Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1990,[1] ikopri 26,000 kilometru kwadru (10,000 mil kwadru), u jinkorpora erba' parks nazzjonali:
Aoraki / Mount Cook;
Fiordland;
Mount Aspiring;
Westland Tai Poutini.
Huwa maħsub li s-sit fih uħud mill-aqwa rappreżentazzjonijiet moderni tal-flora u tal-fawna oriġinali ta' Gondwana, li hija waħda mir-raġunijiet li tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.
Deskrizzjoni
Te Wahipounamu huwa estiż fuq 450 kilometru (280 mil) tul il-kosta tal-Punent tal-Gżira tan-Nofsinhar ta' New Zealand. L-elevazzjoni ta' din l-art tvarja mil-livell tal-baħar sa 3,724 metru (12,218-il pied) fil-quċċata ta' Aoraki / Mount Cook. F'xi postijiet is-sit jestendi 'l ġewwa saħansitra sa 90 kilometru (56 mil). Fi ħdan Te Wahipounamu hemm firxa ta' karatteristiċi naturali, fosthom qċaċet miksijin bil-borra, lagi, kaskati, fjordi u widien. Is-sit jospita wkoll mijiet mill-iżjed glaċieri attivi fid-dinja, iżda l-iżjed tnejn prinċipali huma l-Glaċier ta' Franz Josef u l-Glaċier ta' Fox. Is-sit huwa l-ikbar żona u l-inqas żona mittiefsa tal-ekosistema naturali ta' New Zealand. Għalhekk, il-flora u l-fawna ta' dan is-sit huwa l-iżjed rappreżentazzjoni moderna tal-bijota tal-qedem ta' Gondwanaland.
Flora
Il-veġetazzjoni f'Te Wahipounamu fiha ħafna diversità u tinsab f'kundizzjoni mill-aqwa, prattikament mhux mittiefsa. Fuq il-muntanji hemm veġetazzjoni alpina rikka ta' arbuxxelli, ħaxix u ħxejjex aromatiċi. Il-foresti pluvjali iktar sħan u f'altitudni iktar baxxa huma ddominati minn podokarpi għoljin. Hemm iktar foresti pluvjali u artijiet mistagħdra fil-Punent, u l-iżjed artijiet mistagħdra naturali estensivi tal-ilma ħelu u kważi mhux mittiefsa f'New Zealand jinsabu f'din iż-żona. Il-pjanura kostali ta' Westland hija kkaratterizzata mill-artijiet bassasa għammiela ħafna u mill-bwar tal-pit ftit li xejn għammiela.
Fawna
F'Te Wahipounamu jgħixu bosta annimali indiġeni u hemm l-ikbar popolazzjoni u l-iżjed waħda sinifikanti ta' għasafar tal-foresti fil-pajjiż. Il-popolazzjoni totali fis-selvaġġ tat-takahē, ta' madwar 170 għasfur, tinstab fi ftit widien muntanjużi fi Fiordland. Tul il-kosta tal-Lbiċ jinstabu l-biċċa l-kbira tal-foki ta' New Zealand. F'dan ir-reġjun ukoll jinstabu l-kiwi l-kannella tan-Nofsinhar, il-kiwi l-kbar tat-tikek, il-pappagalli tal-kappa safra, il-pingwini ta' Fiordland, il-falkuni ta' New Zealand, u s-sarselli kannella. Il-kākāpō, l-iżjed pappagalli rari u tqal fid-dinja, instabu f'dan ir-reġjun fil-bidu tas-snin 80 tas-seklu 19. Issa huwa maħsub li ġew estinti fl-art kontinentali.
Popolazzjoni
L-inħawi ta' Te Wahipounamu huma l-inqas parti popolata ta' New Zealand.[2] Il-biċċa l-kbira tar-residenti jaħdmu f'impjiegi relatati mat-turiżmu iżda hemm ukoll xogħlijiet marbuta mal-użu tal-art. Mal-kosta, ir-residenti jaħdmu fl-oqsma tas-sajd, tar-ragħa u tal-estrazzjoni fuq skala żgħira. Fin-naħa tal-Lvant ta' dan is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, l-art tintuża l-iktar għar-ragħa u għat-trobbija tal-bhejjem. Ir-ragħa tan-nagħaġ u tal-bhejjem tal-ifrat hija permessa bil-liċenzja jew bi ħlas, għalkemm id-deżinjazzjoni ta' Te Wahipounamu bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO llimitat l-artijiet fejn jistgħu jibqgħu jsiru dawn il-prattiki.
