (idea li ġiet abbandunata f'Ottubru tal-2007). Ħames pajjiżi Afrikani għamlu offerta biex jospitaw l-edizzjoni tal-2010 tat-Tazza tad-Dinja:
Minħabba d-deċiżjoni suċċessiva tal-Kumitat Eżekuttiv tal-FIFA biex il-kampjonat ma jiġix ospitat minn żewġ pajjiżi, it-Tuneżija irtirat il-kandidatura tagħha. Il-Kumitat iddeċieda wkoll li ma jaċċettax lil-Libja bħala ospitu minħabba li ma laħqitx il-kriterji uffiċjali.
Wara rawnd ta' voti, l-offerta rebbieħa ġiet mħabbra mill-president tal-FIFA Sepp Blatter waqt konferenza stampa fil-15 ta' Mejju 2004, f'Żurigu. L-Afrika t'Isfel ingħatat id-dritt li tospita dan it-turnew, fejn għelbet l-isfida tal-Marokk u l-Eġittu.[1]
Tuneżija – irtirat fit-8 ta' Mejju 2004 wara li żewġ ospiti ma kinux aċċettati
Libja – l-offerta ġiet irrifjutata: il-kandidatura ma laħqitx il-kriterji u l-ospitu bejn żewġ pajjiżi ma kienx aċċettat
Għajdut ta' ospitu ġdid
Diversi għajdut ċċirkulaw f'sorsi varji tal-aħbarijiet li kienu jsostnu li t-Tazza tad-Dinja 2010 tista' ssir f'pajjiż ieħor.[2][3] Xi nies, fosthom Franz Beckenbauer, Horst R. Schmidt u, anki, xi eżekuttivi tal-FIFA, esprimew id-dubji tagħhom fuq il-pjan, l-organizzazzjoni u ż-żmien ta' preparazzjoni tal-AFrika t'Isfel. Madanakollu, l-uffiċjali tal-FIFA komplew isostnu li se jkomplu jagħtu s-sosten tagħhom lill-Afrika t'Isfel, u stqarrew li l-avveniment mhux se jitmexxa lejn pajjiż ieħor, bil-president tal-FIFA Sepp Blatter kompla jsostni li t-Tazza tad-Dinja 2010 se ssir fl-Afrika t'Isfel.[4] Blatter stqarr li hemm pjan ta' kontinġenza biex it-Tazza tad-Dinja issir x'imkien ieħor imma dan ikun f'każ ta' xi diżgrazzja naturali, u li t-Tazza tad-Dinja tal-2006 fil-Ġermanja kellha wkoll pjan ta' kontinġenza simili.[5]
Minkejja l-assigurazzjoni min-naħa tal-FIFA li l-avveniment jitmexxa biss f'każ ta' xi diżgrazzja naturali, xi għajdut kompla jiċċirkula dwar il-possibilità ta' ospitu ġdid. Dan l-għajdut kollu ġie kkritikat mid-deputat Ministru tal-Finanzi tal-Afrika t'IsfelJabu Moleketi, fejn qal li dan l-għajdut sar biex ipoġġi dehra negattiva għall-Afrika t'Isfel u l-Afrika.[6]
Bħala l-pajjiż ospitu, l-Afrika t'Isfel awtomatikament irċieva post fil-fażi finali. Madanakollu, l-Afrika t'Isfel xorta waħda ħadet sehem fil-fażi ta' kwalifikazzjoni minħabba li dawn iservu wkoll bħala turnew ta' kwalifika għat-Tazza Afrikana 2010. Din hi l-ewwel darba mill-1934 li ospitu tat-Tazza tad-Dinja, ipparteċipa xorta waħda fil-kwalifiki għat-Tazza tad-Dinja. Bħat-turnew preċedenti, iċ-ċampjins renjanti tal-Italja, ma ngħatawx aċċess awtomatiku għall-fażi finali.
Il-poloz għall-fażi preliminarja ttellgħu f'Durban, fl-Afrika t'Isfel, fil-25 ta' Novembru 2007.
Timijiet kwalifikati
It-32 tim segwenti kkwalifikaw għall-fażi finali tal-kompetizzjoni.
