Delphi jew Delfi (/ˈdɛlfaɪ, ˈdɛlfi/;[1] bil-Grieg: Δελφοί [ðelˈfi]), li skont leġġenda fl-imgħoddi kien jissejjaħ Pytho (Πυθώ), kien reġjun sagru antik u s-sede ta' Pythia, l-oraklu ewlieni li kien jiġi kkonsultat dwar deċiżjonijiet importanti fid-dinja klassika tal-qedem. Il-Griegi Antiki kienu tal-fehma li ċ-ċentru tad-dinja kien jinsab f'Delphi, immarkat b'monument tal-ġebel magħruf bħala l-omphalos (żokkra).
Skont is-Suda, isem Delphi oriġina mid-Delphyne, is-serp femminili (drakaina) li kienet tgħix hemmhekk u li nqatlet mid-divinità Apollo (fi ġrajjiet oħra s-serp kien maskili (drakon), Python).[2][3]
Ir-reġjun sagru jokkupa reġjun distint fix-xaqliba tal-Lbiċ tal-Għolja ta' Parnassus.
Issa huwa sit arkeoloġiku estensiv, u mill-1938 jifforma parti mill-Park Nazzjonali ta' Parnassos. Ir-reġjun tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO peress li kellu influwenza kbira fid-dinja tal-qedem, kif joħroġ fid-dieher mid-diversi monumenti li nbnew hemmhekk mill-iżjed bliet-stati Griegi antiki importanti, sabiex juru l-unità Ellenika fundamentali tagħhom.[4]
Biswit ir-reġjun sagru hemm ir-raħal żgħir modern bl-istess isem.
Ismijiet
Delphi għandha l-istess għerq bħall-kelma bil-Grieg għal ġuf, δελφύς delphys.
Pytho (Πυθώ) hija relatata ma' Pythia, ir-reliġjuża li kienet isservi bħala l-oraklu, u ma' Python, serp jew dragun li kien jgħix fis-sit.[5] It-terminu "Python" joriġina mill-verb bil-Grieg πύθω (pythō), li jfisser "jitħassar".[6]
Delphi u r-reġjun ta' Delphi
Illum il-ġurnata Delphi hija muniċipalità tal-Greċja kif ukoll raħal modern biswit ir-reġjun tal-qedem. Ir-raħal modern inħoloq wara li ġew żvelati binjiet mir-reġjun sagru sabiex dawn jiġu skavati. Iż-żewġ Delphi, il-moderna u tal-qedem, jinsabu tul it-Triq Nazzjonali Griega Nru 48 bejn Amfissa fil-Punent u Livadeia, il-belt kapitali ta' Voiotia, fil-Lvant. It-triq issegwi x-xaqliba tat-Tramuntana ta' mogħdija muntanjuża bejn l-Għolja ta' Parnassus fit-Tramuntana u l-muntanji tal-Peniżola ta' Desfina fin-Nofsinhar. Il-mogħdija muntanjuża ssegwi x-xmara Pleistos, mil-Lvant għall-Punent, u tifforma konfini naturali tul it-Tramuntana tal-Peniżola ta' Desfina, filwaqt li tipprovdi rotta faċli permezz tagħha.
Fuq in-naħa tal-Punent, il-wied jingħaqad mal-wied orjentat mit-Tramuntana għan-Nofsinhar bejn Amfissa u Itea.
Fuq in-naħa tat-Tramuntana tal-wied hemm fondoq tal-Għolja ta' Parnassus li jidjieq għas-sit ta' Krisa antika, li fl-imgħoddi kienet setgħa li tirrenja fis-sistema kollha tal-wied. Kemm Amphissa kif ukoll Krissa jissemmew fil-Katalogu tal-Vapuri tal-Ilijade.[7] Kienet fortizza tal-poplu ta' Mycenae. Id-dati arkeoloġiċi tal-wied imorru lura għall-perjodu Elladiku Bikri.[8] Krisa fiha nnifisha hija Elladika Nofsanija. Dawn id-dati bikrin huma komparabbli għad-dati bikrin ta' Delphi, u dan jissuġġerixxi li Delphi kienet immexxija u ttrasformata mill-poplu ta' Phocis minn Krisa tal-qedem. Huwa maħsub li l-fdalijiet ta' Kirra, li issa huma parti mill-port ta' Itea, kienu l-port ta' Krisa.[9]
Arkeoloġija tar-reġjun
Is-sit ġie skavat għal ftit fl-1880 minn Bernard Haussoullier (1852-1926) f'isem l-Iskola Franċiża f'Ateni li kien membru tagħha għal xi żmien. Is-sit imbagħad ġie okkupat mill-villaġġ ta' Kastri b'madwar 100 dar u 200 ruħ. Kastri ("forti") kienet ilha hemm mill-qerda ta' Delphi minn Teodosju I fit-390 W.K. X'aktarx li ħalla forti biex jiżgura li ma terġax tiġi popolata, madankollu, il-forti sar villaġġ ġdid. Il-ġebel tas-sit ġie estratt biex jerġa' jintuża fil-binjiet tagħhom stess. Il-vjaġġaturi Brittaniċi u Franċiżi li żaru s-sit issuspettaw li s-sit kien Delphi tal-qedem. Qabel ma setgħu jsiru skavi sistematiċi tas-sit, il-villaġġ kellu jiġi rilokat, iżda r-residenti rreżistew.
