Il-Kampjonati Ewropej tal-Futbol hija l-kompetizzjoni prinċipali tal-futbol għat-timijiet nazzjonali li huma mmexxija mill-UEFA. Din il-kompetizzjoni, li għandha l-istess bażi tat-Tazza tad-Dinja, ilha sejra mill-1960 u ssir kull erba' snin, eżattament bejn it-Tazza tad-Dinja. L-isem oriġinali kien it-Tazza tan-Nazzjonijiet Ewropej, imma fl-1968 tbiddel u sar l-isem bħala mhu illum. Il-kampjonat hu kkunsidrat bħala t-tieni l-aktar avveniment importanti għat-timijiet nazzjonali wara t-Tazza tad-Dinja, alavolja dan il-kampjonat ma jolqotx pajjiżi barra mill-Ewropa. Ir-rebbieħa tal-kampjonat jingħataw l-opportunità li jikkompetu fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet, imma mhumiex obbligati.[1]
Storja
L-idea ta' kampjonat tal-futbol Ewropew kienet għall-ewwel propost minn Henri Delaunay mill-federazzjoni tal-futbol Franċiża fl-1927, imma din l-idea ġiet fis-seħħ fl-1958. Bħala tfikira għal Delaunay, it-trofew li jingħata liċ-ċampjins hu msemmi għal warajh. L-edizzjoni tal-1960 li saret fi Franza, kellha 4 timijiet jikkompetu fil-fażi finali minn total ta' sbatax-il tim li daħlu fil-kompetizzjoni. Din kienet mirbuħa mill-Unjoni Sovjetika 2-1 fuq l-Jugożlavja, f'finali intensa f'Pariġi. Spanja irtirat mill-partita tal-kwarti tal-finali kontra l-Unjoni Sovjetika minħabba raġunijiet politiċi. Mis-sbatax-il tim li ħadu sehem fil-fażi ta' kwalifikazzjoni, fost l-iktar timijiet prominenti li kienu assenti kienu l-Ġermanja tal-Punent u l-Italja. Spanja organizzat l-edizzjoni ta' wara tal-1964, li ra żieda ta' parteċipanti fil-fażi ta' kwalifikazzjoni, b'numru ta' 29 nazzjon; madanakollu, il-Greċja rtirat minħabba li kellha tilgħab kontra l-Albanija, u dawn kienu għadhom fi gwerra kontra xulxin. L-ospiti rnexxielhom jegħlbu lid-detenturi tat-tazza, l-Unjoni Sovjetika, 2-1 fis-Santiago Bernabéu ta' Madrid.
Il-format tal-kampjonat baqa' l-istess għall-edizzjoni tal-1968. L-Italja kienu l-ospiti tal-edizzjoni kif ukoll iċ-ċampjins. Għall-ewwel u l-aħħar darba partita kienet deċiża permezz tat-tfigħ tal-munita (is-semi-finali kontra l-Unjoni Sovjetika) u l-finali marret f'replay, wara li l-partita kontra l-Jugożlavja spiċċat 1-1. Italy rebħu r-replay 2-0. Aktar timijiet daħlu fil-kampjonat (31), li kien juri l-popularità li bdiet tgawdi din il-kompetizzjoni. Il-Belġu ospitaw l-edizzjoni tal-1972, fejn il-Ġermanja tal-Punent rebħu lill-Unjoni Sovjetika 3-0 fil-finali fi Brussell. It-tim Ġermaniż kien karaterizzat mill-plejers li sussegwentament rebħu t-Tazza tad-Dinja 1974. Il-kampjonat tal-1976 kien l-aħħar wieħed fejn erba' timijiet biss kienu jikkwalifikaw għall-fażi finali, u l-aħħar wieħed fejn l-ospiti kienu jikkwalifikaw awtomatikament; fil-finali ċ-Ċekoslovakkja rebħu lill-Ġermanja tal-Punent permezz tal-għoti tal-penalties.
