Il-Villa d'Este jew il-Villa tal-familja d'Este hija villa tas-seklu 16 f'Tivoli, ħdejn Ruma, famuża għall-ġnien RinaxximentaliTaljan tagħha f'għolja mtarrġa u speċjalment għall-bosta funtani tagħha. Illum il-ġurnata hija mużew statali Taljan u tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]
Storja
Il-villa ġiet ikkummissjonata mill-Kardinal Ippolito II d'Este (1509-1572), it-tieni iben ta' Alfonso I d'Este, id-Duka ta' Ferrara u n-neputi tal-PapaAlessandru VI min-naħa ta' ommu Lucrezia Borgia. Il-familja d'Este kienu s-sinjuri ta' Ferrara mill-1393, u kienu famużi bħala patruni tal-arti u tal-istudjużi umanisti tar-Rinaxximent. Bħala t-tieni iben, Ippolito kien destinat għal karriera fil-knisja; sar l-Arċisqof ta' Milan meta kellu għaxar snin biss. Meta għalaq 27 sena, huwa ntbagħat fil-qorti Franċiża, fejn sar il-konsulent tar-Re Franċiż, Francis I, u fl-1540 sar membru tal-Kunsill Privat tar-Re. Meta għalaq tletin sena, fuq talba tar-re, il-Papa Pawlu III għamlu kardinal. Bis-saħħa tal-konnessjonijiet ekkleżjastiċi u rjali, huwa sar l-iktar kardinal għani ta' żmienu, b'introjtu annwali ta' madwar 120,000 scudo. Huwa kien patrun kbir tal-arti, u appoġġa fost l-oħrajn lill-iskultur Benvenuto Cellini, lill-mużiċist Pierluigi da Palestrina u lill-poetaTorquato Tasso. Minkejja li l-introjtu tiegħu kien enormi, huwa dejjem kien imdejjen. Ir-Re Franċiż il-ġdid, Enriku II, bagħtu bħala mibgħut f'Ruma, fejn kellu rwol ewlieni fil-ħajja soċjali u politika tal-belt. Huwa kien jidher destinat li jsir Papa u uża l-flus u l-influwenza kollha tiegħu għal dak l-għan, iżda fi żmien ir-Riformazzjoni u l-Kunsill ta' Trento, l-istil ta' ħajja stravaganti tiegħu swiet kontrih. Fl-1549, l-ewwel kandidatura tiegħu għall-pożizzjoni ta' Papa, bl-appoġġ tar-Re Franċiż, ġiet imblukkata mill-Imperatur tal-Asburgi. D'Este minnufih irtira l-kandidatura tiegħu stess, approva l-kandidat tal-Asburgi, u fit-3 ta' Diċembru 1549 il-Kulleġġ tal-Kardinali tah kariga għall-għomor bħala l-Gvernatur ta' Tivoli. Dan it-titlu ġdid kien jixraqlu, peress li kien diġà kollezzjonist akkanit tal-antikitajiet, u tah il-ġurisdizzjoni fuq is-sit tal-Villa ta' Adrijanu u siti oħra li kienu bdew jiġu skavati. Huwa ma qatax qalbu li jsir Papa u kien kandidat għal Papa ħames darbiet, għalkemm qatt ma ntgħażel.
Tivoli kienet residenza popolari tas-sajf minn żmien ir-Rumani minħabba l-altitudni tagħha, temperaturi iktar bierda u l-prossimità tagħha mal-Villa ta' Adrijanu, ir-residenza tas-sajf tal-Imperatur Adrijanu I. Il-kariga ta' Gvernatur ta' Tivoli ġabet magħha residenza uffiċjali li kienet tinsab f'eks kunvent tal-Ordni Benedittini, li kien inbena fis-seklu 9 fis-sit ta' villa Rumana antika. Fl-1256 ġie mogħti b'donazzjoni lill-Ordni tal-Franġiskani. Ir-residenza ma kinitx kbira biżżejjed għall-unità domestika enormi ta' Kardinal daqshekk prominenti bħal d'Este, iżda kellha veduta spettakolari tal-kampanja, inkluż il-Villa ta' Adrijanu, u provvista tal-ilma naturali abbundanti għall-funtani u għall-ġonna. D'Este kkummissjona lil studjuż klassiku prominenti, Pirro Ligorio, li kien studja l-Villa ta' Adrijanu u siti Rumani oħra fil-qrib, biex jiddisinja villa u ġnien ġodda li kienu jisbqu kwalunkwe struttura li qatt bnew ir-Rumani. Huwa kiseb provvista abbundanti ta' irħam u statwi mill-fdalijiet tal-Villa ta' Adrijanu.
L-art ġiet akkwistata u l-kostruzzjoni ġiet ippjanat li tibda fl-aħħar tal-1550, iżda l-Kardinal kien distratt minn diversi missjonijiet diplomatiċi; ġie stazzjonat fit-Tramuntana tal-Italja biex isib soluzzjoni għall-gwerra f'Parma, imbagħad intbagħat minn Enriku II f'missjoni lejn Siena. Huwa ma reġax lura f'Tivoli qabel is-sajf tal-1555. Madankollu, f'Settembru 1555, ġie akkużat b'simonija (il-bejgħ u x-xiri ta' oġġetti spiritwali) mill-Papa Pawlu IV u ġie eżiljat. Il-Papa miet fl-1559, u l-Papa l-ġdid, Papa Piju IV, irriabilita lil d'Este u reġa' tah it-titlu ta' Gvernatur ta' Tivoli. Il-kostruzzjoni bdiet meta reġa' lura f'Lulju 1560. Sal-1569 kien hemm bżonn iktar art u din ġiet akkwistata. Is-sit enormi tal-kostruzzjoni kien jeħtieġ it-twaqqigħ ta' djar, binjiet pubbliċi u toroq. Fl-1568, ir-residenti lokali ressqu 12-il kawża differenti kontra l-Kardinal, iżda xorta waħda baqa' għaddej bil-proġett tiegħu. Bejn l-1563 u l-1565, ammont kbir ta' ħamrija ġiet skavata u ntużat għall-kostruzzjoni tal-art imtarrġa; flimkien ma' arkati, grotti, niċeċ u nymphaeums. Ix-xmara Aniene fil-qrib ġiet devjata sabiex tforni l-ilma għas-sistema kumplessa ta' vaski, ġettijiet tal-ilma, kanali, funtani, kaskati u logħob bl-ilma. Ix-xaqliba wieqfa tal-ġnien, ta' iktar minn 45 metru (148 pied) minn fuq għal isfel, kienet tirrappreżenta diversi sfidi. Tħaffru l-kanali u 200 metru ta' pajpijiet taħt l-art biex iwasslu l-ilma mill-muntanja artifiċjali taħt il-funtana ovali għall-bqija tal-ġnien. Skont il-prinċipji estetiċi tar-Rinaxximent, il-ġnien tqassam bir-reqqa f'unitajiet jew f'kompartimenti regolari, b'wisa' ta' 30 metru, distribwiti tul assi medjana lonġitudinali, b'ħames assi laterali.
Il-pjanijiet għall-villa stess twettqu taħt id-direzzjoni tal-arkitett u inġinier minn Ferrara Alberto Galvani, l-arkitett tal-qorti tal-familja d'Este. Il-pittur ewlieni tat-tiżjin intern ambizzjuż kien Livio Agresti minn Forlì. Fl-1565 u fl-1566, inbeda x-xogħol fuq it-tiżjin fuq ġewwa tal-villa. It-tiżjin twettaq minn tim ta' pitturi taħt Girolamo Muziano u Federico Zuccari. Fl-1566, il-Kardinal għamel il-ħames sforz tiegħu biex jiġi elett bħala Papa, iżda għal darb'oħra ma rnexxielux, u ġie eskluż mill-Papa l-ġdid, il-Papa Piju V, minn iktar ħatriet uffiċjali. B'hekk kompla jiffoka dejjem iktar fuq it-tiżjin tal-villa. Timijiet ġodda ta' pitturi u ta' ħaddiema bl-istukko ħadmu fuq it-tiżjin bejn l-1567 u l-1572, taħt id-direzzjoni ta' Girolamo Muziano, Livio Agresti, Cesare Nebbia, Durante Alberti, Matteo Neroni u Federico Zuccari. Flimkien mal-pitturi kien hemm ukoll l-iskulturi Giovan Battista della Porta, Pirrino del Gagliardo, Gillis van den Vliete, Giovanni Malanca u Pierre de la Motte. Flimkien magħhom kien hemm ukoll ħaddiema biċ-ċeramika, artisti tal-mużajk, kif ukoll inġiniera tal-funtani, immexxija minn Pirro Ligorio, id-disinjatur oriġinali tal-proġett, li reġa' lura biex itemm ix-xogħlijiet fl-1567-1568.
Ix-xogħol diżorganizzat tal-proġett beda jmajna fl-1569, x'aktarx minħabba d-diffikultajiet finanzjarji tal-Kardinal, li ma kellux iktar tama li jiġi elett Papa u li kien tilef il-karigi Franċiżi tiegħu li kienu jqallgħuh ħafna flus. Huwa qatta' dejjem iktar ħin fil-villa, jaqra u jiltaqa' mal-poeti, mal-artisti u mal-filosfi ewlenin tar-Rinaxximent. Fis-sajf tal-1572, huwa ospita l-aħħar mistieden importanti tiegħu, il-Papa Gregorju XIII. Sabiex iħejji għaż-żjara tiegħu, il-Kardinal żejjen mill-ġdid is-sulari ta' fuq tal-villa u għaġġel it-tlestija tal-funtana tad-draguni. Sabiex jilqa' lill-Papa, il-preparamenti swewh iktar minn 5,000 scudo, u b'hekk kellu jħalli l-oġġetti tal-fidda u oġġetti prezzjużi oħra tiegħu b'rahan. Ftit wara ż-żjara tal-Papa, fit-2 ta' Diċembru 1572, il-Kardinal miet f'Ruma, u ndifen f'qabar sempliċi fil-knisja maġenb il-villa.
