L-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO)[1] hija aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) bl-għan li tippromwovi l-paċi u s-sigurtà fid-dinja permezz tal-kooperazzjoni internazzjonali fl-edukazzjoni, fix-xjenzi u fil-kultura.[2][3] Fiha 193 Stat Membru u 11-il Membru Assoċjat[4], kif ukoll sħab fis-settur mhux governattiv, dak intergovernattiv u dak privat.[5] L-UNESCO għandha l-kwartieri ġenerali f’Pariġi, Franza, kif ukoll 53 uffiċju reġjonali[6] u 199 kummissjoni nazzjonali[7] madwar id-dinja li jiffaċilitaw il-mandat globali tagħha.
L-UNESCO ġiet imwaqqfa fl-1945 bħala suċċessur tal-Kumitat Internazzjonali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Lega tan-Nazzjonijiet.[8] Il-kostituzzjoni tagħha tistabbilixxi l-għanijiet tal-aġenzija, l-istruttura tal-governanza, u l-qafas tal-ħidma tagħha. Il-missjoni tat-twaqqif tal-UNESCO, li ssawret mit-Tieni Gwerra Dinjija, hi l-promozzjoni tal-paċi, tal-iżvilupp sostenibbli u tad-drittijiet tal-bniedem billi jiġu ffaċilitati l-kollaborazzjoni u d-djalogu fost in-nazzjonijiet.[9] Tipprova tilħaq dan l-objettiv permezz ta’ ħames oqsma ta’ programmi ewlenin: l-edukazzjoni, ix-xjenzi naturali, ix-xjenzi soċjali/umani, il-kultura u l-komunikazzjoni/informazzjoni. L-UNESCO tisponsorja proġetti li jtejbu l-litteriżmu, li jipprovdu t-taħriġ tekniku u l-edukazzjoni, li jmexxu x-xjenza ’l quddiem, li jipproteġu l-mezzi tax-xandir indipendenti u l-libertà tal-istampa, li jippreservaw l-istorja reġjonali u kulturali, u li jippromwovu d-diversità kulturali.
Bħala punt fokali għall-kultura u għax-xjenza dinjin, l-attivitajiet tal-UNESCO ġew imwessgħin matul is-snin biex jinkludu l-assistenza fit-traduzzjoni u fid-disseminazzjoni tal-letteratura dinjija, l-istabbiliment ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali biex jitħarsu s-Siti ta’ Wirt Dinji li jkollhom importanza kulturali u naturali, id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem, it-tnaqqis tad-distakk diġitali madwar id-dinja, u l-ħolqien ta’ soċjetajiet inklużivi tal-għarfien permezz tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.[10] L-UNESCO nediet diversi inizjattivi u movimenti globali, fosthom l-Edukazzjoni Għal Kulħadd, sabiex tkompli tilħaq l-objettivi ewlenin tagħha.
Il-governanza tal-UNESCO titmexxa permezz tal-Konferenza Ġenerali, li hija magħmula minn Stati Membri u minn Membri Assoċjati. Din il-Konferenza titlaqqa’ darbtejn fis-sena sabiex jiġu stabbiliti l-programmi u l-baġit tal-aġenzija. Teleġġi wkoll il-membri tal-Bord Eżekuttiv, li jiġġestixxi l-ħidma tal-UNESCO, u kull erba’ snin taħtar Direttur Ġenerali, li jaqdi r-rwol tal-kap amministratur tal-UNESCO. L-UNESCO hija membru tal-Grupp tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp[11], li huwa koalizzjoni ta’ aġenziji u ta’ organizzazzjonijiet tan-NU bit-tir li jilħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.