L-opportunità ta' rilokazzjoni tal-villaġġ ġiet meta ġarrbet ħsarat sostanzjali minħabba terremot, u r-residenti ġew offruti villaġġ ġdid minflok dak antik. Fl-1893, l-Iskola Arkeoloġika Franċiża neħħiet kwantitajiet kbar ta' ħamrija minn bosta ċedimenti tal-art u żvelat kemm il-binjiet il-kbar kif ukoll l-istrutturi tas-santwarju ta' Apollo u t-tempju ta' Atena, il-Pronoia ta' Atena u eluf ta' oġġetti, kitbiet imnaqqxa u skulturi.[10]
Matul l-Iskavi l-Kbar, strutturi arkitettoniċi ta' bażilika Kristjana tas-seklu 5 ġew skoperti li jmorru lura għal meta Delphi kienet veskovat. Binjiet importanti oħra tal-Perjodu Aħħari tar-Rumani huma l-Banjijiet tal-Lvant, id-dar bil-peristil, l-Agora Rumana, iċ-ċisterna l-kbira, eċċ. Fil-periferija tal-belt instabu wkoll ċimiterji tal-Perjodu Aħħari tar-Rumani.
Lejn ix-Xlokk tar-reġjun ta' Apollo kien hemm l-hekk imsejħa Villa tax-Xlokk, binja b'faċċata twila 65 metru, b'erba' sulari, b'erba' triclinia u banjijiet privati. Il-provvisti kienu jinżammu f'ġarer kbar tal-ħżin u nstabu reċipjenti oħra tal-fuħħar u oġġetti lussużi fil-kmamar. Fost l-oġġetti li nstabu jispikka leopard ċkejken magħmul mill-madreperla, x'aktarx ta' oriġini tas-Sassadi, li jinsab għall-wiri fil-gallerija tal-pjan terran tal-Mużew Arkeoloġiku ta' Delphi. Il-villa tmur lura għall-bidu tas-seklu 5 u kienet tiffunzjona bħala dar privata sal-580. Madankollu, iktar 'il quddiem ġiet ittrasformata fi studjo tal-produzzjoni tal-fuħħar.[11] Il-belt donnha qabdet it-triq tan-niżla fil-bidu tas-seklu 6: id-daqs tagħha ċkien u l-kuntatti kummerċjali li kellha donnha naqqsu b'mod drastiku. L-oġġetti tal-fuħħar lokali ġew prodotti b'kwantitajiet kbar: ġew magħmula b'tafal ħamrani iktar aħrax bl-għan li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-abitanti.[12]
Il-Mogħdija Sagra baqgħet it-triq prinċipali tal-insedjament, li madankollu ġiet ittrasformata fi triq b'użu kummerċjali u industrijali. Madwar l-agora nbnew studjos tax-xogħol kif ukoll l-unika bażilika Kristjana bikrija intra muros (fi ħdan il-ħitan tal-eks forti). Iż-żona domestika nfirxet l-iktar fil-Punent tal-insedjament. Id-djar kienu pjuttost spazjużi u żewġ ċisterni kienu jipprovdulhom l-ilma meħtieġ.[13]
Mużew Arkeoloġiku ta' Delphi
Il-mużew fih artefatti assoċjati ma' Delphi tal-qedem, fosthom l-iżjed kitba bikrija ta' melodija, ir-Rikkieb tal-Karru ta' Delphi, Kleobis u Biton, it-teżori tad-deheb li ġew skoperti taħt il-Mogħdija Sagra, l-Isfinġi ta' Naxos, u frammenti ta' riljievi mit-Teżor tas-Sifni. Eżatt biswit il-ħruġ hemm il-kitba mnaqqxa li ssemmi l-prokonslu Ruman Gallio.