Te Wahipounamu huwa wieħed mill-iżjed reġjuni b'attività sismika fid-dinja. Jinsab tul il-konfini ta' żewġ plakek tettoniċi, il-Plakka tal-Paċifiku u l-Plakka Indo-Awstraljana. Il-muntanji fl-inħawi huma riżultat taċ-ċaqliq tettoniku matul dawn l-aħħar 5 miljun sena. Il-glaċieri huma karatteristika ewlenija ta' dan is-sit. Ix-xejriet bażiċi tagħhom ġew stabbiliti matul il-glaċjazzjonijiet tal-Plejstoċen, għalkemm kien hemm bidliet postglaċjali sostanzjali. Dawn il-bidliet huma ferm ikbar fl-Alpi tan-Nofsinhar milli fi Fiordlands. Bidliet tipiċi jinkludu l-formazzjoni intensiva ta' gandotti jew kanali, ta' rdumijiet jew artijiet imtarrġa, u ċedimenti kbar jew żgħar tal-art u tal-blat. Iċ-ċedimenti tal-art, għalkemm mhux daqstant frekwenti, huma periklu potenzjali tar-reġjun. Minkejja li hemm densità baxxa ta' insedjamenti u kurituri tat-trasport, hemm il-potenzjal li jkun hemm ċedimenti tal-art qrib l-infrastruttura turistika fl-Alpi tan-Nofsinhar.[3]
Rabta tal-Māori mal-art
Ir-reġjun kollu ta' Te Wahipounamu għandu importanza kbira għall-Māori, b'mod partikolari l-iNgāi Tahu iwi, li r-rohe (żona tradizzjonali ta' kontroll) tagħhom tkopri l-maġġoranza tal-Gżira tan-Nofsinhar.
Leġġenda
Il-leġġenda dwar il-formazzjoni ta' dan ir-reġjun u l-Gżira tan-Nofsinhar issostni li Te Wahipounamu ġie ffurmat meta l-erba' wlied subien ta' Rakinui, il-Missier tas-Smewwiet, niżel mis-smewwiet u għamel vjaġġ madwar Papatūānuku, id-Dinja Omm. Matul dan il-vjaġġ, il-kenura tagħhom laqtet sikka u l-aħwa sabu ruħhom imwaħħlin bejn sema u ilma. Riħ tas-sirda mill-Baħar tat-Tażmanja ffriżhom u saru tal-ġebel, u l-kenura tagħhom saret il-Gżira tan-Nofsinhar ta' New Zealand. L-itwal fost l-aħwa kien Aoraki li issa jitqies li huwa Aoraki / Mt. Cook, filwaqt li l-aħwa l-oħra u membri oħra tal-ekwipaġġ jiffurmaw il-bqija tal-Alpi tan-Nofsinhar.
Il-Māori wkoll għandhom leġġenda dwar il-formazzjoni tal-Glaċieri ta' Franz Josef u ta' Fox. Din il-leġġenda tibda b'Hinehukatere li kienet tħobb tixxabbat mal-muntanji. Darba fost l-oħrajn ipperswadiet lill-maħbub tagħha, Tawe, biex jingħaqad magħha. Valanga qatlet lil Tawe u straħ għal dejjem fil-Glaċier ta' Fox. L-isem Māori tradizzjonali għall-glaċier huwa Te Moeke o Tauwe, li jfisser is-"sodda ta' Tauwe". Wara l-mewt ta' Tauwe, Hinehukatere kellha qalbha maqsuma u tgħidx kemm bkiet. Id-dmugħ minn dan il-biki ffriża u fforma l-Glaċier ta' Franz Josef. L-isem Maori tal-Glaċier ta' Franz Josef huwa Ka Roimata o Hinehukatere, li jfisser id-"dmugħ ta' Hinehukatere".[4]
Użu tar-reġjun
L-inħawi kienu u għadhom sors importanti tal-ħaġar aħdar ta' pounamu jew il-ġada. Dan il-ħaġar prezzjuża jintuża mill-Maori fil-produzzjoni tal-għodod, tal-armi u tal-ġojjellerija.