Storja
Oriġini
L-UNESCO u l-mandat tagħha għall-kooperazzjoni internazzjonali jmorru lura għal riżoluzzjoni tal-Lega tan-Nazzjonijiet tal-21 ta’ Settembru 1921, li riedet taħtar Kummissjoni bl-għan li tistudja l-fattibbiltà li n-nazzjonijiet jikkondividu b’mod ħieles il-kultura, l-edukazzjoni u l-kisbiet xjentifiċi.[12][13] Dan il-korp ġdid, il-Kumitat Internazzjonali għall-Kooperazzjoni Intellettwali (ICIC) inħoloq fl-1922[14] u kellu esponenti ta’ stoffa bħal Henri Bergson, Albert Einstein, Marie Curie, Robert A. Millikan, u Gonzague de Reynold fost il-membri tiegħu (peress li kien kummissjoni żgħira tal-Lega tan-Nazzjonijiet iċċentrata essenzjalment fuq il-Punent tal-Ewropa).[15] Il-pass li jmiss kien il-ħolqien tal-Istitut Internazzjonali għall-Kooperazzjoni Intellettwali (IIIC) f’Pariġi fid-9 ta’ Awwissu 1925, li kellu jaġixxi bħala aġenzija eżekuttiva għall-ICIC. Madankollu, malli faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, din ħarbtet il-ħidma ta’ dawn l-organizzazzjonijiet predeċessuri.[16] Bħala inizjattivi privati, l-Uffiċċju Internazzjonali għall-Edukazzjoni (IBE) beda jaħdam bħala organizzazzjoni mhux governattiva għas-servizz tal-iżvilupp edukattiv internazzjonali minn Diċembru 1925 u ssieħeb mal-UNESCO fl-1969, wara li ġiet stabbilita kummissjoni konġunta fl-1952.[13]
Ħolqien
Wara li ġiet iffirmata l-Karta Atlantika u d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Konferenza tal-Ministri Alleati tal-Edukazzjoni (CAME) bdiet tiltaqa’ f’Londra. Dawn il-laqgħat komplew mis-16 ta’ Novembru 1942 sal-5 ta’ Diċembru 1945. Fit-30 ta’ Ottubru 1943, il-ħtieġa ta’ organizzazzjoni internazzjonali ġiet espressa fid-Dikjarazzjoni ta’ Moska, bi qbil bejn iċ-Ċina, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika. Din ġiet segwita mill-proposti tal-Konferenza ta’ Dumbarton Oaks tad-9 ta’ Ottubru 1944. Fuq proposta tas-CAME u f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Organizzazzjoni Internazzjonali (UNCIO), li saret f’San Francisco f’April-Ġunju 1945, tlaqqgħet Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti għall-istabbiliment ta’ organizzazzjoni edukattiva u kulturali (ECO/CONF) f’Londra mill-1 sas-16 ta’ Novembru 1945 b’44 gvern rappreżentat. L-idea tal-UNESCO ġiet żviluppata l-iktar minn Rab Butler, il-Ministru tal-Edukazzjoni għar-Renju Unit, li kellu influwenza pjuttost kbira fl-iżvilupp tagħha.[17] Fl-ECO/CONF, il-Kostituzzjoni tal-UNESCO ġiet introdotta u ffirmata minn 37 pajjiż, u ġiet stabbilita Kummissjoni Preparatorja. Din il-Kummissjoni Preparatorja operat bejn is-16 ta’ Novembru 1945 u l-4 ta’ Novembru 1946 — id-data meta daħlet fis-seħħ il-Kostituzzjoni tal-UNESCO malli waslet l-għoxrin ratifika minn Stat Membru.[18]
L-ewwel Konferenza Ġenerali seħħet mid-19 ta’ Novembru sal-10 ta’ Diċembru 1946, u fiha Dr. Julian Huxley ġie elett bħala Direttur Ġenerali.[19] Il-Kostituzzjoni ġiet emendata f’Novembru 1954 meta l-Konferenza Ġenerali ddeċidiet li l-membri tal-Bord Eżekuttiv kellhom ikunu rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati taċ-ċittadinanza tagħhom, u għad-differenza ta’ dak li kien jiġri qabel, ma kellhomx jaġixxu iktar f’isimhom stess.[20] Din il-bidla fil-governanza ddistingwiet lill-UNESCO mill-predeċessur tagħha, l-ICIC, u stabbiliet kif l-Istati Membri kellhom jaħdmu flimkien fl-oqsma ta’ kompetenza tal-organizzazzjoni. Filwaqt li l-Istati Membri ħadmu flimkien tul iż-żmien biex iwettqu l-mandat tal-UNESCO, fatturi politiċi u storiċi sawru l-operazzjonijiet tal-organizzazzjoni, b’mod partikolari matul il-Gwerra Bierda, il-proċess tad-dekolonjalizzazzjoni, u x-xoljiment tal-Unjoni Sovjetika.[21][22]