Arkitettura tar-reġjun
Il-biċċa l-kbira tal-fdalijiet li għadhom jeżistu sa llum il-ġurnata jmorru lura għall-iżjed perjodu intensiv ta' attività fis-sit fis-seklu 6 Q.K.[14]
Tempju ta' Apollo
Il-fdalijiet tat-Tempju ta' Apollo li huma viżibbli llum il-ġurnata jmorru lura għas-seklu 4 Q.K., u huma ta' binja Dorika peripterali. It-tempju nbena minn Spintarus, Xenodoros, u Agaton fuq il-fdalijiet ta' tempju iktar bikri, li jmur lura għas-seklu 6 Q.K., li kien inbena fuq is-sit ta' kostruzzjoni tas-seklu 7 Q.K. attribwita skont il-leġġendi lill-arkitetti Trofonju u Agamede.[15]
Skont it-tradizzjoni antika kien hemm erba' tempji li suċċessivament okkupaw is-sit qabel in-nar li faqqa' fil-548/7 Q.K., u mbagħad l-Alkmaeonidi bnew il-ħames tempju. Il-poeta Pindar iċċelebra t-tempju tal-Allmaeonidi f'Pythian 7.8-9 u pprovda wkoll dettalji dwar it-tielet tempju f'Paean 8. 65–75. Dettalji oħra jingħataw minn Pausanias (10.5.9-13) u mill-Innu Omeriku lil Apollo (294 ff.). L-ewwel tempju jingħad li kien inbena mill-friegħi taż-żebbuġ minn Tempe. It-tieni wieħed kien magħmul min-naħal bix-xama' u l-ġwienaħ, iżda b'mod mirakoluż inġarr minn riħ qawwi u ġie ddepożitat fost l-Iperboreani. It-tielet tempju, kif deskritt minn Pindar, inħoloq mid-divinitajiet Efestu u Atena, iżda d-dettalji arkitettoniċi tiegħu kienu jinkludu figuri qishom ta' sirenetti jew "Inkantatriċi", li bil-kant tagħhom eventwalment wasslu biex id-divinitajiet ta' Olimpja jidfnu t-tempju taħt l-art (skont Pausanias it-tempju nqered minn terremot u nirien). Skont kliem Pindar (Paean 8.65-75, traduzzjoni mhux uffiċjali), indirizzati lill-Mużi:
U ħbew l-iżjed sagru fost il-postijiet li qatt inħolqu.
'Il bogħod minn uliedhom
U marthom, meta temmew
Ħajjithom skont il-kant melodiku tal-Inkantatriċi.
Ir-raba' tempju jingħad li kien inbena bil-ġebel minn Trofonju u Agamede.[16] Madankollu, teorija tal-2019 tagħti spjegazzjoni kompletament ġdida tal-mit tal-erba' tempji ta' Delphi.[17]
Teżori
Mid-daħla tan-naħa ta' fuq tas-sit, tul ix-xaqliba kollha tal-Mogħdija Sagra kważi sat-Tempju ta' Apollo, instabu għadd kbir ta' statwi offruti bħala wegħdiet, u bosta hekk imsejħa teżori. Dawn inbnew minn ħafna mill-bliet-stati Griegi biex ifakkru r-rebħiet u biex iroddu ħajr lill-oraklu għall-pariri tagħha, li kien maħsub li kienu wasslu għal dawk ir-rebħiet. Dawn il-binjiet kienu jaħżnu l-offerti mogħtija lil Apollo; spiss dawn kienu jkunu dieċma/għexur jew għaxra fil-mija tar-rikkezzi mirbuħa f'battalja. L-iżjed teżor impressjonanti huwa t-Teżor tal-Atenjani, li ġie rrestawrat reċentement, u li kien inbena biex titfakkar ir-rebħa tal-Atenjani fil-Battalja ta' Maratona fl-490 Q.K.
It-Teżor ta' Sifni ġie ddedikat lill-belt ta' Sifni, li ċ-ċittadini tagħha taw dieċma tal-qligħ tagħhom mill-minjieri tal-fidda sakemm il-minjieri ġew mgħerrqa mill-baħar.