Sit ta' Wirt Dinji
Te Wahipounamu ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1990.[1] Il-Park Nazzjonali ta' Westland u ta' Mount Cook u l-Park Nazzjonali ta' Fiordland kienu diġà meqjusa bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, iżda mbagħad ġew meqjusa b'mod kollettiv f'Te Wahipounamu.
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; il-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]
Is-sit jinkludi bosta karatteristiċi naturali li jikkontribwixxu għar-reputazzjoni ta' New Zealand bħala post b'pajsaġġi eċċezzjonali. Jitqies bħala l-aqwa eżempju modern tal-bijota ta' Gondwanaland u għaldaqstant huwa ta' importanza globali. Hemm livell għoli ta' ġeodiversità u ta' bijodiversità, b'ħabitats kważi mhux mittiefsa. Barra minn hekk, hemm firxa wiesgħa ta' flora u ta' fawna mhux tas-soltu ta' New Zealand, li joħorġu fid-dieher l-iżolament evoluzzjonarju.
Protezzjoni u ġestjoni
Rekwiżiti legali
Il-biċċa l-kbira tal-art f'Te Wahipounamu hija proprjetà tal-Kuruna (il-gvern u l-poplu ta' New Zealand) u tiġi amministrata mid-Dipartiment tal-Konservazzjoni. L-iżjed regolamenti importanti huma l-Att tal-Parks Nazzjonali tal-1980, l-Att dwar il-Konservazzjoni tal-1987, u l-Att dwar ir-Riżervi tal-1977, li ma tfasslux b'mod speċifiku għal Te Wahipounamu iżda japplikaw kif inhuma għal New Zealand kollu. Hemm ukoll mandat leġiżlattiv għall-preservazzjoni u għall-protezzjoni tar-riżorsi naturali u storiċi, biex jinżamm il-valur intrinsiku tagħhom, u jsir minn kollox biex jiġu apprezzati u jitgawdew għar-rikreazzjoni tal-pubbliku, filwaqt li jiġu ssalvagwardjati għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Trattat ta' Waitangi
It-Trattat ta' Waitangi jagħti lill-poplu Ngāi Tahu l-prestiġju u l-awtorità fuq l-art. Id-Dipartiment tal-Konservazzjoni huwa obbligat li jżomm mal-prinċipji ta' dan it-trattat. Dan jimplika ftehim ta' sħubija mal-poplu Ngāi Tahu. Din is-sħubija tinvolvi proċess annwali ta' ppjanar mal-iNgāi Tahu iwi (l-awtorità tribali ewlenija), li jagħti lill-poplu Ngāi Tahu opportunità li jinvolvi ruħu u jikkontribwixxi fil-ġestjoni operazzjonali tas-sit.
