It-tim nazzjonali tal-futbol ta' Spanja (bl-Ispanjol: Selección Española de Fútbol) jirrappreżenta lil Spanja fil-futbol internazzjonali u hu mmexxi mill-Federazzjoni tal-Futbol Spanjola. Spanja huma wieħed fost it-tmien timijiet nazzjonali li ġew inkurunati ċampjins tad-dinja u kkwalifikaw b'mod kostanti għat-Tazza tad-Dinja mill-1978, kif ukoll huma rebbieħa ta' tliet titli kontinentali.
Spanja huwa l-ewwel tim nazzjonali li rebaħ tliet titli maġġuri konsekuttivi, wara r-rebħ tat-Tazza tad-Dinja tal-2010 (l-ewwel tim Ewropew li rebaħ it-Tazza tad-Dinja barra l-kontinent Ewropew) bejn il-Kampjonati Ewropej tal-2008 u l-2012.[1] Mill-bidu tal-2007 sa tmiem l-2009, it-tim Spanjol lagħab 35 logħba konsekuttiva mingħajr telfa, rekord li jżommu mal-Brażil.[2] Dawn is-suċċessi wasslu lil ħafna esperti u kummentaturi sportivi li jeleġġu lill-iskawdra Spanjola ta' bejn l-2008 u l-2012 bħala fost l-aqwa timijiet fl-istorja tal-futbol.[3][4][5][6][7]
Storja
Spanja ilha membru tal-FIFA mill-fundazzjoni ta' din l-assoċjazzjoni fl-1904 anke jekk il-Federazzjoni tal-Futbol Spanjola ġiet stabbilita biss fl-1909. L-ewwel tim nazzjonali Spanjol ġie ffurmat fl-1920 bl-objettiv prinċipali li jikkompeti fl-Olimpjadi tas-sajf tal-Belġju. Spanja lagħbu l-ewwel logħba fit-turnew kontra d-Danimarka fit-28 ta' Awwissu 1920. Spanja rnexxielha tirbaħ 1–0 u eventwalment kisbet il-midalja tal-fidda.[8] Spanja kkwalifikat għall-ewwel darba għat-Tazza tad-Dinja tal-1934, fejn rebħet lill-Brażil fl-ewwel logħba u tilfet f'logħba ripetuta kontra l-Italja, l-ospiti u r-rebbieħa eventwali tal-kompetizzjoni.[9] Il-Gwerra Ċivili Spanjola u t-Tieni Gwerra Dinjija ma ħallietx lil Spanja tilgħab logħbiet oħra kompetittivi bejn it-Tazza tad-Dinja tal-1934 u l-kwalifiki għall-edizzjoni tal-1950. F'din l-edizzjoni li saret fil-Brażil, huma temmew il-fażi tal-gruppi fl-ewwel post u kklassifikaw fir-raba' post.[10] Il-fatt li sal-2010 din kienet l-aqwa prestazzjoni tagħhom fit-Tazza tad-Dinja wasslet sabiex Spanja tiġi meqjusa bħala tim b'rendiment baxx fix-xena internazzjonali.[11]
Fit-Tazza tad-Dinja tal-1994, Spanja laħqet il-kwarti tal-finali. Il-logħba kontra l-Italja kienet waħda kontroversjali meta d-difensur Taljan Mauro Tassotti laqt bil-minkeb lil Luis Enrique fil-kaxxa Spanjola u wassal biex Enrique ħariġlu ħafna demm minn imnieħru u ħalqu; il-fawl ma ġiex imsejjaħ mir-referì.[15] Spanja reġgħet sabet ruħha f'kontroversja oħra din id-darba fl-edizzjoni tal-2002: wara r-rebħ tat-tliet logħbiet fil-fażi tal-gruppi u r-rebħa bil-penalties fuq ir-Repubblika tal-Irlanda, hi lagħbet kontra l-Korea t'Isfel fil-kwarti tal-finali. Din il-logħba kienet mifnija minn deċiżjonijiet dubjużi fosthom iż-żewġ gowls ta' Spanja li ġew imħassrin.[16]
Fil-Kampjonati Ewropej tal-2008, Spanja rebħet il-logħbiet kollha fil-grupp. Fl-istadji ta' wara għelbet lill-Italja u lir-Russja fil-kwarti tal-finali u s-semifinali rispettivament.[17] Fil-finali, Spanja rebħet lill-Ġermanja b'gowl uniku ta' Fernando Torres.[18] Dan kien l-ewwel titlu maġġuri ta' Spanja mill-Ewropej tal-1964. Is-sena ta' wara, it-tim spiċċa t-tielet post fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet fejn intemmet is-serje ta' 35 logħba mingħajr telfa li kienet bdiet f'Novembru tal-2006.[19] Fit-Tazza tad-Dinja 2010, Spanja avvanzat għall-finali għall-ewwel darba meta rebħet lill-Ġermanja 1–0 fis-semifinali. Fil-logħba deċiżiva kontra n-Netherlands, Andrés Iniesta skorja l-uniku gowl fil-ħin barrani biex b'hekk Spanja saret it-tielet tim li qatt rebaħ it-Tazza tad-Dinja barra l-kontinent tiegħu u l-ewwel Ewropew li għamel hekk. Għar-rebħa kienu kruċjali l-gowler Iker Casillas li sofra biss żewġ gowls u l-attakkant David Villa li spiċċa l-aqwa skorer flimkien ma' tliet plejers oħra b'ħames gowls. Is-suċċessi komplew fil-Kampjonati Ewropej tal-2012, fejn wara fażi ta' kwalifikazzjoni perfetta (tmien rebħiet minn tmienja),[3] Spanja saret l-ewwel tim li żamm it-titlu tal-Kampjonati Ewropej meta fil-finali kontra l-Italja rebħu bl-iskor ta' 4–0.[20]