Wieħed mill-ikbar teżori huwa dak ta' Argos. L-Argivi bnewh fil-Perjodu Klassiku Aħħari u kienu kburin ferm li rnexxielhom jibnu l-post tagħhom f'Delphi qalb il-bliet-stati l-oħra. It-teżor tagħhom tlesta fit-380 Q.K., u donnu ġie ispirat l-iktar mit-Tempju ta' Ħera f'Argolis. Madankollu, analiżi reċenti tal-elementi arkajċi tat-teżor tissuġġerixxi li kien ġie stabbilit qabel.
Teżori identifikabbli oħra huma dwar tas-Sikonjani, tal-Boezjani, tal-Massaljoti u tat-Tebani.
It-Teżor tal-Boezjani.
It-Teżor tal-Knidjani.
It-Teżor tas-Sikonjani.
It-Teżor ta' Sifni.
Artal tal-poplu ta' Chios
Quddiem it-Tempju ta' Apollo hemm l-artal prinċipali tas-santwarju li tħallas u nbena mill-poplu ta' Chios. Imur lura għas-seklu 5 Q.K. kif indikat fil-kitba mnaqqxa mal-gwarniċ tiegħu. L-artal huwa magħmul kompletament minn irħam iswed, għajr għall-bażi u l-gwarniċ tiegħu. Ir-restawr tal-artal sar fl-1920.
Il-kitba mnaqqxa bil-Grieg Antik fuq il-gwarniċ tal-artal, fejn tissemma Chios, "ΧΙΟΙΣ".
Stoa tal-Atenjani
L-istoa, jew zuntier imsaqqaf u miftuħ fil-ġnub tiegħu, inbniet b'allinjament kważi mil-Lvant għall-Punent tul il-bażi tal-ħajt poligonali li jirfed it-terrazza li fuqha nbena t-Tempju ta' Apollo. Ma hemm l-ebda traċċa arkeoloġika ta' rabta mat-tempju. L-istoa kienet tiftaħ fuq il-Mogħdija Sagra. Il-preżenza fil-qrib tat-Teżor tal-Atenjani tissuġġerixxi li dan il-kwartier ta' Delphi kien jintuża għan-negozju jew għall-politika tal-Atenjani, peress li l-istoa ġeneralment kienet tinsab fis-swieq.
Għalkemm l-arkitettura ta' Delphi ġeneralment hija Dorika, stil sempliċi, skont it-tradizzjonijiet ta' Phocis li kienu Doriċi, l-Atenjani inġenerali ma kinux jippreferu d-Doriku. L-istoa nbniet bl-istil ippreferut tal-Atenjani, il-Joniku, kif joħroġ fid-dieher mill-kapitelli tal-kolonni. Skont l-istil Joniku l-kapitelli huma mżejnin bit-tema tal-fjuri u b'mod elaborat, għalkemm mhux daqs il-Korinzju. L-istruttura li jifdal fiz-zuntier fiha seba' kolonni b'disinn imrikkeb, u mnaqqxa minn ħaġra unika, xi ħaġa mhux tas-soltu (il-biċċa l-kbira tal-kolonni kienu jinbnew minn sensiela ta' ħaġar tond li mbagħad kienu jitpoġġew fuq xulxin). Il-kitba mnaqqxa fuq l-istilobat tindika li nbniet mill-Atenjani wara r-rebħa navali tagħhom kontra l-Persjani fl-478 Q.K., biex jaħżnu t-trofej tal-gwerra tagħhom. Dak iż-żmien l-Atenjani u l-Ispartani ma kinux għedewwa.
Blata ta' Sibilla
Il-blata ta' Sibilla hija blata qisha pulptu bejn it-Teżor tal-Atenjani u l-Istoa tal-Atenjani tul il-Mogħdija Sagra li twassal sat-Tempju ta' Apollo fiż-żona arkeoloġika ta' Delphi. Il-blata jingħad li hija l-post fejn Sibilla preistorika ta' qabel il-Pythia ta' Apollo qagħdet bilqiegħda biex twassal il-profeziji tagħha. Oħrajn jissuġġerixxu li l-Pythia jaf qagħdu hemmhekk, jew akolit bil-funzjoni li jwassal il-profezija finali. Il-blata tidher li kienet post ideali għad-diskorsi fil-pubbliku.