Madankollu, it-trattat mhux dejjem ġie onorat, għalkemm intlaħaq ftehim għall-ħabta meta Te Wahipounamu ġie ddikjarat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. L-implikazzjonijiet ta' dan kienu tlieta. Mount Cook saret Aoraki / Mount Cook u ntlaħaq qbil li 88 karatteristika topografika oħra jkollhom ismijiet bilingwi bl-Ingliż u bil-Māori. It-titlu għal Aoraki ġie rritornat lit-tribù Ngāi Tahu li min-naħa tiegħu tah b'donazzjoni lill-poplu ta' New Zealand. Barra minn hekk, it-tribù ngħata drittijiet tal-aċċess biex b'mod temporanju jkun jista' jiġbor ikel u materjali tradizzjonali.[5]
Qafas tal-ippjanar tal-ġestjoni
Hemm erba' entitajiet prinċipali tal-ippjanar għall-iżvilupp tal-qafas tal-ġestjoni tar-riżorsi naturali ta' Te Wahipounamu. L-ewwel entità hija l-leġiżlazzjoni. New Zealand ma għandhiex leġiżlazzjoni speċifika għas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO u għaldaqstant Te Wahipounamu jiġi ġestit skont l-Att dwar il-Parks Nazzjonali, l-Att dwar il-Konservazzjoni u l-Att dwar ir-Riżervi). It-tieni entità hija l-istrateġija rigward il-viżitaturi. Id-Dipartiment tal-Konservazzjoni jġestixxi l-komponenti kollha ta' Te Wahipounamu skont l-Istrateġija rigward il-Viżitaturi. Din l-istrateġija taqsam il-viżitaturi f'seba' gruppi abbażi tat-tul tas-soġġorn tagħhom u t-tip ta' attivitajiet li jagħmlu. Imbagħad tipprovdi opportunitajiet rikreattivi ta' kwalità għal dawn il-gruppi kif ukoll faċilitajiet meta jkun xieraq. It-tielet entità huma l-istrateġiji tal-ġestjoni tal-konservazzjoni. Dawn huma dokumenti li jiddikjaraw il-konservazzjoni reġjonali u li jiddeskrivu l-prijoritajiet strateġiċi u l-postijiet ewlenin għall-konservazzjoni tal-bijodiversità u għar-rikreazzjoni tal-viżitaturi. L-entità tal-ippjanar finali huma l-pjanijiet tal-ġestjoni. Dawn jinħolqu għal postijiet speċifiċi fi ħdan Te Wahipounamu. Kull Park Nazzjonali għandu l-pjan tal-ġestjoni tiegħu stess.
Turiżmu
L-attrazzjonijiet turistiċi prinċipali fi ħdan Te Wahipounamu huma Milford Sound / Piopiotahi kif ukoll il-Mogħdija tal-Mixi ta' Milford, il-Lag ta' Te Anau u l-Mogħdija tal-Mixi ta' Kepler, il-Mogħdija tal-Mixi ta' Routeburn u Mount Aspiring / Tititea, Aoraki / Mount Cook u l-Glaċieri ta' Haupapa / tat-Tażmanja, ta' Franz Josef, u ta' Fox. Hemm żewġ toroq prinċipali biss fir-reġjun, l-Awtostrada ta' Haast u l-Awtostrada ta' Milford. Tul dawn l-awtostradi, li jissejħu wkoll kurituri tal-"Awtostradi tal-Wirt", hemm network ta' għaxar ċentri għall-viżitaturi u bosta mogħdija tal-mixi fin-natura.
Attrazzjoni prinċipali f'Te Wahipounamu, u f'New Zealand inġenerali, huwa l-pajsaġġ naturali. Permezz ta' studju nstab li l-fatturi ewlenin ta' motivazzjoni għall-viżitaturi ta' Te Wahipounamu huma x-xenarju u l-attivitajiet rikreattivi.[6] It-turiżmu fi ħdan Te Wahipounamu huwa bbażat fuq in-natura, l-hekk imsejjaħ turiżmu "ekoloġiku".[7] Barra minn hekk, hemm ukoll turiżmu ta' avventura u turiżmu tan-natura. Xi attivitajiet ibbażati biss fuq in-natura huma l-mixi fil-Parks Nazzjonali, l-osservazzjoni tal-balieni, u l-mawriet bid-dgħajjes fil-Fiordland Sounds. Imbagħad hemm attivitajiet bħal tramping jew trekking, li jinkludu komponenti ta' avventura bħall-qsim tax-xmajjar jew il-mogħdijiet muntanjużi filwaqt li jitgawda x-xenarju naturali. Saħansitra l-attivitajiet ta' avventura bħall-mixjiet fuq il-glaċieri, ir-rafting, u t-tixbit isiru fl-ambjent naturali.
