Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] Il-Mongolja rratifikat il-Konvenzjoni fit-2 ta' Frar 1990, u b'hekk is-siti indikattivi tagħha setgħu jitqiesu biex jiżdiedu mal-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]
L-UNESCO tiddeżinja s-siti abbażi ta' għaxar kriterji tal-għażla; kull sit irid jissodisfa mill-inqas wieħed mill-għaxar kriterji. Il-kriterji (i) sa (vi) huma kulturali, filwaqt li l-kriterji (vii) sa (x) huma naturali.[4]
Dan is-sit transnazzjonali huwa magħmul minn seba' komponenti fir-Russja u ħames komponenti fil-Mongolja. Il-Baċir tal-Lag ta' Uvs huwa baċir endorejku bi drenaġġ fil-Lag ta' Uvs li huwa lag kbir, baxx u mielaħ ħafna. Il-baċir fih varjetà wiesgħa ta' ħabitats, inkluż artijiet mistagħdra, steppi, tipi differenti ta' foresti, ekosistemi tal-ilma ħelu u tal-ilma mielaħ, kif ukoll it-tundra muntanjuża. Iż-żona tospita diversi speċijiet ta' għasafar, leopardi tal-borra, il-gerbils tal-Mongolja, l-argali, u l-mogħoż tal-barr Siberjani.[5]
Dauria, jew Transbaikal, hija reġjun fil-Lvant tal-Lag ta' Baikal. Is-sit transnazzjonali jinkludi żoni tar-Riżerva Naturali ta' Daursky fir-Russja u tliet żoni fil-Mongolja, inkluż ir-Riżerva ta' Bijosfera ta' Daguur. Il-pajsaġġ jinkludi ekosistemi ta' steppi differenti, foresti, bwar tal-ħaxix, kif ukoll l-artijiet mistagħdra u lagi. Iż-żona hija importanti bħala sit għat-tibjit jew rotta tal-passa għal diversi speċijiet ta' għasafar, bħall-grawwa ta' għonqha bajda, u hija wkoll żona tal-migrazzjoni tal-gazzella tal-Mongolja.[6]
Il-pajsaġġ kulturali tul iż-żewġ xtut tax-xmara Orkhon ikopri mergħat estensivi u diversi siti arkeoloġiċi. Fl-inħawi kienu jgħixu diversi mewġiet ta' popli nomadiċi, u l-ewwel sinjali ta' insedjament imorru lura għal 60,000 sena ilu. Fl-aħħar żewġ millenji, il-wied kien abitat minn rgħajja nomadiċi, l-Unni, it-Torok, l-Ujgur, il-Kitan, u finalment il-Mongoli. Fis-seklu 13, il-Mongoli ħolqu l-Imperu Mongolu u l-belt kapitali tal-imperu kienet Karakorum. Fost il-monumenti fiul-wied hemm dawk maħluqa mill-Göktürk fis-seklu 8, il-fdalijiet ta' Ordu-Baliq, il-belt kapitali tal-Kaganat tal-Ujgur fis-sekli 8 u 9, u l-monasteri Buddisti ta' Erdene Zuu u Tövkhön tas-sekli 16 u 17.[7]
Dan is-sit jinkludi tliet kumplessi ta' petroglifiċi: Tsagaan Salaa-Baga Oigor, Tsagaan Gol ta' Fuq, u Aral Tolgoi, li partijiet minnu jinsabu fil-Park Nazzjonali ta' Altai Tavan Bogd. L-iżjed petroglifiċi bikrin imorru lura għall-ħabta tal-11,000 Q.K., fil-Plejstoċen Aħħari, u juru annimali bħal mammut, rinoċeronti u nagħmiet li kienu jgħixu fl-inħawi meta kienu ferm iktar kesħin u nexfin. Il-petroglifiċi mill-millenji ta' wara juru l-bidla fil-komunitajiet ta' annimali u t-tranżizzjoni minn soċjetà tal-kaċċa għal waħda bbażata fuq rgħajja nomadi li jiddependu fuq iż-żwiemel. L-iżjed fdalijiet reċenti jmorru lura għall-aħħar żmien tat-Torok (is-sekli 7 u 8 W.K.).[8]
Huwa maħsub li l-inħawi huma l-post fejn Genghis Khan, li stabbilixxa l-Imperu Mongolu fl-1206, twieled u ndifen. Skont L-Istorja Sigrieta tal-Mongoli, huwa fformalizza l-prattika tal-qima tal-muntanja, li qabel kellha għeruq fondi fit-tradizzjonijiet xamaniċi tal-popli nomadi. Ir-rotta tal-pellegrinaġġ lejn il-muntanja tgħaddi minn tliet ovoos (giren xamaniċi tal-blat). Fl-aħħar tas-seklu 15, il-Buddiżmu ħa post il-qima tal-muntanja, iżda mis-snin 90 tas-seklu 20, uħud mit-tradizzjonijiet reġgħu ħadu l-ħajja u ġew integrati mar-ritwali Buddisti.[9]
Is-sit jinkludi tliet siti bil-ġebel taċ-ċriev, li huwa ġebel megalitiku li jmur lura għal Żmien il-Bronż u għal Żmien il-Ħadid Bikri u li kien jintuża għal prattiki ċerimonjali u funebri. Il-ġebel huwa magħmul minn blokok tal-granit u huwa mnaqqax b'figuri ta' ċriev, kif ukoll uċuħ umani, simboli, u annimali differenti. Sa issa ġew skoperti madwar 1,200 minn dan il-ġebel. F'dawn is-siti hemm ukoll monumenti msejħa khirgisüür u lapidi funebri.[10]