Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] Iċ-Ċilì rratifika l-Konvenzjoni fl-20 ta' Frar 1980, u b'hekk is-siti indikattivi tiegħu setgħu jitqiesu biex jiżdiedu mal-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]
L-UNESCO tiddeżinja s-siti abbażi ta' għaxar kriterji tal-għażla; kull sit irid jissodisfa mill-inqas wieħed mill-għaxar kriterji. Il-kriterji (i) sa (vi) huma kulturali, filwaqt li l-kriterji (vii) sa (x) huma naturali.[4]
Rapa Nui, l-isem indiġenu tal-Gżira tal-Għid (bl-Ingliż: Easter Island; bl-Ispanjol: Isla de Pascua), hija xhieda ta' fenomenu kulturali uniku. Soċjetà ta' oriġini Polineżjana li insedjat il-gżira għall-ħabta tat-300 W.K stabbilew tradizzjoni qawwija, immaġinattiva u oriġinali ta' skultura u arkitettura monumentali, ħielsa minn kwalunkwe influwenza esterna. Mis-seklu 10 sas-seklu 16, din is-soċjetà bniet santwarji u figuri enormi tal-ġebel magħrufa bħala moai, li ħolqu pajsaġġ kulturali uniku li għadu jsaħħar lin-nies minn madwar id-dinja kollha.[5]
Il-Knejjes ta' Chiloé jirrappreżentaw eżempju uniku fl-Amerka Latina ta' forma straordinarja ta' arkitettura ekkleżjastika bl-injam. Jirrappreżentaw tradizzjoni li nbdiet mill-Missjoni Peripatetika tal-Ġiżwiti fis-sekli 17 u 18, li tkompliet u ġiet imsaħħa mill-Franġiskani matul is-seklu 19, u li għadha prevalenti sal-lum il-ġurnata. Dawn il-knejjes jirrappreżentaw ir-rikkezza intanġibbli tal-Arċipelagu ta' Chiloé, u joħorġu fid-dieher il-fużjoni ta' suċċess tal-kultura indiġena u tal-kultura Ewropea, l-integrazzjoni sħiħa tal-arkitettura tiegħu fl-ambjent u fil-pajsaġġ, kif ukoll il-valuri spiritwali tal-komunitajiet.[6]
Il-belt kolonjali ta' Valparaíso hija eżempju eċċellenti tal-iżvilupp urban u arkitettoniku tal-aħħar tas-seklu 19 fl-Amerka Latina. Fl-ambjent tagħha qisu ta' anfiteatru naturali, il-belt hija kkaratterizzata minn nisġa urbana vernakolari adattata għax-xaqlibiet tal-għoljiet li huma miżgħuda b'varjetà kbira ta' kampnari tal-knejjes. Toħloq kuntrast mal-konfigurazzjoni ġeometrika fil-pjanura. Il-belt ippreservat sew l-infrastruttura industrijali bikrija tagħha, pereżempju l-bosta "liftijiet" max-xaqlibiet weqfin tal-għoljiet.[7]
L-impjanti ta' Humberstone u ta' Santa Laura jinkludu iktar minn 200 eks impjant tan-nitrat tal-potassju fejn ħaddiema miċ-Ċilì, mill-Perù u mill-Bolivja ħadmu u għexu f'irħula tax-xogħol u sawru kultura komunali distintiva tal-pampinos. Dik il-kultura hija preżenti fil-lingwa, fil-kreattività, fis-solidarjetà, u fuq kollox fir-rwol ta' pijuniera li kellhom biex tħabtu għall-ġustizzja soċjali, li kellha impatt kbir fuq l-istorja soċjali. L-impjanti jinsabu fil-Pampas remot, wieħed mill-iżjed deżerti nexfin fid-Dinja, u minkejja l-ambjent ostili, il-pampinos għexu u ħadmu hemmhekk għal iktar minn 60 sena, mill-1880, sabiex jipproċessaw l-ikbar depożitu ta' nitrat tal-potassju fid-dinja, u pproduċew il-fertilizzant tan-nitrat tas-sodju li ttrasforma l-artijiet agrikoli fl-Amerka t'Isfel, fl-Amerka ta' Fuq u fl-Ewropa, u pproduċa ġid kbir għaċ-Ċilì. Minħabba l-vulnerabbiltà tal-istrutturi u l-impatt ta' terremot reċenti, is-sit tqiegħed ukoll fil-lista tas-siti fil-periklu sabiex jiġu mmobilizzati r-riżorsi għall-konservazzjoni. Fl-2019, is-sit tneħħa mil-lista tas-siti fil-periklu.[8]