Din hija l-ewwel edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja li ma rat lil ebda tim jikkwalifikaw għall-ewwel darba, minkejja li tnejn minn dawk li kkwalifikaw (is-Slovakkja u s-Serbja) preċedentament kienu dehru f'isem żewġ pajjiżi oħra. Is-Slovakkja kienu ħadu sehem taħt l-isem taċ-Ċekoslovakkja, waqt li s-Serbja kkompetew bħala parti mill-Jugożlavja u tas-Serbja u Montenegro. Fiż-żewġ każi, il-FIFA ikkunsidrat liż-żewġ timijiet bħala l-eredi tar-rekords tal-pajjiżi li kienu jappartjenu għalihom qabel.
Fit-tieni leg tal-play-off bejn Franza u r-Repubblika tal-Irlanda, il-kaptan ta' Franza Thierry Henry lagħab il-ballun b'idu f'azzjoni li wasslet għall-gowl tal-pari għall-Franċiżi, mingħajr ma kien jaf ir-referi.[7] L-inċident qajjem dibattitu sħun fuq kif il-partiti għandhom jiġu mmexxija fl-ogħla livell. Il-FIFA irrifjutat ir-rikjesta min-naħa tal-Federazzjoni tal-futbol Irlandiża sabiex tirrepeti l-logħba, waqt li aktar tard kien hemm rikjesta sabiex l-Irlanda tkun it-33 tim fit-Tazza tad-Dinja, rikjesta li aktar tard ġiet imwaqqha. Il-Kosta Rika qajmet ilment fuq il-gowl tal-Urugwaj fil-logħba ta' spareġġ tal-CONMEBOL-CONCACAF li ta r-rebħa lis-Sud-Amerikani,[8] waqt li l-aħħar partita bejn l-Eġittu u l-Aġerija kienet imdawwra minn rapporti fuq problemi fost il-partitarji.
Bħala tweġiba għall-inċidenti li nqalgħu matul il-fażi ta' kwalifikazzjoni u fuq kontroversja ta' tixħim fil-futbol, nhar it-2 ta' Diċembru 2009, il-FIFA sejħet laqgħa straordinarja tal-Kumitat Eżekuttiv. Wara l-laqgħa, il-FIFA ħabbret kienu se jagħmlu inkjesta fuq it-teknoloġija u uffiċjali żejda fil-partiti, però ma ħabbrux li kienu se jintroduċu l-assistenti mal-linji tal-gowls kif kienet diġà adottata fl-Europa League, u minflok kompla jiġi misħuq li l-kompetizzjoni fl-Afrika t'Isfel se tkun immexxiha bħal qabel, b'referi wieħed, żewġ assistenti, u r-raba' uffiċċjal.[9] Fuq is-suġġett dwar il-logħob rett, il-President tal-FIFA Sepp Blatter stqarr:
“ Nappella lil kull plejer u kowċ sabiex josserva l-logħob rett. Fl-2010 iridu nuru li l-futbol imur 'il hemm minn sempliċi daqqiet ta' ballun imma għandu valur soċjali u kulturali...Għalhekk nistaqsu lill-plejers sabiex 'jekk jogħġobkom osservaw il-logħob rett' sabiex inkunu eżempju lill-kumplament tad-dinja. ”
Ħames stadji ġodda ġew mibnija għal dan il-kampjonat, u ħamsa minn dawk li diġà jeżistu ġew estiżi. L-ispiża totali tal-kostruzzjoni se tkun madwar R8.4 biljun.[11]
Minbarra l-ħidma fuq l-istadji l-ġodda li nbnew u dawk li tranġaw, l-Afrika t'Isfel ħdamet biex ittejjeb l-infrastruttura preżenti tat-trasport pubbliku, u biex timplimenta miżuri speċjali sabiex tassigura s-sigurtà u s-saħħa tan-nies lokali u t-turisti internazzjonali li jkunu qed jattendu għall-partiti, skont il-kriterji tal-FIFA.[12]
Il-mod ta' kif ġew effetwati dawn il-preparamenti, intlaqa' minn rispons qawwi mill-FIFA, fejn deher li kienu lesti sabiex jospitaw ġewwa pajjiżhom wieħed mill-ikbar avvenimenti sportivi li huwa segwit b'tant fervur minn miljuni ta' nies.[13]
Sorteġġ tal-gruppi
Il-Kumitat Organizzattiv tal-FIFA approvat il-proċedura għat-tlugħ finali tal-gruppi nhar it-2 ta' Diċembru 2009. It-timijiet ġew maqsuma f'erba' urni differenti, bl-aqwa seba' timijiet skont il-klassifika dinjija tal-FIFA ta' Ottubru 2009 flimkien mal-ospitanti tal-Afrika t'Isfel jitqgħedu fl-ewwel urna. Il-kumitat approva wkoll kif se jkunu magħmula l-urni l-oħra. It-tieni urna kienet komposta mill-Asja, l-Oċeanja, u l-Amerika ta' Fuq u Ċentrali u l-Karibew. It-tielet urna kienet tikkonsisti minn timijiet mill-Afrika u l-Amerika t'Isfel, u r-raba' urna bil-kumplament tat-timijiet Ewropej.