Fis-snin ta' wara
Mal-mewt ta' Ippolito fl-1572, il-villa u l-ġonna għaddew għand in-neputi tiegħu, il-Kardinal Luigi (1538-1586), li kompla x-xogħol fuq uħud mill-funtani u mill-ġonna li kienu għadhom ma tlestewx, iżda sabha diffiċli biex ilaħħaq mal-ispejjeż għoljin tal-manutenzjoni. Wara mewtu fl-1586, il-villa għaddiet għand il-Kardinali Djakni tal-Kulleġġ Sagru, li ma tantx għamlu wisq biex jieħdu ħsieb il-villa. Fl-1599 il-villa reġgħet lura f'idejn il-familja d'Este bin-nomina tal-Kardinal Alessandro d'Este (1538-1624). Alessandro kellu l-enerġija u l-ambizzjoni tal-antenat tiegħu u wettaq rinnovazzjoni kbira tal-ġonna u tas-sistemi tal-ilma. Barra minn hekk, bena wkoll sistema ġdida ta' funtani fil-ġnien t'isfel. Huwa pperswada wkoll lill-Papa Gregorju XV biex formalment jagħti s-sjieda tal-villa lill-familja d'Este. Is-suċċessuri tiegħu, id-Duki ta' Modena, żiedu iktar affarijiet fil-ġonna. Francesco I (1629-1641) irrestawra ħafna mill-istrutturi li kienu qed jikkrollaw u beda jħawwel is-siġar fil-ġonna li qabel ma kellhomx dell. Il-Kardinal Rinaldo I kkummissjona żewġ funtani ġodda magħmula minn Gian Lorenzo Bernini fl-1660-1661. Madankollu, wara l-1695, il-familja d'Este ma setgħetx tiflaħ iktar għall-ispejjeż kbar ta' manutenzjoni tal-villa, li qajla użaw u li ma pproduċiet l-ebda introjtu. B'hekk il-villa għaddiet minn perjodu twil ta' deklin. Wara l-1751, l-għamara tal-villa ntbagħtet lejn Modena, u l-iskulturi antiki gradwalmet tneħħew mill-ġonna u nbigħu lill-kollezzjonisti. Fl-1796, il-familja tal-Asburgi ħadet il-villa f'idejha, wara li Ercole III d'Este ħalliha b'wirt lil bintu Maria Beatrice, li żżewġet lil Gran Duka Ferdinandu tal-Asburgi. Il-villa ġiet pjuttost ittraskurata u ġiet okkupata darbtejn mis-suldati Franċiżi, li ħadu magħhom il-biċċa l-kbira tat-tiżjin li kien għad fadal.
Bejn l-1850 u l-1896, il-villa għaddiet għand il-Kardinal Gustav von Hohenlohe, li rrestawra l-villa mill-ġdid flimkien mal-ġonna rvinati u mimlijin ħaxix ħażin, li dak iż-żmien reġgħu bdew jappellaw għas-sentimenti Romantiċi. Għal darb'oħra l-villa bdiet tattira artisti, mużiċisti u kittieba. Il-kompożiturFranz Liszt għamel diversi żjarat bejn l-1865 u l-1885, u kiteb tliet xogħlijiet mużikali għall-pjanu, żewġ "trenodiji" mużikali bit-titlu "Aux cyprès de la Villa d’Este" u x-xogħol mużikali karatteristiku "Les jeux d'eau à la Villa d'Este," b'ispirazzjoni mill-villa. Dawn tqiegħdu fit-"tielet sena" tal-Années de pèlerinage tiegħu. Din tal-aħħar tinkludi wħud mill-iżjed evokazzjonijiet influwenti tal-logħob bl-ilma li qatt inkitbu għall-pjanu.
Wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, il-villa ġiet akkwistata mill-Istat Taljan, li beda restawr kbir fl-1922. Il-villa reġgħet ġiet imżejna bil-pitturi mill-imħażen tal-Gallerija Nazzjonali ta' Ruma. Fl-1944 ġarrbet ħsarat mill-bombi matul it-Tieni Gwerra Dinjija, u bosta mill-ħitan tagħha ġew affettwati fis-snin ta' wara l-gwerra mit-tniġġis ambjentali, iżda permezz ta' kampanji ta' restawr u ta' protezzjoni, il-karatteristiċi famużi tal-villa u tal-ġonna ġew ippreservati. Il-volum ta' poeżiji ta' Jean GarrigueA Water Walk by Villa d'Este (1959) ġie ispirat mill-ġonna tal-villa. Kenneth Anger ġibed il-film Eaux d'Artifice qalb il-karatteristiċi bl-ilma tal-ġonna tal-villa. L-orgni tal-ilma, li ma kienx iffunzjona għal bosta snin, ġie rrestawrat u issa jdoqq mill-ġdid kuljum għall-viżitaturi.
Il-Villa
Illum il-ġurnata wieħed jaċċessa l-villa minn entrata f'Piazza Trento, ħdejn id-daħla tal-Knisja ta' Santa Marija Maġġuri. Fi żmien Ippolito d'Este, din l-entrata qajla kienet tintuża; il-viżitaturi kienu jaslu fin-naħa t'isfel tal-ġonna, u kienu jitilgħu, pass wara pass, lejn il-villa, filwaqt li jitpaxxew bil-funtani u bl-istatwi. L-entrata attwali tmur lura għall-1521, għall-perjodu ta' qabel Ippolito. Fis-sala ta' lqugħ wara l-entrata hemm volta mpittra li fl-imgħoddi kienet miksija pitturi. Dawn fil-biċċa l-kbira tagħhom inqerdu mill-bumbardamenti tat-Tieni Gwerra Dinjija. Is-sala kienet imżejna b'xeni monokromatiċi mit-Testment l-Qadim, u wħud minnhom, inkluż Is-Sagrifiċċju ta' Iżakk, għadhom viżibbli. Dawn imorru lura għall-perjodu bejn l-1563 u l-1565, u x'aktarx li ġew iddisinjati minn Girolamo Muziano. Fis-sala ta' wara, is-Sala tal-Ġrajjiet ta' Salamun, hemm xeni mill-ħajja tar-Re Salamun, fi gwarniċi mpittra apposta taparsi tal-irħam. Dawn ukoll ġew attribwiti lil Muziano u lill-ħaddiema tas-sengħa tiegħu, ukoll għall-ħabta tal-1565. Hemmhekk hemm ras enormi tat-travertin, li sas-seklu 18 kienet tinsab fil-ġnien.
Il-bitħa tinsab fejn qabel kien hemm il-kjostru oriġinali tal-kunvent. Din inbniet fl-1566-1567, u hija mdawra b'gallerija. F'nofs il-bitħa hemm il-Funtana ta' Venere, l-unika funtana fil-villa li għad għandha d-dehra u t-tiżjin oriġinali. Il-funtana, iddisinjata minn Raffaelo Sangallo fl-1568-1569, għandha żewġ kolonni Doriċi fil-ġnub, u fiha bust tal-irħam tas-seklu 4 tal-Imperatur Kostantinu. L-element ċentrali tal-funtana hija statwa Rumana ta' Venere rieqda, magħmula fis-sekli 4 jew 5 W.K. Oriġinarjament l-ilma kien jiġi mferra' minn vażun maġenbha f'labrum Ruman tal-irħam abjad tas-seklu 2 W.K., imżejjen b'żewġt irjus tal-iljuni. Il-funtana hija mdawra fuq tliet naħat minn bitħa tas-seklu 16 mibnija fejn qabel kien hemm il-kjostru Benedittin. Il-funtana fuq ħajt laterali fiha grotta u figura li ssegwi prototip Ellenistiku familjari l-iktar fl-Arjadne Rieqda tal-Vatikan. Il-grotta, b'bosta stalaktiti għoljin, tidentifikaha bħala ninfea residenti, jew genius loci, għalkemm spiss hija magħrufa bħala Venere. Il-bażi tal-funtana hija mżejna b'riljiev bl-istukko li xi darba kien indurat, kif ukoll b'ajkli bojod tal-istemma tal-familja d'Este. Turi l-fluss tax-xmara minn Monte Sant'Angelo sal-villa. It-tiżjin bl-iskulturi madwar il-bitħa, b'mod partikolari r-rappreżentazzjoni ta' siġar tal-isfarġel, juri l-11-il sfida ta' Erkole; is-serqa tat-tuffieħ tad-deheb mill-Ġnien tal-Esperidi, li kienu ssalvagwardjati mid-dragun Ladone. Erkole kien rinomat bħala protettur tar-reġjun Tiburtin fejn tinsab il-villa, u ġie ddikjarat bħala antenat tal-familja d'Este.
Appartamenti tal-Kardinal
Is-Sala Prinċipali fil-pjan terran hija l-ewwel kamra mill-appartamenti personali ta' Ippolito; kienet tintuża għar-riċevimenti, u għandha veduta spettakolari tal-ġnien ta' taħtha u tal-kampanja tal-madwar, inkluż tal-Villa ta' Adrijanu. Il-ħitan, li llum il-ġurnata mhumiex impittrin, fl-imgħoddi kienu miksija bil-ġilda mżejna b'disinni lewn id-deheb u ħodor, bl-ajkli tal-familja d'Este. Is-saqaf bil-volti tal-kamra għadu miksi bi freġju u b'affreski bit-tema tal-virtujiet, impitter b'għoxrin personifikazzjoni differenti. Dawn ġew iddisinjati minn Livio Agresti fl-1568, u nħolqu minn tim ta' artisti u ħaddiema bl-istukko. Temi oħra jinkludu pajsaġġi bi fdalijiet ta' tempji, li ġew ispirati mill-pajsaġġ Tiburtin.
