It-tim nazzjonali tal-futbol tal-Messiku (bl-Ispanjol: Selección de fútbol de México) jirrappreżenta lill-Messiku fil-kompetizzjonijiet internazzjonali tal-futbol. It-tim huwa mmexxi mill-Federazzjoni Messikana u huwa membru tal-FIFA u l-CONCACAF.
Il-Messiku ikkwalifika għal sbatax-il Tazza tad-Dinja u hu fost sitt pajjiżi li ilu jikkwalifika b'mod konsekuttiv mill-1994. Huma ħadu sehem fl-ewwel edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja, bl-aqwa riżultat ikun il-kwarti tal-finali miksuba fl-1970 u l-1986, liema saru fil-pajjiż stess.
Storikament, il-Messiku huwa fost l-aktar timijiet nazzjonali ta' suċċess fiż-żona tal-CONCACAF, bi ħdax-il titlu tal-konfederazzjoni, fosthom ħdax-il titlu tal-CONCACAF Gold Cup. Bir-rebħa fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet tal-1999,[1] il-Messiku hu l-unika tim fil-CONCACAF li rebaħ kompetizzjoni uffiċjali tal-FIFA.
Storja
Il-futbol fil-Messiku daħal fil-bidu tas-seklu 20 minn gruppi ta' immigranti Ewropej u fis-snin ta' wara minn Spanjoli eżiljati mill-Gwerra Ċivili Spanjola. L-ewwel logħba tal-Messiku saret fl-1 ta' Jannar 1923 kontra l-Gwatemala li huma rebħu 3–2.[2]
Fl-1927, ġiet imwaqqfa l-organizzazzjoni uffiċjali li tamministra l-futbol fil-Messiku. L-ewwel kompetizzjoni internazzjonali kienu l-Olimpjadi tal-1928 fejn il-Messiku ġew eliminati fil-kwarti tal-finali minn Spanja.[2] Il-Messiku ħadu sehem fl-ewwel edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja ġewwa l-Urugwaj, fi grupp magħmul mill-Arġentina, ċ-Ċili u Franza. Kienu l-Messiku li lagħbu l-ewwel logħba fl-istorja tal-kompetizzjoni, li kienet telfa ta' 4–1 kontra Franza. Fit-tieni logħba huma tilfu kontra ċ-Ċili, u fl-aħħar logħba kontra l-Arġentina, il-Messiku skorjaw l-ewwel penalty fl-istorja tal-kompetizzjoni, ikkonvertit minn Manuel Rosas.[3]
Qabel l-1970, il-Messiku ftit li xejn ħallew impatt fit-Tazza tad-Dinja, minkejja li kienu l-aqwa tim fin-North American Football Confederation u s-sessur tagħha, il-CONCACAF. Minkejja dan, il-gowler Antonio Carbajal iddistingwa ruħu biex sar l-ewwel plejer li deher f'ħames edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja konsekuttivi.[4] Fuq livell kontinentali huma rebħu l-ewwel titlu fl-1965, bir-rebħ tal-Kampjonat CONCACAF. Fl-1970, ospitaw it-Tazza tad-Dinja u fil-grupp ġabu dro ta' mingħajr gowls kontra l-Unjoni Sovjetika u rebħa ta' 4–0 fuq El Salvador. Fil-fażi ta' wara huma rebħu lill-Belġju, però kellhom ibaxxu rashom għall-finalisti tal-Italja fil-kwarti tal-finali.
Fl-1986, il-Messiku reġgħu ospitaw it-Tazza tad-Dinja. Huma kkwalifikaw mill-fażi tal-gruppi b'żewġ rebħiet kontra l-Belġju u l-Iraq, u dro mal-Paragwaj. Huma rnexxielhom jagħmluha għal darb'oħra sal-kwarti tal-finali wara li għelbu lill-Bulgarija, imma tilfu kontra l-Ġermanja tal-Punent wara l-għoti tal-penalties.
Il-Messiku kienu ġew skwalifikati mit-Tazza tad-Dinja tal-1990 u kompetizzjonijiet oħra internazzjonali wara li wżaw plejers fuq l-età massima għal-logħbiet ta' kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja taż-Żgħażagħ tal-1989. L-iskandlu kien magħruf bħala Cachirules u l-iskwalifika applikat għat-timijiet Messikani ta' kull livell f'kull kompetizzjoni organizzata mill-FIFA għal sentejn.[5]