Tmien timijiet ħadu sehem fl-edizzjoni ta' wara ospitata mill-Italja. Dan kien jinvolvi fażi tal-gruppi, bir-rebbieħa tal-gruppi jikkwalifikaw għall-finali, u t-timijiet fit-tieni post jikkwalifikaw għall-partita tat-tielet post. Il-Ġermanja tal-Punent rebħu t-tieni titlu tagħhom billi rebħu 2-1 lill-Belġju fi Stadio Olimpico ta' Ruma. Franza rebħu l-edizzjoni tal-1984, bil-kaptan tagħhom Michel Platini jiskorja 9 gowls f'5 partiti biss, fosthom il-gowl tal-ftuħ fil-finali, fejn rebħu lil Spanja 2-0. Il-format tbiddel ukoll, bl-aqwa żewġ timijiet f'kull grupp jikkwalifikaw għall-fażi tas-semi-finali, minflok li r-rebbieħ jikkwalifika direttament għall-finali. Il-partita għat-tielet post kienet ġiet abolita.
Fl-Euro 1988, li saret fil-Ġermanja tal-Punent, l-Olanda rebħu lill-ospiti — u rivali tradizzjonali — 2-1 fis-semi-finali. L-Olanda komplew fil-kompetizzjoni sakemm rebħuha, meta għelbu lill-Unjoni Sovjetika 2-0 fi Stadju Olimpiku, fejn din il-finali tibqa' waħda mill-iktar imfakkra hekk kif Marco van Basten skorja wieħed mill-iżjed gowls memorabbli fl-istorja tal-futbol, meta skorja l-gowl permezz ta' xutt bid-dawra fin-naħa leminija tal-kaxxa. Il-Kampjonati Ewropej 1992 saru fl-Iżvezja, u kienet mirbuħa mid-Danimarka — sorpriża kbira meta wieħed għandu jkun jaf li d-Danimarka daħlu fil-kampjonat bħala s-sostitut tal-Jugożlavja li rtiraw minħabba l-gwerer Jugożlavi. Madanakollu, huma wettqu sorpriża, meta rebħu liċ-ċampjins tad-dinja tal-Ġermanja 2-0, wara li kienu għadhom kemm rebħu lid-detenturi tat-trofew, l-Olanda, permezz tal-penalties fis-semi-finali. Din kienet l-ewwel darba li il-Ġermanja lagħbet bħala nazzjon unifikat u kif ukoll l-ewwel darba li kampjonat maġġuri kellu l-ismijiet tal-plejers imniżżlin fuq id-dahar tal-flokkijiet tal-istess plejers.
L-Euro 1996, li sar fl-Ingilterra, ra n-numru ta' timijiet jirdoppjaw għal 16. L-ospiti sfaw eliminati mill-Ġermanja bil-penalties, wara li kienu tilfu fit-Tazza tad-Dinja 1990 kontra l-istess Ġermanja. Dan tal-aħħar kompla fil-kompetizzjoni biex rebaħ 2-1 kontra r-Repubblika Ċeka, grazzi għall-ewwel gowl tad-deheb li sar f'kampjonat maġġuri, skurjat minn Oliver Bierhoff. Dan kien l-ewwel titlu tal-Ġermanja bħala nazzjon wieħed. L-edizzjoni tas-sena 2000 kien l-ewwel kampjonat li sar f'żewġ pajjiżi, l-Olanda u l-Belġju. Iċ-ċampjins tad-dinja ta' Franza kienu favoriti li jirbħu, u rnexxielhom jagħmlu dan meta rebħu lill-Italja 2-1 wara l-ħin supplementari, wara li kienu minn taħt 1-0: Sylvain Wiltord kiseb il-pari fl-aħħar minuta tal-partita u David Trezegeut skorja l-gowl tar-rebħa. Bħal fl-1992, l-Euro 2004 ġab diżappunt hekk kif il-Greċja, li qabel kienu kkwalifikaw biss għal edizzjoni waħda tat-Tazza tad-Dinja (1994) u edizzjoni waħda tal-Kampjonati Ewropej (1980), rebħu lill-ospiti tal-Portugall 1-0 f'finali drammatika (wara li kienu rebħulhom ukoll fil-partita tal-ftuħ) biex rebħu l-kampjonat b'sorpriża kbira. Fit-triq għall-finali huma rnexxielhom jirbħu lid-detenturi tat-tazza, Franza, kif ukoll lir-Repubblika Ċeka b'gowl tal-fidda, regola li ħadet post il-gowl tad-deheb fl-2003, qabel ma kienet abolita ftit wara l-kampjonat.
