Isco
Francisco Román Alarcón Suárez (twieled fil-21 ta' April 1992), komunement magħruf bħala Isco, huwa plejer tal-futbol professjonali Spanjol li jilgħab ma' Sevilla bħala midfilder offensiv. KarrieraValenciaIsco huwa prodott tal-akkademija ta' Valencia, u ddebutta mat-tim tal-kbar fil-11 ta' Novembru 2010 kontra UD Logroñés, partita valida għall-Copa del Rey; hu skorja żewġ gowls f'rebħa ta' 4–1 (7–1 bl-aggregat).[1] Preċedentement, huwa qatta' staġun sħiħ mat-tim tar-riservi fis-Segunda División B, fejn skorja darba f'25 logħba filwaqt li sofra r-relegazzjoni. Isco lagħab l-ewwel logħba tiegħu fil-La Liga fl-14 ta' Novembru 2010, billi lagħab 20 minuta f'rebħa ta' 2–0 kontra Getafe, wara li ħa post Aritz Aduriz.[2] MálagaF'Lulju tal-2011, wara li għen it-tim B ta' Valencia jirritornaw lura għat-tielet livell tal-futbol Spanjol fejn skorja 15-il gowl, Isco iffirma kuntratt ta' ħames snin ma' Málaga, wara li l-klabb attiva l-klawsola tiegħu ta' €6 miljuni.[3] Huwa skorja l-ewwel gowl tiegħu fil-21 ta' Novembru 2011, fir-rebħa ta' 3-1 barra min darhom kontra Racing de Santander.[4] Isco temm l-ewwel staġun tiegħu bi 32 logħba u ħames gowls, hekk kif għen lit-tim jikkwalifika għall-UEFA Champions League għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu u għall-ewwel darba fl-istorja ta' Málaga. Fit-18 ta' Settembru 2012, fl-ewwel logħba ta' Málaga fil-fażi tal-gruppi tal-UEFA Champions League, Isco skorja darbtejn f'rebħa ta' 3–0 kontra Zenit Saint Petersburg, u kien magħżul bħala l-plejer tal-logħba.[5] Fit-22 ta' Diċembru, hu skorja l-ewwel gowl f'rebħa ta' 3–2 kontra Real Madrid ġewwa La Rosaleda, li fissret l-ewwel rebħa ta' Málaga kontra l-avversarji f'29 sena.[6] F'Diċembru, hu rebaħ l-premju tal-Golden Boy meta għeleb lil Stephan El Shaarawy u Thibaut Courtois.[7] Fit-28 ta' Jannar 2013, Isco iffirma kuntratt ġdid li rat il-klawsola għall-bejgħ tiegħu stabbilita għal €35 miljun.[8] Real MadridFis-26 ta' Ġunju 2013, il-president ta' Real Madrid Florentino Pérez ikkonferma li ntlaħaq ftehim ma' Isco u li l-plejer se jiġi ppreżentat mill-klabb fil-ġimgħa d-dieħla, ġaladarba huwa jkun għadda mit-testijiet mediċi tiegħu.[9] Ġurnata wara, Isco ffirma kuntratt ta' ħames snin ma' Real Madrid, hekk kif sar l-ewwel plejer li nxtara taħt il-kowċ il-ġdid Carlo Ancelotti.[10] Fit-18 ta' Awwissu 2013, huwa għamel id-debutt tiegħu ma' Real Madrid fl-ewwel ġurnata tal-kampjonat fejn assista u skorja l-gowl tar-rebħa, b'daqqa ta' ras fil-85 minuta, f'rebħa ta' 2–1 f'darhom kontra Real Betis.[11] Huwa kompla bil-forma tiegħu billi skorja żewġ gowls kontra Athletic Bilbao fl-1 ta' Settembru.[12] InternazzjonaliIsco deher mat-tim Spanjol ta' taħt is-17-il sena fit-Tazza tad-Dinja U-17 2009, u skorja tliet darbiet hekk kif Spanja spiċċaw it-tielet. Fl-2011 huwa rrappreżenta lil pajjiżu fit-Tazza tad-Dinja U-20 miżmuma fil-Kolombja, u skorja gowl wieħed fil-kwarti tal-finali. Fil-15 ta' Mejju 2012, ġie magħżul għall-ewwel darba mat-tim tal-kbar għal-logħba ta' ħbiberija kontra s-Serbja u l-Korea t'Isfel, iżda ma ħa daħal jilgħab fl-ebda logħba. Fis-6 ta' Frar 2013, Isco għamel id-debutt tiegħu mal-iskwadra hekk kif lagħab l-aħħar 30 minuta fir-rebħa ta' 3–1 kontra l-Urugwaj f'Doha, il-Qatar.[13] UnuriNazzjonalIndividwali
StatistikaKlabbStatistika aġġornata sal-1 ta' Settembru 2013
Referenzi
Ħoloq esterni |