Antikamra żgħira ħdejn is-sala prinċipali għandha freġju u volta mżejna b'iktar personifikazzjonijiet tal-virtujiet, u tagħti għall-Kamra tas-Sodda tal-Kardinal, li nbniet fl-1576. Il-ħitan tal-kamra tas-sodda oriġinarjament kienu miksija bil-ġilda mpittra bid-deheb u bil-fidda. Is-saqaf tal-injam b'għamla ta' kaxxi huwa l-iktar karatteristika notevoli tal-kamra, indurat u mpitter bl-istemma tal-familja d'Este, ajkla mdawra b'friegħi tal-isfarġel, mitra tal-isqof, u l-mottu tal-familja d'Este, ab insomni non custodita dracone, vers minn Ovidju li jirreferi għad-dragun li kien għassa mal-ġonna tal-Esperidi. Fl-irkejjen tal-kamra hemm figuri femminili li jirrappreżentaw aspetti differenti tal-virtujiet. L-appartament privat huwa mgħammar ukoll b'librerija u b'kappella żgħira, b'ħitan imżejna b'affreski b'taħlita ta' simboliżmu klassiku u Kristjan, Sibilli u profeti. Il-volta tas-saqaf tal-kappella fiha affresk tal-inkurunazzjoni tal-Madonna. L-appartament huwa kkollegat permezz ta' daħliet bil-bibien mal-Gran Loġġa klassika ta' Pirro Ligorio fil-faċċata tal-ġnien tal-villa, ibbażat fuq it-terrazza t'isfel u ddisinjat bl-għamla ta' arkata trijonfali kbira.
Sular t'isfel
Is-sular t'isfel, taħt l-appartamenti personali tal-Kardinal, fih sensiela ta' kmamar imżejnin, kull waħda mżejna b'tema speċifika, u kollha kkollegati man-natura, mal-mitoloġija u mal-ilma. Il-kmamar huma inqas formali minn dawk tal-appartamenti tas-sular ta' fuq; kienu jintużaw għal mumenti privati fil-ħajja tal-Kardinal; is-smigħ tal-mużika jew tal-poeżija; xi konversazzjoni, il-qari, u r-riflessjoni reliġjuża. Wieħed jasal għal dawn il-kmamar minn taraġ ċeremonjali kbir li jinżel mill-bitħa, u l-kmamar huma kkollegati ma' xulxin b'kuritur dejjaq u twil b'saqaf għoli bil-volti, li jirċievi d-dawl minn għadd ta' fetħiet li jagħtu għall-bitħa ta' fuq. Is-saqaf tal-kuritur huwa mżejjen b'mużajk tas-seklu 16, b'rappreżentazzjoni ta' pergola abitata minn għasafar ikkuluriti, tant li l-kuritur jidher qisu parti mill-ġnien. Il-kuritur fih ukoll tliet funtani rustiċi elaborati, bi grotti f'minjatura bil-kolonni u l-pedamenti.
Is-Sala ta' Noè, bħas-swali l-oħra tas-sular, għandha ħitan miksijin bl-affreski ddisinjati taparsi tapizzeriji, alternati b'xeni ta' pajsaġġi klassiċi, fdalijiet, djar rustiċi tal-villeġġjatura, u xeni oħra li jiksu s-saqaf u l-ħitan kollha minn fuq s'isfel. Din is-sala tmur lura għall-1571, jiġifieri lejn l-aħħar tat-tiżjin tal-villa, u hija attribwita lil Girolamo Muziano, li kien famuż għal xeni simili ta' pajsaġġi Venezjani. Ix-xeni ewlenin juru l-Erba' Staġuni, allegoriji tal-prudenza u tat-temperanza, u x-xena ċentrali turi lil Noè bl-arka ftit wara li waslet fuq il-Muntanja Ararat, wara patt ma' Alla. Ajkla bajda, is-simbolu tal-familja d'Este, tidher b'mod prominenti nieżla mill-arka.
Fis-sala ta' wara, is-Sala ta' Mosè, hemm affresk fin-nofs tas-saqaf li juri lil Mosè jsabbat il-ħatar tiegħu fuq blata biex jisqi l-poplu ta' Iżrael. Din kienet allużjoni għall-Kardinal, li kien wassal l-ilma għall-ġonna tal-villa permezz ta' kanali fil-blat. Panewijiet oħra juru xeni mill-ħajja ta' Mosè, idra b'sebat irjus, l-emblema tal-familja ta' Ercole I d'Este, antenat ta' Ippolito, u pajsaġġi fantastiċi.
Is-Sala ta' Venere oriġinarjament fin-nofs tagħha kellha funtana kbira, b'irdum u b'grotta artifiċjali bl-istukko. Il-funtana kellha vaska tal-ilma u statwa klassika ta' Venere rieqda, iżda fis-seklu 19 il-vaska tneħħiet u l-Venere, li kienet tneħħiet wara l-mewt tal-Kardinal, ġiet sostitwita b'żewġ statwi ġodda tal-Paċi u tar-Reliġjon, li jirrappreżentaw xena fil-grotta ta' Lourdes. L-art oriġinali tat-terrakotta għadha hemm, bl-ajkla bajda tal-familja d'Este. L-unika tiżjin ieħor fis-sala hija pittura tas-seklu 17 fis-saqaf ta' anġli joffru l-fjuri lil Venere.
L-Ewwel u t-Tieni Swali Tiburtini nħolqu fl-istess żmien minn tim ta' pitturi mmexxija minn Cesare Nebia qabel l-1569, u t-tnejn li huma għandhom konfigurazzjoni komuni. Il-ħitan huma miksija b'elementi arkitettoniċi mpittrin, inkluż kolonni u bibien, kif ukoll forom elaborati mpittrin u elementi bl-iskulturi. Disinni bil-fjuri jimlew l-ispazji bejn l-arkitettura mpittra, flimkien ma' medaljuni, maskri u elementi oħra. It-tiżjin taż-żewġ swali juri ġrajjiet mill-mitoloġija u mill-istorja tar-reġjun Tiburtin fejn tinsab il-villa.
It-tema ewlenija tat-Tieni Sala Tiburtina hija l-ġrajja tas-Sibill Tiburtin: skont il-mitoloġija, ir-Reġina Ida ġiet ikkastigata minn Ġove talli rabbiet lil Baccus biex tevita l-ġenn tar-raġel tagħha, Atamante; Venere u Nettunu ttrasformawha f'veġġenti, Leucotea. Hija vvjaġġat lejn l-Italja fejn għexet fil-foresti Tiburtini, u għamlet profeziji u bassret it-twelid ta' Kristu. Leġġenda Tiburtina oħra murija fis-sala hija dik tar-Re Aniene, li fittex lil Merkurju, li ħataf lil bintu Cloris, u għereq fix-xmara Aniene, li ngħatat ismu, u li tipprovdi l-ilma għall-funtani tal-villa. Is-Sibill, ir-Re Aniene, u l-personifikazzjoni tax-xmara Aniene, kollha jidhru fl-affreski tas-sala, flimkien mat-Trijonf ta' Apollo.
L-Ewwel Sala Tiburtina turi l-ġrajja ta' tliet aħwa Griegi leġġendarji, Tiburtus, Coras, u Catillus, li rebħu kontra s-Siċeli, tribù Italika, u bnew belt ġdida, Tibur (issa Tivoli). Il-battalja tagħhom tidher fl-affresk ċentrali tas-saqaf, flimkien ma' avvenimenti oħra li stabbilew ir-reġjun. It-tiżjin tas-sala jinkludi wkoll l-għaxar sfida ta' Erkole, fejn jisraq merħla bhejjem ta' valur, u jiġi salvat minn Żeus, li jħaġġar lill-għedewwa tiegħu; kif ukoll pari ta' allat maskili u femminili f'niċeċ impittra: Vulkan u Venere, Ġove u Ġunone, Apollo ma' Diana, u Baccus ma' Ċirċe. F'ħajt minnhom hemm illustrazzjoni tal-funtana ovali li Ippolito kien qed jibni fl-istess żmien meta s-sala kienet qed tiġi mżejna.
Is-Sala tal-Funtana kienet tintuża mill-Kardinal Ippolito bħala sala tar-riċevimenti għall-mistednin li jkunu għadhom kemm waslu mill-ġnien taħt il-villa, u għal kunċerti u avvenimenti artistiċi oħra. Is-sala nbniet bejn l-1565 u l-1570, x'aktarx minn Girolamo Muziano u t-tim ta' artisti tiegħu. L-element ċentrali huwa funtana mal-ħajt, miksija b'ċeramika u bi skulturi kkuluriti, imżejna b'biċċiet tal-ħġieġ, qxur tal-frott tal-baħar u ħaġar prezzjuż, b'ajkla bajda tal-familja d'Este fuq nett. Il-funtana tlestiet fl-1568 minn Paolo Calandrino. Il-vaska tal-funtana sserraħ fuq żewġ dniefel tal-ġebel. Ir-riljievi fin-niċċa ċentrali juru l-funtana tal-akropoli Tiburtina u t-Tempju tas-Sibill. Fuq il-ħitan l-oħra hemm immaġnijiet tal-villa u tal-ġonna u tal-funtana li kienu għadhom ma tlestewx, kif ukoll illustrazzjoni żgħira fuq il-ħajt oppost mill-funtana tal-villa ta' Ippolito f'Ruma, fl-Għolja tal-Quirinale, li issa hija residenza tal-Papa. Il-pitturi fuq is-saqaf huma ddedikati lil xeni tal-mitoloġija; kull rokna fiha ritratt ta' alla maskili jew femminili differenti. Skont it-tradizzjoni, il-pittura ta' Merkurju hija awtoritratt ta' Muziano. L-affresk ċentrali fuq is-saqaf juri s-Sinodu tal-Allat, b'Ġove fin-nofs imdawwar bl-allat kollha ta' Olimpja. L-affresk huwa mmudellat fuq xogħol simili ta' Raffaello fil-Loġġa ta' Psike fil-Villa Farnesina. Is-sala tagħti għal-loġġa u minn hemm wieħed isib taraġ li jinżel sal-ġnien.