Żvilupp
Fost l-ikbar kisbiet tal-organizzazzjoni hemm il-ħidma tagħha kontra r-razziżmu, pereżempju permezz ta’ stqarrijiet ta’ ċertu portata dwar ir-razza, l-ewwel u qabel kollox id-dikjarazzjoni tal-antropologi (fosthom kien hemm Claude Lévi-Strauss) u ta’ xjentisti oħra fl-1950[23] u l-aħħar iżda mhux l-inqas id-Dikjarazzjoni tal-1978 dwar ir-Razza u l-Preġudizzju Razzjali.[24] Fl-1956, ir-Repubblika tal-Afrika t’Isfel irtirat mill-UNESCO peress li kienet tal-fehma li uħud mill-pubblikazzjonijiet tal-organizzazzjoni kienu “interferenza” fil-“problemi razzjali” tal-pajjiż.[25] L-Afrika t’Isfel reġgħet issieħbet fl-organizzazzjoni fl-1994 taħt it-tmexxija ta’ Nelson Mandela.[26][27]
Il-ħidma bikrija tal-UNESCO fil-qasam tal-edukazzjoni kienet tinkludi proġett pilota dwar l-edukazzjoni fundamentali fil-Wied ta’ Marbial, fil-Haiti, li beda fl-1947.[28] Dan il-proġett ġie segwit minn missjonijiet ta’ esperti f’pajjiżi oħra, fosthom, pereżempju, missjoni fl-Afganistan fl-1949.[29] Fl-1948, l-UNESCO rrakkomandat li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-edukazzjoni primarja b’xejn tkun obbligatorja u universali.[30] Fl-1990, il-Konferenza Dinjija dwar l-Edukazzjoni għal Kulħadd, li saret f’Jomtien, fit-Tajlandja, nediet moviment globali biex l-edukazzjoni bażika tiġi pprovduta lit-tfal, liż-żgħażagħ u lill-adulti kollha.[31] Għaxar snin wara, il-Forum Dinji dwar l-Edukazzjoni tas-sena 2000 li sar f’Dakar, is-Senegal, wassal biex il-gvernijiet li kienu membri jimpenjaw ruħhom biex l-edukazzjoni bażika għal kulħadd tinkiseb sal-2015.[32]
L-attivitajiet bikrin tal-UNESCO fil-kultura kienu jinkludu l-Kampanja tan-Nubja, li tnediet fl-1960.[33] L-iskop tal-kampanja kien li t-Tempju l-Kbir ta’ Abu Simbel jiġi mċaqlaq sabiex ma jisfax mgħerreq min-Nil wara l-kostruzzjoni tad-Diga ta’ Aswan. Matul din il-kampanja ta’ għoxrin sena, 22 monument u kumpless arkitetturali ġew rilokati. Din kienet l-ewwel u l-ikbar kampanja minn sensiela ta’ kampanji, fosthom dawk ta’ Mohenjo-daro, il-Pakistan, Fes, il-Marokk, Kathmandu, in-Nepal, Borobudur, l-Indoneżja u l-Akropoli, il-Greċja.[34] Il-ħidma tal-organizzazzjoni fil-qasam tal-wirt kulturali u naturali wasslet għall-adozzjoni, fl-1972, tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Wirt Kulturali u Naturali Dinji.[35] Il-Kumitat tal-Wirt Dinji ġie stabbilit fl-1976 u l-ewwel Siti ta’ Wirt Dinji ġew iskritti fil-Lista tal-Wirt Dinji fl-1978.[36] Minn dak iż-żmien ’l hawn, ġew adottati strumenti legali importanti dwar il-wirt u d-diversità kulturali mill-Istati Membri tal-UNESCO fl-2003 (il-Konvenzjoni għas-Salvagwardja tal-Wirt Kulturali Intanġibbli[37]) u fl-2005 (il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali[38]).