Skont Charnley, dan it-tip ta' turiżmu tan-natura jaf ma jikkwalifikax bħala turiżmu ekoloġiku. Fid-definizzjoni tagħha ta' turiżmu ekoloġiku, dan it-tip ta' turiżmu jrid ikollu benefiċċji soċjali ġenwini u jservi bħala għodda għall-iżvilupp sostenibbli tal-komunitajiet. B'hekk jeħtieġ li jiġu ssodisfati tliet kundizzjonijiet. Il-benefiċċji ekonomiċi jridu jiġu strutturati b'mod xieraq kulturalment li jagħmilhom aċċessibbli għall-popolazzjoni fil-mira. Sabiex il-komunitajiet jibbenefikaw, jeħtieġ li jiżgura ż-żamma tal-art fl-inħawi kif ukoll il-kapaċità li jittieħdu deċiżjoni dwar l-użu tal-art. Barra minn hekk, il-benefiċċji tat-turiżmu ma jridux ikunu ekonomiċi biss, iżda jridu jippromwovu għanijiet iktar profondi tal-ġustizzja soċjali u politika. Is-sopravivenza tal-komunitajiet f'Te Wahipounamu hija bbażata l-iktar tat-turiżmu. Il-biċċa l-kbira tar-residenti tar-reġjun jgħixu hemmhekk minħabba l-opportunitajiet ta' impjieg fit-turiżmu. Għaldaqstant il-benefiċċji ekonomiċi huma prevalenti, iżda spiss ma hemmx komponent kulturali jew ta' konservazzjoni ulterjuri. Minkejja dan, hemm xi attivitajiet iktar storiċi u kulturali. Hemm l-integrazzjoni kulturali fost il-viżitaturi u n-nies lokali minħabba l-iskala żgħira tal-faċilitajiet, iżda spiss ikun hemm inqas rabta mal-kultura tradizzjonali tal-Maori. Isiru sforzi ta' konservazzjoni fir-reġjun kollu, iżda huma r-riżultat tat-twemmin tal-gvern u tad-deżinjazzjoni bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, u mhux tat-turiżmu ekoloġiku. Bosta nies jaf jirreferu għat-turiżmu ekoloġiku f'Te Wahipounamu, iżda jekk is-sit jistħoqqlux dan it-titlu hija kwistjoni oħra.[8]
L-inħawi huma destinazzjoni għall-bastimenti l-kbar tal-kruċieri li ma jirmiġġawx hemmhekk u għall-bastimenti iżgħar tal-kruċieri li jkollhom itinerarji lokali.[9][10]
Żoni tan-Natura Selvaġġa
Fi ħdan Te Wahipounamu hemm erba' żoni tan-natura selvaġġa. Dawn huma Hooker-Landsborough, li tkopri 41,000 ettaru, Olivine (80,000 ettaru), Pembroke (18,000 ettaru) u Glaisnock (125,000 ettaru). Flimkien dawn iż-żoni tan-natura selvaġġa jirrappreżentaw 10 % tal-erja totali ta' Te Wahipounamu. Jiġu ġestiti b'mod strett f'termini tal-Politika dwar iż-Żoni tan-Natura Selvaġġa ta' New Zealand. Din il-politika tiddefinixxi ż-żoni tan-natura selvaġġa bħala "artijiet tan-natura selvaġġa li jidher li ġew affettwati biss mill-forzi tan-natura, bi ftit li xejn interferenza umana. Dawn iż-żoni tan-natura selvaġġa jiġu ġestiti b'tali mod li l-kundizzjoni naturali tagħhom tiġi perpetwata".[11] F'dawn iż-żoni ma hemm l-ebda faċilità għall-viżitaturi; la toroq, la akkomodazzjoni, la pontijiet u lanqas mogħdijiet tal-mixi. Barra minn hekk, ma jkunx hemm aċċess għalihom bl-ajru għal skopijiet rikreattivi jew kummerċjali. Il-viżitaturi ta' dawn iż-żoni jżuruhom skont "it-termini tan-natura stess".