Is-Sala ta' Erkole tmur lura għall-1565-1566 u saret ukoll minn Muziano. Il-pitturi fuq is-saqaf juru tmien sfidi ta' Erkole, imdawrin b'xeni ta' pajsaġġi, arkitettura antika, u l-grazzji u l-virtujiet. Il-pittura ċentrali tas-saqaf turi lil Erkole milqugħ f'Olimpja mill-allat.
Is-Sala tan-Nobbiltà saret minn artist differenti, Federico Zuccari, u t-tim tiegħu ta' pitturi. L-affresk ċentrali fuq is-saqaf juri n-"Nobbiltà fuq it-tron bejn il-Liberalità u l-Ġenerożità". It-tiżjin mal-ħitan jinkludi pitturi ta' busti ta' Platun, Pitagora, Dijoġene, Sokrate u filosfi klassiċi oħra, il-Grazzji u l-Virtujiet, u Diana ta' Efesu, l-alla tal-Fertilità, li wkoll għandha funtana ddedikata għaliha fil-ġnien.
Is-Sala tal-Glorja tlestiet bejn l-1566 u l-1577 minn Federico Zuccari u tmien assistenti tiegħu. Hija kapulavur tal-pittura Manjerista Rumana, b'illużjonijiet impittra ta' bibien, twieqi, tapizzeriji, skulturi u oġġetti ta' kuljum li kien juża l-Kardinal. Il-pittura ċentrali tas-saqaf, l-Allegorija tal-Glorja, intilfet, iżda hemm illustrazzjonijiet allegoriċi tal-virtujiet, tal-Erba' Staġuni, tar-Reliġjon, tal-Manjanimità, tal-Fortuna u tal-Ħin.
Is-Sala tal-Kaċċa nħolqot iktar 'il quddiem mis-swali l-oħra, lejn l-aħħar tas-seklu 16 jew il-bidu tas-seklu 17, u għandha stil differenti; fiha xeni tal-kaċċa, pajsaġġi rurali, trofej tal-kaċċa, kif ukoll xeni ta' battalji navali, xi ħaġa pjuttost stramba. Taraġ tat-travertin, imsejjaħ it-"taraġ b'għamla ta' bebbuxu", jagħti għall-ġnien. Oriġinarjament inbena biex jagħti aċċess għal biċċa art għall-pallacorda, l-antenat tat-tennis, li Ippolito importa fl-Italja mill-Qorti Franċiża. Dan l-ispazju issa jospita l-kafetterija u l-ħanut tal-kotba.
Il-kostruzzjoni u t-tiżjin tal-appartamenti ta' Ippolito tlestew fl-1572 meta Ippolito kien wasal fuq is-sodda tal-mewt tiegħu.
Ġonna u funtani
Il-fama u l-glorja tal-Villa d'Este ġiet stabbita fuq kollox permezz tas-sistema straordinarja ta' funtani tagħha; fiha 51 funtana u nymphaeums, 398 żennuna, 364 ġett tal-ilma, 64 kaskata, u 220 vaska, alimentati minn 875 metru ta' kanali, mogħdijiet tal-ilma u kaskati, li kollha kemm huma jaħdmu għalkollox bil-forza tal-gravità, mingħajr pompi.
Pirro Ligorio, li kien responsabbli għall-programmi ikonografiċi tal-affreski tal-villa, ġie kkummissjonat ukoll biex jiddisinja l-ġonna tal-villa, bl-assistenza ta' Tommaso Chiruchi minn Bologna, wieħed mill-iktar inġiniera idrawliċi kapaċi tas-seklu 16; Chiruchi kien ħadem fuq il-funtani ta' Villa Lante. F'Villa d'Este huwa kien megħjun fid-disinni tekniċi għall-funtani mill-Franċiż Claude Venard, li kien manifattur tal-orgnijiet idrawliċi. Ir-riżultat tax-xogħol tagħhom kien wieħed mill-ifjen ġonna tar-Rinaxximent, li jikkompetulu biss dawk tal-Villa Lante, tal-Villa Farnese f'Caprarola u tal-Vilel Aldobrandini u Torlonia fi Frascati. Il-ġnien u l-karatteristiċi bl-ilma ġew ammirati u imitati fiż-żewġ sekli ta' wara f'ġonna minn Portugall sa San Pietruburgu, ir-Russja.
Il-konfigurazzjoni tal-ġnien hija stabbilita fuq assi ċentrali b'kontroassi sussidjarji, imberrda permezz ta' ħames mitt ġett tal-ilma fil-funtani, fil-vaski u fil-mogħdijiet tal-ilma. L-ilma huwa fornut mix-xmara Aniene, li ġiet devjata parzjalment minn ġo nofs ir-raħal, għal distanza ta' kilometru, u, oriġinarjament, mill-fawwara Rivellese, li kienet tforni ġibjun taħt il-bitħa tal-villa (issa fornut ukoll mix-xmara Aniene). Il-ġnien issa huwa parti mill-Ġonna Kbar tal-Italja.
It-Terrazza (jew il-Vialone)
Terrazza kbira, twila 200 metru, magħrufa wkoll bħala l-Vialone, tinsab bejn il-villa u l-ġonna, b'veduta panoramika tal-ġonna u tal-kampanja tal-madwar. Inbniet bejn l-1568 u l-1569. Il-Kardinali kienu jużaw dan l-ispazju għal-logħob bin-nar, għal-logħbiet, għall-ispettakli u għall-festi. Oriġinarjament kellha d-dell bis-saħħa ta' żewġ ringieli ta' ulmi, għajr għall-ispazju direttament quddiem il-villa, li tħalla vojt biex tiġi ppreservata l-veduta. It-terrazza hija kkonfinata min-naħa waħda bil-Funtana ta' Ewropa, u min-naħa l-oħra minn loġġa immensa u belveder b'għamla ta' arkata trijonfali magħruf bħala ċ-Ċenaklu. Din l-istruttura kienet tipprovdi d-dell tant prezzjuż fis-sajf, kif ukol veduti mill-isbaħ tax-xenarju tal-madwar. Oriġinarjment kien maħsub li jkun imżejjen fuq ġewwa bl-istukko, bl-indurar u bl-affreski, iżda qatt ma tlesta.
Fin-nofs tat-terrazza, mehmuża mal-faċċatta tal-villa, hemm il-loġġa doppja, magħmula fl-1566-1577 bit-travertin. Iż-żewġ turġien tagħha jagħtu aċċess għas-swali ċerimonjali tas-sular t'isfel, filwaqt li s-sular ta' fuq tagħha kienet toħloq terrazza għall-appartamenti tal-Kardinal. Dan is-sular fih ukoll nymphaeum, jew grotta, fejn tinsab il-Funtana ta' Leda. L-istatwi oriġinali tal-funtana, b'Ġove u Leda ttrasformati f'ċinju u erbat itfal, Elena, Clitemnestra, Castor u Pollux, inbigħu fis-seklu 19 u issa jinsabu fil-Gallerija tal-Borgeżija f'Ruma. L-istatwi ġew sostitwiti bi statwa bla ras ta' Minerva li nstabet fil-ġnien tal-Palazz ta' Manni f'Tivoli. Il-funtana oriġinali kellha espedjent idrawliku innovattiv; l-ilma kien ifur minn vażun ta' Leda u jolqot biċċa tonda tal-metall. Dan kien jikkawża riflessjonijiet tad-dawl fuq il-ħitan tal-grotta.
Il-Funtana tat-Trepied tinsab f'nofs il-Vialone. Ilha hemm mill-1930 biss; il-funtana hi kopja ta' funtana Rumana antika, b'vaska tal-irħam mirfuda minn kolonna ċentrali u tliet pilastri. Il-funtana oriġinali issa tinsab fil-Louvre, f'Pariġi, Franza. Il-funtana oriġinali tas-sit, il-Funtana taż-Żwiemel il-Baħar, li ġiet ittrasferita minn Ippolito mill-Villa ta' Adrijanu għall-ġnien tal-villa tiegħu, issa tinsab fil-Mużewijiet tal-Vatikan.
Il-Funtana ta' Ewropa tinsab fil-Grigal tan-naħa ta' fuq tal-ġnien. Il-kostruzzjoni tagħha nbdiet minn Ippolito iżda ma tlestietx qabel l-1671. Id-disinn tagħha, arkata trijonfali b'żewġ ordnijiet ta' kolonni, Korinzja u Dorika, tikkopja dik tal-Gran Loġġa. In-niċċa l-kbira fin-nofs, issa vojta, fl-imgħoddi kellha skultura ta' Ewropa Tħaddan Barri li issa tinsab f'Villa Albani f'Ruma.
Il-ġnien ta' fuq
Żewġ rampi jwasslu għall-ġnien ta' fuq mill-Funtana tat-Trepied, u hemm żewġ turġien doppji simetriċi fuq kull naħa. Il-Mogħdija tal-Kardinal hija mogħdija fid-dell, qrib il-ħajt li jżomm it-terrazza, li twassal minn naħa għall-oħra tal-ġnien, u tgħaddi qrib diversi grotti mibnija fil-ħajt. Fin-naħa tax-Xlokk tal-mogħdija, eżatt taħt il-Funtana ta' Ewropa, hemm il-Grotta ta' Aigle u Asklepios. Il-grotta hija mżejna bil-laqx tat-tartru, bil-mużajk u b'frammenti kkuluriti tal-qxur tal-frott tal-baħar, kif ukoll b'parti żgħira tal-affresk oriġinali. Oriġinarjament kellha żewġ statwi; waħda ta' Asklepios, l-alla maskili tal-mediċina, li issa tinsab fil-Louvre, u oħra ta' Aigle, bint Asklepios, l-alla femminili tal-fejqan, li issa tinsab fil-Mużewijiet tal-Vatikan.