Ir-Raħal tal-Estrazzjoni ta' Sewell jinsab f'għoli ta' 2,000 metru fl-Andes, 60 kilometru fil-Lvant ta' Rancagua, f'ambjent immarkat minn klima estrema. Ir-raħal inbena mill-kumpanija tar-ram ta' Braden fl-1905 sabiex jilqa' l-ħaddiema f'dik li mbagħad saret l-ikbar minjiera tar-ram taħt l-art fid-dinja, il-minjiera ta' El Teniente. Ir-raħal huwa eżempju straordinarju tal-irħula tax-xogħol li mbagħad nibtu f'bosta partijiet remoti tad-dinja permezz tal-fużjoni tal-forza tax-xogħol lokali u r-riżorsi minn nazzjon industrijalizzat, għall-estrazzjoni u għall-ipproċessar ta' riżorsi naturali b'valur għoli. Ir-raħal inbena fuq art wieqfa wisq għall-vetturi bir-roti, u madwar taraġ ċentrali li jibda minn stazzjon ferrovjarju. Tul ir-rotta, pjazez formali b'għamliet irregolari u b'siġar u bi pjanti ornamentali kienu jikkostitwixxu l-ispazji pubbliċi prinċipali tar-raħal. Il-binjiet fit-toroq huma tal-injam u spiss kienu jinżebgħu b'aħdar, isfar, aħmar u blu jgħajtu. Fl-aqwa tiegħu, Sewell kellu 15,000 abitant, iżda ġie abbandunat għalkollox fis-snin 70 tas-seklu 20.[9]
Dan is-sit huwa network estensiv ta' toroq tal-Inka għall-komunikazzjoni, għall-kummerċ u għad-difiża, li jkopri 30,000 kilometru. Dan in-network straordinarju nbena mill-Inka matul diversi sekli u huwa parzjalment ibbażat fuq infrastruttura ta' qabel l-Inka. In-network jgħaddi minn wieħed mit-territorji ġeografiċi l-iktar imħarbta tad-dinja u jikkollega l-qċaċet miksijin bil-borra tal-Andes – f'altitudni ta' iktar minn 6,000 metru – mal-kosta. Jgħaddi minn foresti tropikali sħan, widien għammiela u deżerti. In-network laħaq l-espansjoni massima fis-seklu 15, meta nfirex fit-tul u fil-wisa' tal-Andes. Is-sit fih 273 komponent mifruxa fuq iktar minn 6,000 kilometru li ntgħażlu biex jiġu enfasizzati l-kisbiet soċjali, politiċi, arkitettoniċi u tal-inġinerija tan-network, flimkien mal-infrastruttura assoċjata miegħu għall-kummerċ, għall-akkomodazzjoni u għall-ħżin, kif ukoll is-siti ta' importanza reliġjuża.[10]
Għall-ħabta tas-sena 7000 Q.K., fit-Tramuntana nett taċ-Ċilì, xi gruppi ta' kaċċaturi mill-Andes bdew joqorbu lejn il-kosta u jużaw ir-riżorsi tal-Oċean Paċifiku, x'aktarx immotivati mit-tibdil fil-klima wara l-aħħar glaċjazzjonijiet. F'dan il-perjodu, imsejjaħ Arkajku, il-kaċċaturi bdew jisfruttaw l-ambjenti kostali u gradwalment bdew jadattaw l-għodod tagħhom. B'hekk, twieldu l-ewwel soċjetajiet ta' sajjieda, li kienu jużaw teknoloġija tas-sajd ibbażata fuq ganċ magħmul bil-qxur tal-frott tal-baħar tat-tip choro zapato. Il-kuluri tiegħu kienu jattiraw l-attenzjoni tal-ħut mistada dak iż-żmien. Dawn il-gruppi popolaw pampa qisha deżert bejn is-6000 u l-2000 Q.K. Dan it-territorju kien estiż sal-baħar u kien ikopri min-Nofsinhar tal-Perù sar-reġjun ta' Antofagasta fiċ-Ċilì. L-aqwa evidenza ta' dan l-iżvilupp instab fil-bokka tax-xmara Camarones. Il-gruppi tal-kultura ta' Chinchorro baqgħu jikkaċċjaw fil-postijiet fil-qrib u baqgħu jisfruttaw ir-riżorsi, iżda peress li l-ikel prinċipali tagħhom kien jiġi mill-baħar, huma insedjaw il-kosta, u kienu jgħixu fi djar mibnija fuq spazji tondi mħaffra fil-ħamrija u magħhom kienu jitwaħħlu lqugħ għall-kenn mir-riħ. Qrib id-djar tagħhom, huma ddepożitaw l-iskart tagħhom, speċjalment qxur tal-frott tal-baħar, u difnu ħafna mill-mejtin tagħhom, li xtaqu jippreservawlhom il-katavri tagħhom. Għaldaqstant, 3,000 sena qabel l-Eġittu, dawn in-nies żviluppaw teknika ta' mummifikazzjoni, u ħolqu tradizzjoni li damet madwar 4,000 sena, magħrufa bħala l-kultura ta' Chinchorro.[11]