L-Afrika t'Isfel awtomatikament tqegħdu f'A1; is-seba' timijiet l-oħra mill-ewwel urna ġew pożizzjonati f'numru 1 tal-gruppi l-oħra B-H. Il-gruppi ġew mtella' minn A sa H, u l-pożizzjonijiet fil-grupp ġew mtella' għal Urna 2 sa 4. Il-kriterju ġeografiku ġie rispettat, jiġifieri li l-ebda tim mill-istess konfederazzjoni ma jista' jiġi fi grupp ma' tim ieħor mill-istess konfederazzjoni, ħlief għat-timijiet Ewropej li seta' jkun hemm massimu ta' tnejn fi grupp. L-Afrika t'Isfel ma setgħetx tiġi mniżżla mat-timijeit Afrika mill-Urna 3 u l-Arġentina u l-Brażil ma setgħux jiġu mtella' kontra l-kumplament tat-tliet timijiet miż-Żona tal-Amerika t'Isfel. L-ewwel żewġ timijiet Afrikani li ttellgħu minn Urna 3 daħlu mal-Arġentina u l-Brażil.[14]
It-tlugħ tal-poloz saru f'Cape Town, fl-Afrika t'Isfel fis-19:00 (UTC+2) nhar l-4 ta' Diċembru 2009. Iċ-ċerimonja ġiet preżentata mill-attriċi Sud-Afrikana Charlize Theron, assistita mis-Segretarju Ġenerali tal-FIFA Jérôme Valcke. Numru ta' figuri sportivi taw sehemhom fit-tlugħ tal-poloz għall-gruppi.[15]
Għat-turnew tat-Tazza tad-Dinja, il-FIFA iddeċidiet sett ta' kriterji sabiex tidentifika kull pożizzjoni fil-grupp ta' kull tim fil-fażi tal-gruppi.[16]
l-ikbar numru ta' punti miksuba fil-partiti kollha tal-grupp;
differenza ta' gowls fil-partiti kollha tal-grupp;
l-ikbar numru ta' gowls skurjati fil-partiti kollha tal-grupp;
l-ikbar numru ta' punti miksuba fil-partiti tal-grupp bejn it-timijiet konċernati;
differenza ta' gowls mill-partiti tal-grupp bejn it-timijiet konċernati;
l-ikbar numru ta' gowls skurjati fil-partiti tal-grupp bejn it-timijiet konċernati;
Fil-fażi eliminatorja (li tinkludi l-finali), jekk il-partita tibqa' f'pari wara 90 minuta, żewġ perjodi ta' ħin miżjuda jiġu migħluba (ta' kwarta kull wieħed). Jekk ir-riżultat jibqa' xorta l-istess wara l-ħin barrani, il-partita tiġi deċiża permezz tal-għoti tal-penalties.