Il-Loġġa ta' Pandora tinsab f'nofs il-Mogħdija tal-Kardinal, eżatt taħt iċ-ċentru tal-villa. Din il-parti tal-mogħdija tal-mixi hija msaqqfa bl-arkati li jagħtu 'l barra lejn il-ġnien. Kien fiha nymphaeum mibnija fil-ħajt, u oriġinarjament kienet imżejna bil-mużajk, bi statwa ta' Pandora, u b'żewġ statwi ta' Minerva. L-istatwa ta' Pandora kienet tinkludi vażun bl-ilma, li huwa simbolu tal-ħażen fid-dinja. Il-vażun kien funtana moħbija u minnu kien ifur l-ilma. L-istatwi nbigħu fis-seklu 18; l-istatwa ta' Pandora u waħda mill-istatwi ta' Minerva issa jinsabu fil-Mużew Kapitolin. Fis-seklu 19, in-nymphaeum ġiet ikkonvertita f'kappella Kristjana; kienet il-post iffavurit tal-kompożiturFranz Liszt, li ddedika żewġ xogħlijiet mużikali lill-kappella.
Il-Funtana tal-Kalċi (magħrufa bit-Taljan bħala Fontana del Bicchierone) hija waħda minn żewġ funtani li nħolqu għall-villa minn Gian Lorenzo Bernini. Il-funtana ġiet prodotta bejn l-1660 u l-1661 fuq kummissjoni mill-Kardinal Rinaldo I d'Este. Il-vaska tal-funtana għandha għamla ta' arzella kbira, li tlaħħaq sal-livell tat-terrazza. Fin-nofs tagħha kemm kalċi bil-pizzi li minnu joħroġ l-ilma 'l fuq. Bernini wettaq is-superviżjoni tal-kostruzzjoni tal-funtana, u wara li ġiet inawgurata f'Mejju 1661, huwa ordna li l-għoli tal-ilma li jispara 'l fuq jitnaqqas, biex jevita li jimblokka l-veduta mil-Loġġa ta' Pandora. Għalkemm ma kinitx parti mid-disinn oriġinali tal-ġnien, il-funtana saret punt ta' kollegament bejn l-arkitettura tal-palazz u l-ġnien.
Il-Loġġa ż-Żgħira tal-Kardinal hija terrazza żgħira bil-balavostri mdawra b'sisien tax-xitel għoljin tar-rand u bankijiet tal-ġebel, bejn il-Funtana tal-Kalċi u l-ġnien. Jingħad li din kienet l-iktar post iffavurit tal-Kardinal biex jaqra u jiddiskuti l-poeżija u l-arti, u biex jittawwal lejn il-kostruzzjoni tal-ġnien ta' madwaru. Ftit wara mewtu, tpoġġiet statwa kbira ta' Erkole hemmhekk, b'Akille f'dirgħajh, tħares lejn il-ġnien t'isfel. Kienet waħda minn tliet statwi ta' Erkole f'pożizzjonijiet ċentrali tul l-assi ċentrali. Meta wieħed kien iħares lejhom min-naħa t'isfel tal-ġnien, kollha kienu jkunu viżibbli, allinjati mal-Loġġa tal-villa fuq nett. L-istatwa issa tinsab fil-Louvre.
Il-Grotta ta' Diana tinsab fl-aħħar tal-Mogħdija tal-Kardinal, taħt il-Gran Loġġa. Hija kompartiment kbir taħt l-art bil-volti, u ġiet imżejna fl-1570-1572 minn Paolo Caladrino. Ġiet miksija kompletament bil-mużajk b'xeni mitoloġiċi, immaġnijiet ta' ħut, draguni, dniefel, pelikani u annimali oħra, kif ukoll l-ajkli u t-tuffieħ tal-familja d'Este. Il-karatteristika ċentrali tagħha kienet funtana rustika bi statwa tal-alla femminili Diana, f'niċċa kbira mżejna b'riljievi ta' pajsaġġi, tal-baħar u ta' vapur bl-istukko. L-istatwi kollha nbigħu fis-seklu 18 u issa jinsabu fil-Mużew Kapitolin f'Ruma. Uħud mill-madumiet oriġinali tal-majjolika mis-seklu 16 għadu viżibbli.
Taħt il-Loġġa ż-Żgħira tal-Kardinal hemm mogħdija trasversali tal-mixi li tgħaddi ħdejn tliet grotti. Fin-nofs hemm il-Grotta ta' Erkole, li hija mgħottija bil-Loġġa ż-Żgħira tal-Kardinal. Taħt din il-grotta kien hemm ġibjun u wħud mill-makkinarji idrawliċi għall-funtani. Fl-imgħoddi l-grotta kellha riljievi bl-istukko ta' annimali jew tal-isfidi ta' Erkole. L-istatwa ta' Erkole li fl-imgħoddi kienet fil-grotta issa tinsab fil-Mużewijiet tal-Vatikan. Il-Grotta ta' Pomona għandha disinn simili bħal dak tal-Grotta ta' Erkole. Ftit mit-tiżjin oriġinali bil-mużajk għadu viżibbli. L-ilma kien joħroġ minn ħalq ta' maskra bajda tal-irħam u kien ifur f'funtana. Din il-maskra tal-irħam instabet meta l-funtana ġiet irrestawrata fl-2002.
Il-Funtana Ovali (Fontana dell'Ovato)
Il-Funtana Ovali kienet waħda mill-ewwel funtani fil-ġnien, u fost l-iktar famużi wkoll. Ġiet iddisinjata minn Pirro Ligorio, l-arkitett tal-villa, bħala teatru tal-ilma, u kienet tbexxex l-ilma b'varjetà ta' forom. Bdiet tinbena fl-1565 u tlestiet fl-1570. Ġiet magħmula mill-inġiniera tal-funtani Tomaso de Como u Curzio Maccarono, u l-iskulturi nħadmu minn Raffaello Sangallo. Vaska kbira tal-ġebel ma' ħajt semiċirkolari fuq wara tnixxi l-ilma bħala kaskata fil-funtana, u titfa' l-ilma fl-arja, filwaqt li ġettijiet tal-ilma jintefgħu fil-vaska mill-vażuni f'idejn l-istatwi tan-Nerejdi. L-ilma jiġi sparat ukoll f'għamla ta' mrewħa mill-vażuni fin-niċeċ fil-ħajt semiċirkolari wara l-funtana. Muntanja artifiċjali titla' iktar 'il fuq mill-funtana u tirrappreżenta l-pajsaġġ Tiburtin; il-muntanja fiha tliet grotti fi ħdanha, bl-ilma jispara 'l barra minn kull waħda minnhom, u hija mżejna bi statwi li jirrappreżentaw lil Albunea, b'binha Melicerte, magħmula minn Gillis van den Vliete fl-1568, u statwi li jirrappreżentaw ix-xmajjar Ercolaneo u Aniene, magħmula minn Giovanni Malanca fl-1566. Dawn kollha jisparaw l-ilma fil-Funtana Ovali. Mogħdija tal-mixi fuq il-funtana twassal lil hinn mill-vaski u mill-kaskati. Il-funtana għandha wkoll il-grotta tagħha stess, il-Grotta ta' Venere, iddisinjata minn Pirro Ligorio, u mibnija fl-1565-1568. Din kienet isservi bħala post fejn il-mistednin kienu jinġabru u jiltaqgħu fil-jiem sħan tas-sajf. L-istatwi oriġinali tal-grotta; figura ta' Venere simili għall-Venere Kapitolina u ż-żewġ putti (statwi ta' anġli żgħar) ma għadhomx hemmhekk, iżda għad hemm traċċi tal-affreski monokromatiċi ta' figuri grotteski, tal-madum u tal-ħitan skolpiti tal-grotta.
Il-Mitt Funtani (Cento Fontane)
Il-Mitt Funtani kienu karatteristika tal-għaġeb famuża tal-ġonna fir-Rinaxximent. Dawn jinsabu bejn il-Funtana Ovali u l-Funtana ta' Rometta, u effettivament hemm kważi 300 żennuna alimentati minn tliet kanali paralleli, wieħed 'il fuq mill-ieħor. Tul it-tarf tal-kanal ta' fuq nett hemm żennuni b'għamla ta' ġilji, l-emblema ta' Franza, li jalternaw mal-ajkli tal-familja d'Este, dgħajjes u obeliski; kollha kemm huma jisparaw l-ilma f'għamla ta' mrewħa. L-ilma jinqabad f'kanal ieħor, li jalimenta ż-żennuni b'għamla ta' maskri, u l-ilma jinżel minnhom fil-kanal t'isfel nett.
Il-funtani nbnew bejn l-1566 u l-1577. Il-mogħdija oriġinali bil-funtani kellha iktar tiżjin, inkluż dgħajjes żgħar b'vażuni tat-terrakotta tul il-kanal ta' fuq nett, imħawla bis-siġar tal-frott; u l-ħajt kien imżejjen bi plakki skolpiti b'xeni mill-Metamorfosi ta' Ovidju. Dawn iddeterjoraw malajr u fil-biċċa l-kbira tneħħew jew ġew sostitwiti. Issa l-ħajt tant inkesa bil-veġetazzjoni li wieħed ma tantx jista' jara wisq tiżjin milli għad fadal. Il-funtani ġew irrestawrati fis-seklu 17, ġew abbandunati għal perjodu twil, u finalment reġgħu ġew irrestawrati fl-1930 għal kif inhuma llum il-ġurnata. Bħal kull karatteristika oħra tal-ġnien, il-kanali u l-mitt funtani kellhom ir-rwol tagħhom fid-disinn simboliku; kienu jirrappreżentaw l-akkwedotti li r-Rumani bnew biex ifornu l-ilma lil Ruma. Il-Mitt Funtani ġew iċċelebrati fl-arti u fil-letteratura Taljana, b'mod partikolari fl-Eleġiji Rumani ta' Gabriele d'Annunzio.