Teatru
It-teatru antik ta' Delphi nbena iktar 'il fuq mit-Tempju ta' Apollo u b'hekk l-ispettaturi kellhom veduta sħiħa tas-santwarju u tal-wied kollu.[18] Oriġinarjament inbena fis-seklu 4 Q.K., iżda ġie mmudellat mill-ġdid diversi drabi, b'mod partikolari fil-160/159 Q.K. għas-spejjeż tar-Re Ewmene II ta' Pergamon u, fis-67 W.K., fl-okkażjoni taż-żjara tal-Imperatur Neruni.[19]
Il-koilon isserraħ max-xaqliba naturali tal-muntanja filwaqt li l-parti tal-Lvant inbniet fuq nixxiegħa żgħira li kienet twassal l-ilma fil-funtana ta' Cassotis eżatt taħt it-Tempju ta' Apollo. L-orkestra inizjalment kienet ċirku sħiħ b'dijametru ta' seba' metri. Ix-xena rettangolari kellha żewġ fetħiet bil-ħnejjiet fit-tarf, u llum il-ġurnata fadal il-pedamenti tagħhom biss. L-aċċess għat-teatru kien possibbli permezz tal-parodoi, jiġifieri l-kurituri laterali. Mal-ħitan ta' sostenn tal-parodoi hemm bosta kitbiet imnaqqxa li jfakkru l-bejgħ fittizju tal-iskjavi lid-divinità. Il-koilon kienet maqsuma orizzontalment f'żewġ żoni permezz ta' kuritur imsejjaħ diazoma. Iż-żona t'isfel kellha 27 ringiela ta' postijiet u dik ta' fuq kellha tmien ringieli biss. Sitt settijiet ta' taraġ b'arranġament radjali kienet jaqsmu l-parti t'isfel tal-koilon f'seba' livelli. It-teatru kien jesa' bejn wieħed u ieħor 4,500 spettatur.[20]
Fl-okkażjoni taż-żjara ta' Neruni fi Greċja fis-67 W.K. saru diversi modifiki. L-orkestra ġiet pavimentata u delimitata b'parapett tal-ġebel. Il-proscenium ġie sostitwit b'pedestall baxx, il-pulpitum; il-faċċata ġiet imżejna b'riljiev bix-xeni minn miti dwar Erkole. Saru iktar tiswijiet u trasformazzjonijiet fis-seklu 2 W.K. Pausanias isemmi li dawn saru taħt il-patroċinju ta' Erodi Atticus. Fil-qedem, it-teatru kien jintuża għall-kompetizzjonijiet vokali u mużikali li kienu parti mill-programm tal-Logħob ta' Pythia fl-aħħar tal-perjodu Ellenistiku u Ruman.[21] It-teatru ġie abbandunat meta s-santwarju qabad it-triq tan-niżla lejn l-aħħar tal-Antikità. Wara li ġie skavat u wara r-restawr inizjali tiegħu, fih ittellgħu spettakli teatrali matul il-Festivals ta' Delphi organizzati minn A. Sikelianos u martu, Eva Palmer, fl-1927 u fl-1930. Dan l-aħħar ġie restawrat mill-ġdid minħabba li għal deċennji sħaħ seħħew ċedimenti gravi tal-art li heddew l-istabbiltà tiegħu.[22]
Tholos
It-tholos fis-santwarju ta' Atena Pronaea (Ἀθηνᾶ Προναία, "Atena tal-Kunsiderazzjoni") hija binja ċirkolari li nbniet bejn it-380 u t-360 Q.K. Kienet tikkonsisti minn 20 kolonna Dorika rranġati ħdejn xulxin fuq barra b'dijametru estern ta' 14.76-il metru, u 10 kolonni Korinzji fuq ġewwa.
It-tholos tinsab bejn wieħed u ieħor nofs mil (800 metru) mill-fdalijiet prinċipali ta' Delphi (38°28′49″N 22°30′28″E). Tliet kolonni Doriċi ġew irrestawrati u b'hekk dan is-sit sar wieħed mill-iktar popolari f'Delphi fost it-turisti.