Iż-żoni tan-natura selvaġġa jipperpetwaw ideat ta' purezza u ta' natura li ilha teżisti f'dak l-istat. John Muir u Aldo Leopold tkellmu favur il-protezzjoni tan-natura selvaġġa Amerikana u l-ideat favurihom kienu wħud mill-pedamenti tal-moviment ambjentali fl-Istati Uniti. Il-Politika dwar iż-Żoni tan-Natura Selvaġġa ta' New Zealand tirrifletti dawn l-ideat bi kriterji biex din l-art protetta tibqa' titgawda iżda fl-istess ħin tibqa' kważi mhux mittiefsa mill-bniedem. Madankollu, iż-żieda kontinwa fit-turiżmu lejn New Zealand qed taffettwa din l-esperjenza. Spiss ikun hemm iffullar f'diversi mogħdijiet tat-tramping fin-natura. Dan jaffettwa u jtellef l-esperjenza mixtieqa ta' solitudni qalb żona tan-natura selvaġġa.[12]
Kwistjonijiet oħra
Hemm varjetà ta' kwistjonijiet f'Te Wahipounamu li għadhom iridu jiġu solvuti. Dawn jinkludu dawn li ġejjin:
It-theddida ambjentali ta' triq bejn Haast u Hollyford, li hija proposta li ilha li ġiet issuġġerita mis-snin 70 tas-seklu 19.
Barra minn hekk hemm ħtieġa ulterjuri li tissawwar sħubija ta' ħidma mal-iNgāi Tahu iwi. Fil-prinċipju hemm qafas għal din is-sħubija iżda t-twettiq u l-implimentazzjoni tiegħu għal sħubija ta' vera huma kwistjoni persistenti.
Minħabba t-turiżmu hemm żieda fl-inġenji tal-ajru turistiċi. It-tniġġis mill-istorbju minn dawn l-inġenji tal-ajru jtellef il-"kwiet naturali" ta' dan ir-reġjun, li bosta tant jixtiequ jippreservaw.
Attwalment is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO ma tinkludix komponent fil-baħar. Tinħass il-ħtieġa li jkun hemm protezzjoni aħjar tan-natura selvaġġa kostali.
Waħda mill-kwistjonijiet il-kbar li jiffaċċja r-reġjun huma l-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet invażivi. Dawn ikollhom l-ikbar impatt fuq ir-reġjun. Iż-żidiet fil-popolazzjonijiet taċ-ċriev ħomor u mammiferi oħra bħall-wapiti, il-mogħoż, u ċ-ċriev selvaġġi, ikkawżaw ħsara serja u b'mod partikolari jheddu l-integrità tal-ekosistemi alpini u forestali. Il-kaċċa kummerċjali ilha tintuża bħala mezz ta' tnaqqis ta' dawn il-popolazzjoni għal livelli aċċettabbli ekoloġikament. Id-Dipartiment tal-Konservazzjoni għandu programmi ta' kontroll u l-politika tal-Parks Nazzjonali hi li teqred kull tip ta' invażjoni ġdida u li teqred jew tnaqqas il-firxa ta' speċijiet invażivi eżistenti.
^“Te Wahipounamu (South-West New Zealand World Heritage Area), New Zealand” (2008). The Encyclopedia of Earth.
^Korup, Oliver (March 2005). “Geomorphic hazard assessment of landslide dams in South Westland, New Zealand: fundamental problems and approaches”. Geomorphology66: 167-188.
^Whitelaw, Sonny (August 2007). “Te Wahipounamu's Rivers of Ice”. World & I22: 2.
^Molloy, Les, and Murray Reedy. “Wilderness Within World Heritage: Te Wahipounamu, New Zealand”.
^Thompson-Carr, Anna (2012). “Aoraki / Mount Cook and the Mackenzie Basin's transition from wilderness to tourist place”. Journal of Tourism Consumption and Practice4: 30-58.
^Eijgelaar, Eke (February 2006). “How eco is nature-based tourism? An analysis of German tourism to New Zealand's natural heritage and impacts of nature-based activities”. MA Thesis, Eberswalde: University of Applied Sciences.
^Charnley, Susan (2005). “From Nature Tourism to Ecotourism? The Case of the Ngorongoro Conservation Area, Tanzania”. Human Organization64: 75-88.