Biex wieħed jinżell sal-livell li jmiss, hemm taraġ fuq kull naħa – il-kumpless elaborat tal-Funtana ta' Rometta ("Ruma żgħira") jinsab l-iktar fix-xellug u minnha wieħed jista' jara t-tul kollu tal-Mitt Funtana fil-livell li jmiss; minn hawn ġettijiet tal-ilma jimlew mogħdija rustika twila bl-ilma. Il-Funtana Ovali ta' Pirro Ligorio ttemm il-veduta trasversali. Viżitatur jista' jimxi wara l-mogħdija tal-ilma minn ġo arkata taparsi rustika tan-nymphaeum konkava, b'ninfej tal-irħam magħmula minn Giambattista della Porta. Fuq in-nymphaeum, l-iskultura ta' Pegasus tfakkar lill-viżitatur bil-Funtana ta' Ippocrene fuq Parnassus, li kien inaffar il-Mużi.
Din it-terrazza hija magħquda ma' li jmiss permezz tal-Funtana tad-Draguni, li tiddomina l-perspettiva ċentrali tal-ġonna, li nbniet għal żjara fl-1572 tal-Papa Gregorju XIII, li fl-istemma tiegħu għandu dragun. Il-ħoss ta' din il-funtana kien joħloq kuntrast mal-Uccellario fil-qrib b'għasafar artifiċjali. Taraġ ċentrali jwassal għal niżla bis-siġar li tagħti għal tliet vaski rettangolari bil-ħut stabbiliti fuq l-assi trasversali fl-iktar punt baxx tal-ġonna. Fl-aħħar nett, fuq il-lemin, hemm l-orgni tal-ilma (li issa reġa' qed jaħdem) u l-Funtana ta' Nettunu (li hija parti mir-restawr li sar fis-seklu 20).
Il-Funtana ta' Rometta (Fontana di Rometta)
Il-Funtana ta' Rometta tinsab fin-naħa opposta tal-Mitt Funtani mill-Funtana Ovali. Hija biċċa importanti tal-ġrajja simbolika rrakkontata mill-ġonna ta' fuq; l-ilmijiet tax-xmara Tiber ifeġġu fil-Muntanji Tiburtini, irrappreżentati mill-Funtana Ovali, igelglu tul il-wied (Il-Mitt Funtani) u jaslu fid-daħliet ta' Ruma; il-Funtana ta' Rometta hija Ruma Antika f'minjatura; fl-imgħoddi l-belt reali kienet viżibbli fil-bogħod wara l-Funtana. Il-funtana ġiet iddisinjata minn Pirro Ligorio u nbniet minn Curzio Maccarone bejn l-1567 u l-1570. Il-funtana u l-arkitettura tagħha nbnew fuq terrazza semiċikolari wiesgħa mirfuda minn pilastri kkollegati ma' arkati doppji. Il-parti ta' wara tal-funtana tirrappreżenta l-binjiet tal-monumenti ta' Ruma; fil-bidu tas-seklu 19 kienu ddeterjoraw sew, u l-biċċa l-kbira tkissret fl-1850, iżda parti minn din l-arkitettura għadha teżisti fuq in-naħa tax-xellug tal-funtana. Il-binjiet iż-żgħar kienu maqsuma f'seba' sezzjonijiet, li kienu jirrappreżentaw is-seba' għoljiet ta' Ruma u l-iktar monumenti famużi tagħhom. Il-belt iż-żgħira kienet tinkludi d-daħliet u l-arkati, u saħansitra statwi żgħar tal-irħam. Fin-nofs tal-belt f'minjatura hemm statwa kbira ta' Ruma Rebbieħa, magħmula fl-1568 mill-iskultur Fjamming Pierre de la Motte, faċċata tal-istatwa tas-Sibill Tiburtin fuq in-naħa l-oħra tar-ringiela tal-Mitt Funtani. Statwa oħra magħmula mill-istess artist, tal-Lupa Tredda lit-Tewmin, tpoġġiet fil-ġnien fl-1611. Il-fluss tal-ilma fil-vaska tal-funtana ħdejn il-belt jirrappreżenta x-xmara Tiber; id-dgħajsa fil-funtana, b'obelisk bħala arblu, tirrappreżenta l-gżira Tiburtina.
Karatteristika ġdida żdiedet fil-Funtana ta' Rometta fil-bidu tas-seklu 17; muntanja artifiċjali, u fi ħdanha grotti u għerien, lejn ix-xellug tal-binjiet tal-belt. Fil-quċċata tal-muntanja artifiċjali hemm statwa tal-alla tax-xmara Aniene, b'minjatura tat-Tempju tas-Sibill f'idejh. Statwa ta' figura li tirrappreżenta l-Appennini, b'muntanja f'dirgħajha, tinsab nofsha moħbija fi grotta.
Il-Funtana tad-Draguni (Fontana dei Draghi)
Il-Funtana tad-Draguni ġiet iddisinjata minn Pirro Ligorio biex tirrakkonta l-ġrajja ta' Erkole jagħmel waħda mill-biċċiet ta' xogħol tiegħu billi jisraq it-tuffieħ tad-deheb tal-Ġnien tal-Esperidi, li kienu mgħassa mid-dragun Ladon. L-istess ġrajja tintwera fl-affreski fit-tiżjin fuq ġewwa tal-villa.
Il-funtana tinsab fl-assi vertikali ċentrali tal-ġonna, allinjata mal-villa, u fin-nofs tal-ġnien oriġinali, eżatt taħt il-Mitt Funtani. Hija kkonfinata minn żewġ rampi semiċirkolari li jwasslu sal-livell ta' fuq. Il-ħitan tar-rampi madwarha huma miksija b'tartru ċagħqi u huma mżejna bi strixxi tal-mużajk u b'madum tal-majjolika, u fihom żewġ niċeċ kbar. Ligorio ppjana din il-funtana biex jirrakkonta t-tema tal-gwerra u tal-ġlieda kontra l-ħażen; kien biħsiebu li niċċa waħda tkun okkupata minn statwa ta' Erkole b'mazza f'idu, qabel ma qatel lid-dragun Ladon; u t-tieni waħda bi statwi ta' Marte, l-alla tal-gwerra, Perseus, u l-gladjaturi. Fin-nofs tal-funtana hemm sikka jew gżejra, b'erba' draguni skolpiti, li jisparaw ġettijiet tal-ilma minn ħalqhom fil-funtana, filwaqt li funtana ċentrali b'saħħitha tispara kolonna vertikali għolja tal-ilma fl-ajru, viżibbli minn kullimkien fil-ġnien kollu. Din l-idea ta' ġett vertikali tal-ilma bħala opra ċentrali tal-ġnien ġiet ikkupjata f'bosta ġonna Barokki fis-sekli 17 u 18.
Minbarra d-draguni, żewġ dniefel skolpiti jisparaw l-ilma minn naħa għall-oħra tal-vaska. Iktar ilma jfur minn fuq u jgelgel f'kanali mehmuża mal-parapetti tar-rampi. L-ilma jfeġġ mill-isdra ta' żewġ sfinġi, nofshom nisa u nofshom żwiemel il-baħar; igelgel 'l isfel minn kanal, jidħol f'ħalq żring skolpit, u jerġa' joħroġ minn ħalq salamandra skolpita. Abbażi tat-tema tal-ġlieda kontra l-ħażen, fi żmien Ippolito, il-funtani kienu jipproduċu wkoll ħsejjes drammatiċi li kienu jinstemgħu mal-ġnien kollu; l-ilma kien jinżamm bi pressa kbira u f'daqqa waħda jiġi lliberat, u kien joħloq ħoss qisu tal-logħob tan-nar jew tal-kanuni. Biex ikun hemm iktar storbju, il-fluss tal-ilma minn fuq seta' jiġi rregolat minn sempliċi bexx ħafif għal dulluvju kbir.
Ippolito ordna li l-funtana tiġi mmodifikata għaż-żjara tal-Papa Gregorju fl-1572. Id-dragun b'mitt ras ġie sostitwit b'erba' draguni, l-emblema tal-familja tal-Papa. Ippolito miet tliet xhur wara, u l-funtana kienet għadha ma tlestietx. Tlestiet biss lejn l-aħħar tas-seklu 17 bi programm ta' skulturi differenti; minflok statwa ta' Erkole, fin-niċċa ċentrali tpoġġiet statwa tal-alla Ġove bis-sajjetti f'idejh. Il-ħsejjes qishom ta' kanun mill-funtana kienu jirrappreżentaw il-ħoss tar-ragħad u s-sajjetti.
Il-Funtana tal-Kokka (Fontana della Civetta)
Il-Funtana tal-Kokka tinsab fin-naħa tal-Lbiċ tal-ġnien, taħt il-Funtana ta' Rometta u l-Funtana ta' Persefone. Dawn it-tliet funtani jiffurmaw unità unika ta' arkitettura. It-terrazzi tagħhom huma kkollegati bit-turġien, u taħt it-terrazzi hemm in-nymphaeums. Il-Funtana tal-Kokka nbniet bejn l-1565 u l-1569 minn Giovanni del Duca. Imqabbla ma' funtani oħra fil-ġnien, hija formali ħafna, impoġġija fuq terrazza mdawra b'ħitan bin-niċeċ, u inkurunata bis-simboli ta' ajkli bojod u ġilji tal-familja d'Este. Il-funtana stess hija struttura għaliha, miksija għalkollox b'madumiet polikromatiċi. Fuq nett, 'il fuq min-niċċa, hemm l-istemma tal-familja d'Este, miżmuma minn żewġ anġli. Maġenb in-niċċa hemm kolonni Joniċi. Oriġinarjament kien fiha l-istatwi ta' żewġ żgħażagħ b'biċċa ġilda tal-mogħoż f'idejhom, li minnha kien ifur l-ilma fil-vaska miżmuma minn tliet satiri. L-iskultura fin-niċċa, li kien maħsub li kienet intilfet, reġgħet ġiet skoperta matul rinnovazzjoni fl-2001-2002, u kienet moħbija taħt id-depożiti minerali u l-ħamrija. L-elementi arkitettoniċi kienu intatti, iżda l-figuri taż-żgħażagħ u s-satiri kienu neqsin jew inqerdu.
