Grupp F tat-Tazza tad-Dinja tal-Futbol 2006 li saret fil-Ġermanja, kien jikkonsisti minn erba' timijiet. Il-logħob minn dan il-grupp sar bejn it-12 ta' Ġunju u t-22 ta' Ġunju 2006. Il-Brażil rebħu l-grupp, u avvanzaw għat-tieni taqsima tal-logħba, flimkien li magħhom ingħaqdu l-Awstralja. Il-Kroazja u l-Ġappun kellhom ibaxxu rashom hekk kif sfaw eliminati.
Il-Brażil laħqu l-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja konxji li kienu fost il-favoriti netti li jerġgħu jakkwistaw t-Tazza tad-Dinja għat-tieni darba konsekuttiva, wara kampanja ta' kwalifikazzjoni mill-aqwa akkumpanjata minn staġun mill-aqwa għal Ronaldinho. Il-Kroazja, għas-suċċess li kellha fil-kompetizzjonijiet preċedenti u l-pożizzjoni tagħha fil-quċċata tal-klassifika tal-grupp ta' kwalifikazzjoni quddiem l-Iżvezja, kienet il-favorita li ssib post fit-tieni taqsima permezz tat-tieni post fil-grupp. Il-Ġappun kienu dawk li kellhom ix-xewqa li jerġgħu jirrepetu l-istess passi li għamlu fl-edizzjoni preċedenti fejn f'dik is-sena kienu waslu sal-aħħar taqsima, waqt li l-Awstralja kienet qed tagħmel l-istorja meta reġgħet dehret f'din il-kompetizzjoni wara assenza ta' 32 sena.
Fl-ewwel partita tal-Brażil, it-tim wera livell ta' prestazzjoni baxxa, bid-detenturi ta' dan it-titlu juru nuqqas ta' sforz bid-difiża Kroata jirnexxielha tannulla kwalunkwe avvanz magħmul minn Ronaldinho u Ronaldo. Minkejja li Kaká ħareġ bil-gowl rebbieħ fl-44 minuta, ħafna kienu li ddubbitaw fuq il-prestazzjoni Brażiljana speċjalment fuq Ronaldo u l-prestazzjoni tiegħu, b'ħafna jikkritaw bil-qawwi lill-plejer għan-nuqqas ta' impenn li wera. Il-partita bejn l-Awstralja u l-Ġappun, rat lit-tim Ġappuniż jieħu l-vantaġġ b'gowl kontroversjali ta' Shunsuke Nakamura fis-26 minuta, meta l-plejers Awstraljani pprotestaw li Naohiro Takahara tellef lill-gowler Mark Schwarzer milli jilqa' l-ballun. Madanakollu, doppjetta tas-soltu Tim Cahill u John Aloisi fit-tieni taqsima kienu biżżejjed biex taw rebħa lill-Awstraljani bl-iskor ta' 3–1. Dawn il-gowls kienu l-ewwel gowls tal-Awstralja fl-istorja tagħhom fit-Tazza tad-Dinja. B'hekk is-Socceroos kisbu l-ewwel rebħa fit-Tazza tad-Dinja.
Konxji mill-bżonn li kellhom jiksbu xi punti kontra l-hekk mistħoqq l-aqwa tim tal-grupp, l-Awstralja ħarġet b'saħħitha kontra l-Brażil. Minkejja li l-Brażil kienu ta' aktar kwalità mit-tim Oċean, dan ma kienx rifless fuq il-grawnd. Madanakollu, in-nuqqas ta' esperjenza li l-Awstraljani kienu jħaddnu għal manifestazzjoni bħal din swiethom qares f'dan il-konfront. Il-Brażil marru minn fuq grazzi għal doppjetta ta' Adriano u tas-sostitut Fred, biex ħarġu rebbieħa 3–0 u assiguraw il-passaġġ għat-tieni taqsima. Il-Kroazja u l-Ġappun, min-naħa l-oħra, kellhom bżonn rebħa biex iżommu l-aspirazzjonijiet tagħhom għolja biex jilħqu 'l-Awstralja. Madanakollu, din il-partita spiċċat f'pari deludenti ta' mingħajr gowls.