Laqgħa intergovernattiva tal-UNESCO li saret f’Pariġi f’Diċembru 1951 wasslet għall-ħolqien tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka Nukleari, li kien responsabbli għall-istabbiliment tal-Organizzazzjoni Ewropea għar-Riċerka Nukleari (CERN) fl-1954.[39]
L-ipprogrammar taż-Żoni Aridi, fl-1948-1966, huwa eżempju ieħor ta’ proġett kbir bikri tal-UNESCO fil-qasam tax-xjenzi naturali.[40] Fl-1968, l-UNESCO organizzat l-ewwel konferenza intergovernattiva bl-għan li jiġu rrikonċiljati l-ambjent u l-iżvilupp, li hija problema li għadha qed tiġ indirizzata fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli. L-eżitu ewlieni tal-Konferenza tal-1968 kien il-ħolqien tal-programm tal-UNESCO msejjaħ il-Programm tal-Bniedem u l-Bijosfera.[41]
Fil-qasam tal-komunikazzjoni, il-“fluss ħieles ta’ ideat permezz tal-kelma u l-immaġnijiet” ilha fil-kostituzzjoni tal-UNESCO mill-bidu nett, wara l-esperjenza tat-Tieni Gwerra Dinjija meta l-kontroll tal-informazzjoni kien fattur ta’ indottrinazzjoni tal-popolazzjonijiet għall-aggressjonijiet.[42] Fis-snin eżatt wara t-Tieni Gwerra Dinjija, l-isforzi ġew ikkonċentrati fuq ir-rikostruzzjoni u fuq l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet għall-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa madwar id-dinja. L-UNESCO bdiet torganizza t-taħriġ u l-edukazzjoni għall-ġurnalisti fil-Ħamsinijiet tas-seklu 20.[43] B’rispons għas-sejħiet għal “Ordni Ġdida fil-Komunikazzjoni u l-Informazzjoni tad-Dinja” lejn l-aħħar tas-Sebgħinijiet tas-seklu 20, l-UNESCO stabbiliet il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Istudju tal-Problemi tal-Komunikazzjoni[44], li fasslet ir-rapport MacBride tal-1980 (f’isem il-President tal-Kummissjoni, ir-rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Paċi Seán MacBride).[45] Fl-istess sena, l-UNESCO ħolqot il-Programm Internazzjonali għall-Iżvilupp tal-Komunikazzjoni (IPDC), forum multilaterali maħsub biex jippromwovi l-iżvilupp tal-midja fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.[46] Fl-1991, il-Konferenza Ġenerali tal-UNESCO approvat id-Dikjarazzjoni ta’ Windhoek dwar l-indipendenza u l-pluraliżmu tal-midja, li wasslet biex l-Assemblea Ġenerali tan-NU tiddikjara d-data tal-adozzjoni tagħha, it-3 ta’ Mejju, bħala l-Jum Dinji tal-Libertà tal-Istampa.[47] Mill-1997 ’l hawn, fit-3 ta’ Mejju ta’ kull sena, l-UNESCO tat il-Premju Dinji tal-UNESCO / ta’ Guillermo Cano għal-Libertà tal-Istampa. Bħala parti mill-ħidma għas-Samit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni li sar f’Ġinevra fl-2003 u f’Tunis fl-2005, l-UNESCO introduċiet il-Programm Informazzjoni għal Kulħadd.[48]
Seklu 21