Din il-funtana kienet tipproduċi wkoll il-mużika, bis-saħħa ta' awtomatizzazzjoni inġenjuża magħmula mill-inġinier Franċiż tal-funtani Luc Leclerc, li ġiet installata fl-1566, qabel il-Funtana tal-Orgni fuq in-naħa l-oħra tal-ġnien. Kellha għoxrin għasfur impitter tal-bronż impoġġijin fin-niċċa, iserrħu fuq żewġ friegħi taż-żebbuġ tal-metall. Kull għasfur kien ikanta għana individwali, prodotta bl-ilma u bl-arja fil-pajpijiet. Kokka mekkanika kienet titfaċċa ħesrem, u l-għasafar kienu jieqfu jgħannu; imbagħad, fl-aħħar tal-ispettaklu, l-għasafar kollha kienu jgħannu flimkien. Din il-karatteristika mużikali kienet ammirata u kkupjata f'ġonna Ewropej oħra u kienet tiffunzjona sal-aħħar tas-seklu 17. Kienet teħtieġ tiswija kostanti minħabba l-azzjoni tal-ilma fuq il-mekkaniżmu delikat tagħha, u sas-seklu 19 dan ġie rvinat għalkollox. L-elementi dekorattivi tal-funtana ġew irrestawrati fis-snin 30 tas-seklu 20, u ġew irrestawrati mill-ġdid fl-2001-2002.
Matul ix-xogħol tar-restawr tal-2001-2002, il-ħaddiema sabu xi partijiet tal-mekkaniżmu oriġinali li kien jipproduċi l-għana tal-għasafar, inkluż il-kompartiment tar-riħ, it-tubi li kienu jċaqilqu l-arja u l-ilma, u l-makkinarju li kien iċaqlaq il-kokka. Bl-użu ta' materjali moderni, Leonardo Lombardi rnexxielu jagħmel verżjoni ġdida tal-makkinarju antik biex l-għasafar setgħu jgħannu u jiċċaqilqu mill-ġdid.
Il-Funtana ta' Persefone (Fontana di Proserpina)
Il-Funtana ta' Persefone tinsab eżatt fuq il-Funtana tal-Kokka; taraġ jikkollega ż-żewġ funtani. Xi kultant kienet tissejjaħ il-Funtana tal-Imperaturi, għaliex oriġinarjament kienet maħsuba bl-istatwi ta' erba' Imperaturi Rumani li kellhom il-vilel fir-reġjun: Ġulju Ċesri, Awgustu Ċesri, Trajanu u Adrijanu. Ġiet iddisinjata u nbniet minn Alberto Galvani fl-1569-1570. Kienet ikkollegata mal-Funtana ta' Rometta tal-ġnien ta' fuq permezz ta' żewġ turġien (illum il-ġurnata baqa' taraġ wieħed) b'parapetti li kienu jirfdu kanali tal-ilma li kienu jnixxu l-ilma mill-arzelli u mill-maskri. It-turġien jagħlqu żewġ naħat tal-bitħa żgħira tal-funtana. Il-funtana tinsab ġo arkata trijonfali bejn it-turġien. Maġenb l-arkata hemm kolonni spirali, simili għal dawk fil-Bażilika ta' San Pietru fil-Vatikan. In-niċċa ċentrali kellha statwa tal-alla femminili tal-fertilità Persefone li nħatfet minn Plutone, li tpoġġiet hemmhekk għall-ħabta tal-1640. L-istatwa ta' Persefone għebet; dik ta' Plutone għadha hemm, u qiegħda fuq arzella mirfuda minn żewġ żwiemel il-baħar. Niċeċ fuq iż-żewġ naħat fihom statwi ta' Trituni rekbin dniefel u jonfħu fil-buccina tagħhom jew trumbetti magħmula mill-qxur tal-frott tal-baħar.
Il-Funtana tal-Orgni (Fontana dell’Organo)
Il-Funtana tal-Orgni hija waħda mill-iżjed karatteristiċi famużi tal-ġnien; ġiet deskritta u imitata fl-Ewropa kollha. Ix-xogħol fuq l-istruttura tal-ġebel beda fl-1566. Il-funtana stess ġiet magħmula mill-inġinier tal-funtani Franċiż Luc Leclerc u min-neputi tiegħu Claude Venard. Wara l-mewt ta' Leclerc, Venard ivvinta l-mekkaniżmu inġenjuż tal-orgni tal-ilma, li ġie installat fl-1571.
Il-funtana kienet l-ewwel waħda b'dawk il-karatteristiċi u kull minn sema' l-mużika tagħha kien jibqa' impressjonat; meta l-Papa Gregorju XIII żar il-villa fl-1572, akkumpanjat mill-qorti tiegħu ta' kardinali u prinċpijiet, huwa insista li jispezzjona l-funtana minn ġewwa, biex ikun ċert li ma kienx hemm xi ħadd moħbi fuq ġewwa li kien qed jipproduċi l-mużika.
Wara l-funtana hemm arkata enormi tal-ġebel, il-"castellum aquae" jew kastell tal-ilma, li taħbi l-ġibjun tal-ilma u l-makkinarju idrawliku tal-funtana. Id-disinn oriġinali kellu grotta fin-niċċa tal-arkata, b'veduta tat-tnejn u għoxrin kanna tal-orgni. Statwa tan-"Natura Omm" jew ta' "Diana ta' Efesu" tpoġġiet quddiem l-arkata fl-1569; u issa għandha l-funtana tagħha stess fil-ġnien t'isfel.
L-ilma li kien joħloq il-mużika l-ewwel kien jasal fuq nett tal-"castellum aquae". L-ewwel kien jgħaddi minn sensiela ta' belligħat, li kienu jħalltu l-arja mal-ilma; imbagħad kien jinżel minn pajp ġol-"camera aeolia", jew il-kompartiment tar-riħ, fejn l-arja u l-ilma kienu jiġu sseparati; l-ilma kien idawwar rota, li kienet iddawwar ċilindru li kien jiftaħ il-valvoli tat-tnejn u għoxrin pajp, biex b'hekk l-arja setgħet tgħaddi minn ġol-pajpijiet u toħloq il-mużika.
L-ispettakli oriġinali tal-funtana bdew mal-ħoss ta' żewġ trumbetti, miżmuma mill-istatwa tal-Fama fuq il-gwarniċ tal-funtana. Imbagħad kienet tibda l-mużika, x'aktarx madrigali minn erba' jew ħames pajpijiet; imbagħad kien jasal il-mument ewlieni: l-"Għargħar", kaskata tal-ilma mill-parti ta' fuq tal-funtana, u ġettijiet tal-ilma jisparaw 'il fuq mill-funtana ta' taħt. Dan kollu kien ikun akkumpanjat mill-ħoss ta' tromba miżmuma minn "Tritun" fil-funtana; it-tromba kienet tindaqq bil-mod, imbagħad il-ħoss kien jogħla, u mbagħad jerġa' jbatti.
Il-mekkaniżmu tal-funtana kien estremament delikat u kien jeħtieġ tindif u manutenzjoni kontinwi. Il-funtana ġiet irrestawrata fil-bidu tas-seklu 18 mill-Kardinal Alessandro d’Este, li żied l-ajkla bajda tal-familja d'Este fuq il-"castellum aquae", u żejjen il-faċċata bl-istatwi ta' Orfeo u ta' Apollo; Karjatidu u l-allat bil-ġwienaħ tar-rebħiet; u bassoriljievi ta' Orfeo jimmansa l-annimali, kif ukoll kompetizzjoni mużikali bejn Apollo u Marsja. L-orgni stess reġa' sar mill-ġdid. Ingħata tastiera b'firxa usa' ta' noti u tqiegħed f'kompartiment ottagonali msaqqaf b'koppla. L-orgni ġie rrestawrat diversi drabi oħra fis-seklu 17, iżda sal-aħħar tas-seklu 18, iddeterjora żżejjed u ma setax jissewwa iktar.
Fl-2003, wara restawr twil u delikat, l-orgni seta' jerġa' jindaqq. Il-kompartiment oriġinali tar-riħ u t-tank li kien joħloq il-belligħat ġew miżmuma, u l-bqija tal-mekkaniżmu ġie sostitwit b'makkinarju ġdid b'materjali ġodda skont il-prinċipji oriġinali. Issa l-orgni għandu 144 pajp, u jiġi kkontrollat b'ċilindru, imħaddem bl-ilma, li jista' jdoqq erba' xogħlijiet mużikali tal-aħħar tar-Rinaxximent għal total ta' erba' minuti.
Il-Funtana ta' Nettunu (Fontana di Nettuno) u l-vaski tal-ħut (Peschiere)
Eżatt taħt il-Funtana tal-Orgni, u alimentata bl-ilma mill-funtana ta' fuq, hemm il-Funtana ta' Nettunu, li nbniet fis-seklu 20 biex tissostitwixxi għeliem tal-ġnien li kien iddeterjora.
Oriġinarjament l-ispazju kien okkupat minn kaskata bil-blat, maħluqa fis-seklu 17 minn Gian Lorenzo Bernini. Ġiet ikkummissjonata mill-Kardinal Rinado I d'Este bħala sfond għall-assi laterali tal-ġnien, iżda qatt ma tlestiet mill-Kardinal Ippolito. Il-pjan ta' Bernini kien li jkun hemm kaskata mill-Funtana tal-Orgni li kienet tfur minn fuq il-grotti tas-Sibilli, imbagħad kienet tinżel man-niżla tal-blat sa ma tasal f'lag imżejjen bi qroll taparsi u bl-istatwi. Żewġ kaskati addizzjonali kienu jidħlu fil-lag mill-ġnub. Bernini ddisinja l-kaskata biex tipproduċi l-ħoss qawwi tal-ilma nieżel. Il-kaskata ta' Bernini ġiet riprodotta fil-pitturi u fl-inċiżjonijiet, u ġiet imitata f'ġonna oħra fl-Italja u saħansitra fl-Ingilterra. B'xorti ħażina, il-kaskata ġiet ittraskurata għalkollox għal żewġ sekli sħaħ, u tħalliet tinxef, taqa' biċċiet u mimlija ħaxix ħażin. Fis-snin 30 tas-seklu 20, l-arkitett Attilio Rossi ħoloq il-funtana attwali, billi uża dak li kien għad fadal mill-kaskata ta' Bernini. Mal-ħajt tal-Grotti tas-Sibilli, huwa bena vaski rettangolari b'ġettijiet b'saħħithom tal-ilma, bl-ogħla ġettijiet fin-nofs. Fiċ-ċentru kien hemm grotta taħt il-kaskata mill-Funtana tal-Orgni; il-grotta kien fiha statwa tas-seklu 16 ta' Nettunu, li oriġinarjament kienet maħsuba għal funtana tal-ibħra li qatt ma tlestiet. Hemm ukoll ġettijiet tal-ilma f'għamla ta' mrewħa li jisparaw mill-vaski fil-ġnub tal-funtana.
