It-Tazza tad-Dinja tal-Futbol 2014 se tkun l-għoxrin edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA, avveniment dinji tal-futbol li jsir kull erba' snin. Huwa skedat li din il-kompetizzjoni ssir bejn it-12 ta' Ġunju u t-13 ta' Lulju 2014 fil-Brażil. Din se tkun it-tieni darba li dan il-pajjiż se jkun qed jospita din il-kompetizzjoni, bl-ewwel darba tkun fl-1950. Il-Brażil ġie magħżul mill-FIFA bħala l-pajjiż ospitu fl-2007, b'dan il-kampjonat isir għall-ewwel darba fl-Amerika t'Isfel mill-edizzjoni tal-1978 fl-Arġentina, u l-ħames darba f'dan il-kontinent.
Total ta' 31 pajjiż għaddew mill-fażi ta' kwalifikazzjoni li bdiet f'Ġunju tal-2011 biex flimkien mal-Brażil se jingħaqdu għall-fażi finali. Il-kampjonat se jinkludi 64 logħba li se jintlagħbu fi tnax-il belt fi grawnds uħud ġodda oħrajn żviluppati mill-ġdid.
L-għażla tal-ospitu
F'Marzu tal-2003, il-FIFA ħabbret li l-kampjonat se jsir f'pajjiż Sud-Amerikan għall-ewwel darba mill-1978, bħala parti mill-politika l-ġdida ta' rotazzjoni fejn it-Tazza tad-Dinja ssir f'diversi konfederazzjonijiet. Id-deċiżjoni fissret li din se tkun l-ewwel darba li żewġ edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja saru barra mill-Ewropa. Il-Brażil u l-Kolombja biss uffiċjalment tefgħu l-kandidatura tagħhom, però wara li dan tal-aħħar irtira mill-proċess,[2] il-Brażil ġie uffiċjalment elett bħala l-pajjiż ospitu fit-30 ta' Ottubru 2007.[3]
Grawnds
Tnax-il grawnds (sebgħa ġodda u ħamsa rinnovati) fi tnax-il belt ġew magħżula għal dan il-kampjonat. B'differenza tal-edizzjoni tal-1950, meta l-konċentrazzjoni tal-logħob kienet fin-Nofsinhar u x-Xlokk,[4] fl-2014 il-bliet li se jilqgħu l-logħob fihom, ilkoll ibliet tal-istati federali, se jkopru r-reġjunijiet prinċipali tal-Brażil.[5]
F'laqgħa ġenerali li saret f'Żurigu, l-Iżvizzera, bejn it-2 u t-3 ta' Marzu 2011, il-Kumitat Eżekuttiv tal-FIFA iddeċieda l-allokazzjoni tal-postijiet fil-fażi finali tal-kompetizzjoni għal kull konfederazzjoni.[6] It-tlugħ tal-poloz saru fit-30 ta' Lulju 2011 ġewwa Rio de Janeiro.
Id-distribuzzjoni għal kull konfederazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2014 huma:
Il-UEFA u l-CAF għandhom numru garantit ta' postijiet, filwaqt li n-numru ta' pajjiżi li jikkwalifikaw mill-konfederazzjonijiet l-oħra jiddependi mill-play-offs bejn it-tim klassifikat il-ħames fl-AFC u t-tim klassifikat il-ħames fil-CONMEBOL, u bejn it-tim klassifikat ir-raba' tal-CONCACAF u t-tim klassifikat l-ewwel mill-OFC.
Pajjiżi kwalifikati
Total ta' 32 pajjiż se jikkompetu fil-fażi finali. Il-Brażil ikkwalifikaw awtomatikament bħala l-ospiti, filwaqt li l-Bożnija u Ħerzegovina se jipparteċipaw għall-ewwel darba.
L-ewwel rawnd, jew il-fażi tal-gruppi, hija kompetizzjoni bejn tnejn u tletin tim maqsumin fi tmien gruppi. L-aqwa żewġ timijiet minn kull grupp jikkwalifikaw għall-fażi suċċessiva ta' eliminazzjoni diretta.
Sabiex jiġu klassifikati t-timijiet f'kull grupp se jiġu wżati dawn il-kriterji:
Punti fil-logħbiet kollha tal-grupp
Differenza tal-gowls fil-logħbiet kollha tal-grupp
Gowls skorjati fil-logħbiet kollha tal-grupp
Punti fil-logħbiet bejn it-timijiet indaqs
Differenza tal-gowls fil-logħbiet bejn it-timijiet indaqs
Gowls skorjati fil-logħbiet bejn it-timijiet indaqs
Tlugħ tax-xorti mill-FIFA
Fil-fażi tal-eliminazzjoni diretta jkun hemm erba' rawnds fejn kull tellief jiġi eliminat. Dawn ir-rawnds huma r-rawnd tal-aħħar 16, il-kwarti tal-finali, is-semifinali, u l-finali (u logħba għat-tielet post). Jekk logħba f'din il-fażi tispiċċa fi dro wara il-ħin normali, żewġ perjodi ta' ħin barrani (15-il minuta 'l wieħed) isegwu sabiex joħroġ ir-rebbieħ. Jekk it-timijiet jibqgħu indaqs, isiru l-għoti tal-penalties.[7]
Fażi tal-gruppi
Il-ħinijiet kollha huma ħin lokali Brażiljan, UTC−3.
Qabel iċ-ċerimonja tal-ftuħ tat-Tazza tal-Konfederazzjonijiet 2013 fl-Estádio Mané Garrincha, barra l-grawnd saru dimostrazzjonijiet organizzati min-nies li ma kienux kuntenti bl-ammont ta' fondi pubbliċi li ġew minfuqa għat-Tazza tad-Dinja.[9] Kemm il-President Brażiljana Dilma Rousseff kif ukoll il-President tal-FIFA Sepp Blatter ġew ibbuwjati bil-kbir hekk kif tħabbru li kienu se jagħmlu d-diskors tagħhom għall-ftuħ tal-kompetizzjoni,[10] li wassal sabiex il-FIFA tiddeċiedi li fiċ-ċerimonja tal-ftuħ tat-Tazza tad-Dinja 2014 ma jsiru l-ebda diskorsi.[11]
Id-dimostrazzjonijiet kienu parti minn numru ta' rvellijiet li saru f'diversi bliet Brażiljani li għall-bidu ġew provokati miż-żieda fin-nollijiet għat-trasport pubbliku, u komplew jikbru sabiex jesprimu d-diżappunt qawwi fuq l-amministrazzjoni tal-finanzi tal-pajjiż.[9] Protesti oħrajn saru quddiem partiti oħra matul it-Tazza tal-Konfederazzjonijiet.[12]
Blatter qal li d-dimostranti "m'għandhomx jużaw il-futbol sabiex issemmgħu t-talbiet tagħhom", u li l-ispiża pubblika għal dan il-kampjonat huma għal "affarijiet li huma għall-futur, u mhux biss għat-Tazza tad-Dinja".[13] Il-President Rousseff irrispondiet b'indirizz pubbliku fejn stqarriet: "il-flus li ntefqu għall-bini tal-grawnds huma forma ta' finanzjament li se jiġi mħallas lura mill-kumpaniji u l-gvernijiet li qegħdin jużaw dawn il-grawnds".[14]