Il-plejer Sud-Afrikan Siphiwe Tshabalala kien l-ewwel plejer li skorja gowl fil-kompetizzjoni, fil-logħba tal-ftuħ kontra l-Messiku li ntemmet 1–1. Id-difensur Daniż Simon Poulsen skorja l-ewwel awto-gowl tal-kampjonat, fit-telfa ta' 2–0 kontra l-Olanda. L-attakkant Arġentin Gonzalo Higuaín skorja l-ewwel tripletta f'dan it-turnew, fir-rebħa tal-Arġentina bl-iskor ta' 4–1 kontra l-Korea t'Isfel. Din it-tripletta kienet id-49 waħda fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja
L-aqwa erba' skorers ta' din il-kompetizzjoni spiċċaw ilkoll b'ħames gowls. Iż-Żarbuna tad-Deheb marret għal Thomas Müller tal-Ġermanja li kellu tliet assits. Iż-Żarbuna tal-Fidda marret għal David Villa ta' Spanja li lagħab total ta' 635 minuta, u ż-Żarbuna tal-Bronż marret f'idejn Wesley Sneijder tal-Olanda li lagħab 652 minuta. Diego Forlán tal-Urugwaj kellu ħames gowls u assist wieħed f'654 minutA. Tliet plejers oħra skorjaw erba' gowls.
Dixxiplina
Tmienja u għoxrin plejer ġew sospiżi minħabba li laqqtu żewġ karti sofor konsekuttivi (tlettax-il plejer), karta ħamra diretta (tmien plejers), jew karta safra b'karta ħamra aktar tard (seba' plejers).
Il-maskot uffiċjali tat-Tazza tad-Dinja 2010 huwa Zakumi, leopard b'xagħar aħdar, li ġie mħabbar fit-22 ta' Settembru 2008. Ismu ġej minn "ZA", akronimu għal "Afrika t'Isfel", u "kumi" li hi kelma li tfisser "għaxra" f'diversi lingwi Afrikani.[17] Il-kuluri tal-maskot jirriflettu dawk tat-tim nazzjonali tal-pajjiż ospitu – isfar u aħdar.
Kanzunetta uffiċjali
Il-kanzunetta uffiċjali tat-Tazza tad-Dinja "Waka Waka" hi kantat mill-kantanta KolombjanaShakira u l-grupp mużikali Freshlyground mill-Afrika t'Isfel, u kantata bl-Ingliż u bl-Ispanjol.[18] Il-kanzunetta hi bbażata fuq kanzunetta tradizzjonali tas-suldati Sud-Afrikani bl-isem ta' Zangalewa. Din il-kanzunetta tkantat fil-kunċert ta' qabel il-bidu tat-Tazza tad-Dinja fl-10 ta' Ġunju f'Soweto u kif ukoll fiċ-ċerimonja tal-futħ fil-11 ta' Ġunju u fil-finali tal-11 ta' Lulju.
Ballun uffiċjali
Il-ballun uffiċjali għat-Tazza tad-Dinja, magħmul minn adidas, iġib l-isem ta' Jabulani, li jfisser "ċelebrazzjoni" fil-lingwa Zulu. In-numru ħdax għandu rwol prominenti f'dan il-ballun: dan huwa l-ħdax-il ballun tat-Tazza tad-Dinja magħmul minn kumpanija Ġermaniża; il-ballun jinkludi fih ħdax-il kulur, wieħed għal kull plejer fil-grawnd; u hemm ħdax-il lingwa uffiċjali fl-Afrika t'Isfel.[19] Ballun speċjali b'pannelli tad-deheb se jiġi wżat fil-finali ta' Johannesburg. Il-ballun hu mibni fuq disinn ġdid, li jikkonsisti minn tmien pannelli magħqudin flimkien b'mod sferiku.
Xi stilel tal-futbol ilmentaw fuq il-ballun il-ġdid, fejn l-argument li ġabu 'l quddiem kien li t-trajjetorja tal-ballun kienet diffiċli biex wieħed jippredixxieha. Il-gowler Brażiljan Júlio César ikkompara l-ballun ma' wieħed li jixtri mingħanda tal-"ħanut" u li kien tajjeb għall-attakkanti waqt li jaħdem kontra l-gowlers.[20] Ċerti żbalji li saru minn gowlers matul din it-Tazza tad-Dinja ġew attribwiti lil dan il-ballun.[21]