It-tliet vaski tal-ħut (Peschiere) jaqsmu minn naħa għall-oħra mill-Funtana ta' Nettunu. Oriġinarjament kienu jservu biex jipprovdu ħut frisk, papri u ċinji għall-ikel għall-Kardinal, iżda wkoll, skont il-pjan ta' Pirro Ligorio, kienu maħsuba biex jikkollegaw iż-żewġ funtani; il-Funtana tal-Orgni u l-kaskata mal-Funtana tal-Ibħra. Fin-nofs tal-vaski, Ligorio oriġinarjament kien ippjana li joħloq vaska ċentrali b'funtani monumentali. Madankollu, meta Ippolito miet fl-1572 żewġ vaski biss kien għadhom tlestew. Fl-aħħar tas-seklu 16, maġenb il-vaski kien hemm sittax-il pilastru twil bl-għamla ta' ermes li kienu jisparaw l-ilma f'għamla ta' mrewħa, u fil-bnazzi kienu joħolqu diversi qawsalli.
Fl-1632, id-Duka ta' Modena, inkarigat biex jieħu ħsieb il-villa, immudella l-vaski mill-ġdid. Il-pilastri tneħħew u ġew sostitwit bi tmien pedestalli bil-vażuni, bl-ilma ħiereġ minnhom, u b'erba' u għoxrin qasrija kbira b'varjetà ta' siġar taċ-ċitru. Il-vaski issa jservu primarjament bħala sfond pittoresk għall-kaskati u għall-funtani tal-Funtana ta' Nettunu.
Il-Ġnien t'Isfel - Ir-Rotunda taċ-Ċipressi u l-Funtana ta' Diana ta' Efesu
Fis-seklu 16 il-ġnien t'isfel taħt il-vaski tal-ħut, fil-biċċa l-kbira tiegħu, kien ġnien bil-ħxejjex aromatiċi. Iċ-ċentru tal-ġnien t'isfel kien maqsum f'sittax-il kwadru kbir, b'pergola fin-nofs ta' kull sezzjoni, imdawwra bil-ħxejjex aromatiċi mediċinali u l-fjuri, kif ukoll qsari kbar bis-siġar tal-frott. Il-mogħdijiet prinċipali li kienu jaqsmu l-ġnien kienu qishom imsaqqfa bil-kannizzati, u fuqhom kienu jikbru d-dwieli, is-sisien tax-xitel u l-ġiżimin. Fin-nofs kien hemm paviljun kbir tal-injam, li kien fih erba' funtani b'għamla ta' fjuri, li kienu jisparaw ġettijiet tal-ilma. Il-pergoli u l-paviljun tneħħew fil-bidu tas-seklu 17, u ġew sostitwiti bir-Rotunda taċ-Ċipressi, sqaq ċirkolari li oriġinarjament kien fih sittax-il siġra taċ-ċipress, u kien joffri d-dell għall-viżitaturi li kienu jaslu fil-ġonna, kif ukoll veduta drammatika tal-kumplament tal-ġnien, tal-funtani u tal-villa fuq nett. Sas-seklu 19, is-siġar taċ-ċipress saru enormi, u kienu fost l-iktar karatteristiċi famużi tal-ġonna, impittra mill-artisti u kienu jispiraw il-mużika ta' Franz Liszt u l-poeżija ta' Gabriele d'Annunzio. Tnejn miċ-ċipressi oriġinali għadhom hemm; iċ-ċipressi l-oħra u s-sisien tax-xitel tar-rand tħawwlu fl-aħħar tas-seklu 20.
Il-Funtani bl-Ajkli tal-Familja d'Este huma grupp ta' funtani rustiċi żgħar, bl-ilma jispara 'l fuq minn skutelli tal-ġebel, b'varjetà ta' temi. Waħda fiha grupp ta' statwi ta' ajkli bojod, l-emblema tal-familja d'Este. Dawn il-funtani huma fdal tal-ġonna formali li kienu jokkupaw dik il-parti tal-ġnien qabel ma nbniet ir-Rotunda taċ-Ċipressi.
Il-ġnien t'isfel fih ukoll żewġ funtani rustiċi kbar, imsejħin Mete, li jinsabu fir-rokna tal-Majjistral tal-ġnien biswit l-entrata. Dawn ġew iddisinjati biex ikunu qishom tal-blat naturali, bil-grotti u bin-niċeċ. Ġew maħluqa fl-1568-1569 minn Tommaso da Como, u oriġinarjament kien maħsub li jkollhom żewġ statwi kbar ta' ġganti, il-gwardjani tal-ġnien. Funtana rustika iżgħar, imsejħa l-Funtana Rustika tax-Xitwa, fiha statwa tas-seklu 16 tax-Xitwa li oriġinarjament kienet fil-Gran Loġġa.
L-iżjed funtana famuża fil-ġnien t'isfel hija l-Funtana ta' Diana ta' Efesu, magħrufa wkoll bħala l-Funtana tan-Natura Omm. Din l-istatwa oriġinarjament kienet tinsab ħdejn il-Funtana tal-Orgni; ġiet imċaqilqa lejn il-ġnien t'isfel minn Alessandro d'Este fis-seklu 16. Ġiet magħmula mill-iskultur Fjamming Gillis van den Vliete fl-1568, u ġiet immudellata fuq statwa Rumana klassika ta' Diana ta' Efesu mit-tieni seklu, li issa tinsab fil-Mużew Nazzjonali ta' Napli. Tinsab fi grotta magħmula bil-laqx tat-tartru; ġettijiet tal-ilma jisparaw mill-bosta isdra tal-alla femminili.
Sit ta' Wirt Dinji
Villa d'Este ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2001.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' ħames kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]
Villa d'Este fl-arti
Ftit ġonna ġew impittra jew impinġija b'daqstant artisti notevoli bħall-Villa d'Este, b'mod partikolari matul ir-Rinaxximent u fis-seklu 19. B'riżultat ta' dan, il-karatteristiċi tal-ġnien influwenzaw ġonna oħra fl-Ewropa kollha mill-Ingilterra sar-Russja u ġew imitati fihom. Fir-Rinaxximent, il-ġnien kien jitqies bħala vetrina tal-arti klassika u tat-teknoloġiji ġodda, iżda sal-aħħar tas-seklu 18, meta l-ġnien ġie ttraskurat, beda jaqa' biċċiet u nħakem mill-ħaxix ħażin, għen biex tinħoloq l-immaġni tal-ġnien Romantiku pittoresk.
Aċċess għall-Villa
Wieħed jista' jasal Villa d'Este faċilment bil-modi li ġejjin:
Billi wieħed jaqbad il-karozza tal-linja reġjonali blu ta' COTRAL Roma Tivoli-Via Prenestina fil-venda tal-karozzi tal-linja eżatt kif wieħed joħroġ mill-istazzjon ta' Ponte Mammolo tal-linja B tal-metro; il-waqfa Largo Nazioni Unite tinsab madwar 100 metru mill-entrata tal-villa.
Billi wieħed jaqbad il-linja ferrovjarja urbana FL2 mill-istazzjon ta' Tiburtina sal-istazzjon ta' Tivoli, imbagħad, jaqbad il-karozza tal-linja lokali ta' CAT numru 1 jew 4 sal-waqfa ta' Piazza Garibaldi; il-waqfa tinsab fil-pjazza prinċipali ta' Tivoli quddiem il-villa.
Biblijografija
Attlee, Helena (2006). Italian Gardens - A Cultural History (paperback). Londra: Frances Lincoln. p. 240. ISBN 978-0-7112-3392-8.
Barisi, Isabella (2004). Guide to Villa d'Este. Rome: De Luca Editori d'Arte. ISBN 978-88-8016-613-9.
Impelluso, Lucia. Jardins, potagers et labyrinthes, Editions Hazan, Pariġi, 2007
Allain, Yves-Marie and Christiany, Janine L'art des jardins en Europe, Citadelles and Mazenod, Pariġi, 2006
Iktar qari
Cartocci, Sergio 1976. Tivoli: The Tiburtine area: its history and works of art : Villa d'Este, Villa Gregoriana, Villa Adriana
Coffin, David R. 1960. The Villa D'Este At Tivoli
Dal Maso, Leonardo B. 1978.The villa of Ippolito II d'Este at Tivoli (Italia artistica)
Dernie, David, and Alastair Carew-Cox 1996. The Villa D'Este at Tivoli
de Vita, Marcello. 1950 etc. Villa d'Este: Description of the villa
Durand, Jean 1992. Les jeux d'eau de la Villa d'Este
Mancini, Gioacchino, 1959. Hadrian's Villa and Villa d'Este (Guidebooks to the Museums and Monuments of Italy, no. 34)
Pemberton, Margaret. 1955. Villa d'Este
Podenzani, Nino, 1960. Villa d'Este
Raymond, (trans. Hall) 1920. Historical Notes on Villa d`Este
Referenzi
^ abċCentre, UNESCO World Heritage. "Villa d'Este, Tivoli". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-16.