L-UNESCO aċċettat lill-Palestina bħala Membru fl-2011.[49][50] Il-liġijiet li għaddew fl-Istati Uniti wara li l-Palestina applikat għal sħubija fil-UNESCO u fid-WHO f’April 1989[51][52] ifissru li l-Istati Uniti ma tistax tikkontribwixxi finanzjarjament għal xi organizzazzjoni tan-NU li taċċetta lill-Palestina bħala Membru sħiħ.[53] Minħabba f’hekk, l-Istati Uniti rtiraw il-finanzjament tagħhom, li kien jammonta għal 22 % tal-baġit tal-UNESCO.[54]Iżrael irreaġixxa wkoll għad-deċiżjoni tal-UNESCO li taċċetta lill-Palestina bħala Membru billi ffriża l-pagamenti tiegħu lill-UNESCO kif ukoll billi impona sanzjonijiet fir-rigward tal-Awtorità Palestinjana[55], u ddikjara li din id-deċiżjoni tal-UNESCO kienet se tkun ta’ detriment għat-“taħditiet potenzjali għall-paċi”.[56] Fl-2013, sentejn wara li l-Istati Uniti u l-Iżrael ma baqgħux iħallsu sehemhom lill-UNESCO, iż-żewġ pajjiżi tilfu d-drittijiet tal-vot tagħhom fil-UNESCO għalkemm ma tilfux id-dritt li jiġu eletti. Fid-dawl ta’ dan, l-Istati Uniti ġew eletti bħala membru tal-Bord Eżekuttiv għall-perjodu mill-2016 sal-2019.[57] Fl-2019, wara 69 sena ta’ sħubija, Iżrael ma baqax membru tal-UNESCO u leħħen kritika qawwija fir-rigward tal-UNESCO.[58]
Referenzi
^"UNESCO". Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt: |koawturi= u |aċċess= (għajnuna)
^Grandjean, Martin (2018). Les réseaux de la coopération intellectuelle. La Société des Nations comme actrice des échanges scientifiques et culturels dans l'entre-deux-guerres [In-Networks tal-Kooperazzjoni Intellettwali. Il-Lega tan-Nazzjonijiet bħala Attur tal-Iskambji Xjentifiċi u Kulturali fil-Perjodu bejn iż-Żewġ Gwerer Dinjin]. https://tel.archives-ouvertes.fr/tel-01853903/documentLausanne: Université de Lausanne.
^""UNDG Members"". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-05-11. Miġbur 2021-01-24. Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt: |aċċess= u |koawturi= (għajnuna)
^Plenary Meetings, Records of the Second Assembly, Geneva: League of Nations, 5 September – 5 October 1921
^"Peacekeeping in the Cold War/Post-Cold War", UNITED NATIONS PEACEKEEPING IN THE POST-COLD WAR ERA, Abingdon, UK: Taylor & Francis, pp. 23–45, 2005, ISBN 978-0-203-30743-4
^UNESCO. Executive Board, 42nd Session. (1955). Report of the Director-General on the Activities of the Organization (March–November 1955). Paris, 9 November 1955. 42 EX/43. Part I Relations with Member States, paragraph 3.
^Thompson, Leonard Monteath (January 2001). A history of South Africa (Third ed.). New Haven. ISBN 978-0-300-12806-2.
^Nygren, Thomas (2016), "UNESCO Teaches History: Implementing International Understanding in Sweden", A History of UNESCO, London: Palgrave Macmillan UK, pp. 201–230, ISBN 978-1-349-84528-6
^The Haiti pilot project: phase one, 1947–1949. (1951). Monographs on Fundamental Education IV. UNESCO: Paris.
^Shadi Sakran (26 November 2019). The Legal Consequences of Limited Statehood: Palestine in Multilateral Frameworks. Taylor & Francis. pp. 64–. ISBN 978-1-00-076357-7.