Fl-aħħar partita tal-grupp, il-Ġappun lagħbu kontra l-Brażil. Minkejja li fit-teorija l-Ġappuniżi xorta kienu għadhom fiċ-ċans li jikkwalifikaw, fil-verità kellha tkun wirja impekabbli biex jinnulifikaw l-isfida tal-Brażil. B'sorpriża, Keiji Tamada fetaħ l-iskor għall-Ġappuniżi fl-34 minuta. Il-Brażil, li kienu għadhom iżommu r-rekord ta' disa' partiti mingħajr telfa fil-fażi finali tal-kompetizzjoni (bl-aħħar telfa tmur lura fil-finali tat-Tazza tad-Dinja 1998 kontra Franza), irrispondu għal dan il-gowl bla mistenni, meta l-ħafna kritikat Ronaldo sikket 'il kritiċi tiegħu billi skorja l-gowl tal-pari. Dan il-gowl fisser ukoll li Ronaldo ħa post 'il leġġendarju Pelé fil-klassifika tal-aqwa skorers mat-tim nazzjonali Brażiljan f'dan it-turnew. Juninho Pernambucano u Gilberto tefgħu lill-Brażil fil-vantaġġ, u Ronaldo żied ir-raba' u l-aħħar gowl tal-konfront, b'dan il-gowl skorjat fil-81 minuta, jagħmlu l-iktar skorer prolifiku fl-istorja ta' dan it-turnew fejn ugwalja r-rekord tal-Ġermaniż Gerd Müller.
Il-partita l-oħra offriet aktar emozzjonijiet, bl-Awstralja u l-Kroazja jiġġieldu għall-aħħar post disponibbli għat-tieni taqsima. Bl-aqwa logħob ikun provdut mill-Balkaniċi, ma kinitx sorpriża li wara żewġ minuti Darijo Srna fetaħ l-iskor għall-Kroati. Craig Moore irnexxielu jġib parità fl-iskor wara 38 minuta. Fit-tieni taqsima, il-kaptan tal-Kroazja Niko Kovač reġa' poġġa fil-vantaġġ lit-tim tiegħu, b'gowl li wasal fis-57 minuta. Hekk kif bdew jgħaddu l-minuti, il-partita bdiet issir aktar vjolenti bir-referi Ingliż Graham Poll juri t-tieni karta safra (u b'hekk karta ħamra finali) lill-Kroat Dario Šimić u lill-Awstraljan Brett Emerton fil-85 u fis-87 minuta, rispettivament. Hekk kif deher li kienu se tkun il-Kroazja li tkompli l-avventura f'din il-kompetizzjoni, Harry Kewell skorja għall-Awstralja u kiseb il-pari ta' 2–2. Fl-aħħar istanti tal-partita, seħħ fatt stramb fejn fid-90 minuta Graham Poll wera t-tieni karta safra lil Josip Šimunić. Hekk kif kellu diġà karta safra li ngħatatlu fil-61 minuta, skont ir-regoli tal-FIFA dan kellu jħalli l-grawnd, imma r-referi ma weriex il-karta l-ħamra, u Šimunić kompla jilgħab sa tliet minuti wara meta fl-aħħar Poll wrielu t-tielet karta safra u finalment ingħata l-karta l-ħamra. B'riżultat ta' dan, il-FIFA issospendiet lil Graham Poll għall-kumplament tat-turnew. Finalment, il-partiti ntemmet bl-Awstraljani jilħqu għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom il-fażi tal-aħħar sittax.
Assistenti: Philip Sharp
Glen Turner
Ir-Raba' uffiċċjal: Jerome Damon Il-Ħames uffiċċjal: Kevin Stott
Referenzi
^Šimunić ingħata tliet karti sofor f'din il-partita: ir-referi naqas li jkeċċieh wara t-tieni karta safra, u ngħata biss il-karta ħamra wara t-tielet safra. Ir-rapport oriġinali tal-partita mill-FIFA wera t-tliet karti sofor, madankollu ġie modifikat ftit wara, bit-tieni karta safra (90') ma tkunx imniżżla; mhuwiex magħruf jekk dan hux minħabba l-konsistenza fir-rapporti, jew l-karta s-safra ġiet mneħħija.