It-Trofew Henri Delaunay, li hu mogħti lit-tim rebbieħ tal-Kampjonat Ewropew, huwa taħt l-isem ta' Henri Delaunay li kien l-ewwel Segretarju Ġenerali tal-UEFA u li ħareġ bl-idea tal-Kampjonat Ewropew, imma laħaq miet ħames snin qabel l-ewwel edizzjoni. It-tifel tiegħu Pierre Delaunay kien il-persuna li ħa ħsieb biex jagħmel it-trofew.[2] Mill-ewwel kampjonat it-trofew kien ġie mogħti lit-tim rebbieħ biex iżommu sal-kampjonat ta' wara.
Għall-kampjonat tal-2008, it-trofew kien daqxejn mibdul, hekk kif issa sar ikbar. It-trofew, li hu magħmula mill-fidda sterlina, issa jiżen 8 kilogrammi u hu twil 60 ċm. Il-figura żgħira li kienet tidher fuq wara tat-trofew oriġinali ġiet imneħħija. Il-bażi tat-trofew kellu jiġi mkabbar biex ikun aktar stabbli. L-ismijiet tal-pajjiżi rebbieħa nkitbu fin-naħa ta' wara tat-trofew.[3][4]
Format
Il-kompetizzjoni
Qabel l-1980, erba' timijiet biss setgħu jikkwalifikaw għall-kampjonat. Mill-1980 in-numru kiber għal tmienja waqt li fl-1996 il-kampjonat espanda biex minn dak iż-żmien sa issa, jilqa' sittax-il pajjiż. It-timijiet li jikkwalifikaw jiġu magħżula minn serje ta' logħob ta' kwalifikazzjoni: fl-1960 u fl-1964 permezz ta' play-off li tintlagħab ġewwa u barra il-pajjiż tat-timijiet; fl-1968 kemm permezz ta' play-offs u gruppi ta' kwalifikazzjoni.
Wara l-espansjoni tal-kampjonat finali mill-1980, il-pajjiż (jew pajjiżi) li jintagħżlu biex jospitaw il-kompetizzjoni kienu jikkwalifikaw awtomatikament. Iċ-ċampjin qatt ma kien ingħata post awtomatiku fil-fażi finali.
Il-futur
Edizzjonijiet futuri
Nhar it-18 ta' April2007, il-Polonja u l-Ukrajna ġew magħżula bħala l-ospiti tal-kompetizzjoni tas-sena 2012. Huma għelbu l-kompetizzjoni tal-favorita l-Italja, u l-Kroazja u l-Ungerija li ngħaqdu flimkien. Fl-2010, il-UEFA tiddeċiedi liema pajjiż se jospita l-Kampjonati Ewropej 2016. L-Iżvezja u n-Norveġja qed jippjanaw li jingħaqdu flimkien biex jospitaw flimkien il-kompetizzjoni, kif ukoll il-Galles, l-Irlanda u l-Iskozja. Is-sottomissjonijiet iridu jintbagħtu sal-2008.
Hemm diskussjoni dwar jekk n-numru ta' pajjiżi li jikkwalifikaw għall-fażi finali jikber minn sittax għal erbgħa u għoxrin, minħabba n-numru ta' pajjiżi li ħarġu wara l-firda taċ-Ċekoslovakkja, il-Jugożlavja u l-Unjoni Sovjetika. Il-president attwali Michel Platini qabel mal-idea imma l-Kumitat Eżekuttiv tal-UEFA formalment ċaħad l-idea ta' espansjoni fl-2012.[1]