L-arkitett tat-"tempju bil-volti f'Delphi" kien issemma minn Vitrivju, fid-De architectura, il-Ktieb VII, bħala Teodoru ta' Phoceus (mhux Teodoru ta' Samos, li Vitruvju jsemmi separatament).[23]
Gymnasium
Il-gymnasium, li jinsab nofs mil 'il bogħod mis-santwarju prinċipali, kien sensiela ta' binjiet li kienu jintużaw miż-żgħażagħ ta' Delphi. Il-binja kienet tikkonsisti minn żewġ livelli: stoa fil-livell ta' fuq bi spazju fil-beraħ, u palaestra, pixxina u banjijiet fil-livell t'isfel. Dawn il-pixxini u l-banjijiet kien maħsub li kellhom poteri maġiċi, u kienu jippermettu lil dak li jkun jikkomunika direttament ma' Apollo.[10]
Stadium
L-istadium jinsab iktar 'il fuq fl-Għolja ta' Parnassus, lil hinn mill-Mogħdija Sagra u t-teatru. Inbena fis-seklu 5 Q.K., iżda ġie mmodifikat fis-sekli ta' wara. L-aħħar immudellar mill-ġdid ta' skala kbira sar fis-seklu 2 W.K. taħt il-patroċinju ta' Erodi Atticus meta nbnew il-postijiet bilqiegħda u nħolqot daħla bil-ħnejja. L-istadium kien jesa' 6,500 spettatur bilqiegħda u t-trakka kienet twila 177 metru u kienet wiesgħa 25.5 metru.[24]
Ippodromu
Fil-Logħob ta' Pythia, mexxejja politiċi prominenti bħal Klistene, it-tirann ta' Sikyon, u Hieron, it-tirann ta' Siracusa, kienu jikkompetu kontra xulxin bil-karrijiet tagħhom immexxija miż-żwiemel. Pindar irrefera għall-ippodromu, il-post fejn kienu jsiru dawn l-avvenimenti, u dan il-monument ġie mfittex mill-arkeologi għal iktar minn żewġ sekli.[25]
Dan l-aħħar instabu traċċi tiegħu f'Gonia fil-pjanura ta' Krisa fen qabel kien jinsab l-istadium oriġinali.[26]
Ħajt poligonali
Ħajt ta' sostenn inbena biex jirfed it-terrazza bil-kostruzzjoni tat-tieni Tempju ta' Apollo fil-548 Q.K. Isem il-ħajt ġej mil-lavur bil-ġebel poligonali biex inbena. Iktar 'il quddiem, mill-200 Q.K. 'il quddiem, il-ġebel tal-ħajt kien jiġi mnaqqax bil-kuntratti tal-manumissjoni tal-iskjavi li ġew ikkonsagrati lil Apollo. Bejn wieħed u ieħor, fil-ħajt hemm madwar elf manumissjoni rreġistrata.[27]
Fawwara Kastaljana
Il-fawwara sagra ta' Delphi tinsab fil-fondoq tal-Faedriadi. Il-fdalijiet ippreservati ta' żewġ funtani monumentali li kienu jirċievu l-ilma mill-fawwara jmorru lura għall-Perjodu Arkajku u għall-Perjodu Ruman.
Agora Rumana
L-ewwel sett ta' fdalijiet li jara kwalunkwe viżitatur kif jidħol fis-sit arkeoloġiku ta' Delphi huma dwar tal-Agora Rumana, li kienet tinsab 'il barra mill-peribolos jew il-ħitan tar-reġjun tas-santwarju ta' Apollo f'Delphi. L-Agora Rumana nbniet bejn is-santwarju u l-Fawwara Kastaljana, madwar 500 metru 'l bogħod.[28] Din il-pjazza pavimentata rettangolari kbira fl-imgħoddi kienet imdawra minn portiċi Joniċi fuq tliet naħat tagħha.[29] Il-pjazza nbniet fil-perjodu Ruman, iżda l-fdalijiet viżibbli attwalment tul in-naħat tat-Tramuntana u tal-Majjistral imorru lura għall-Perjodu Aħħari tal-Antikità.
X'aktarx li ġie stabbilit suq fil-beraħ, fejn il-viżitaturi kienu jixtru għadd ta' ex-voto, bħal statwetti u tripodji żgħar, sabiex iħallu l-offerti tagħhom lill-allat. Kienet tintuża wkoll bħala żona ta' assemblea għall-purċissjonijiet matul il-festivals sagri.
Matul żmien l-imperu, tpoġġew statwi tal-imperatur u ta' benefatturi notevoli oħra hawnhekk kif wieħed jista' jobsor illum mill-pedestalli fil-post. Fil-Perjodu Aħħarti tal-Antikità, kien hemm ukoll studjos tal-artiġjani fi ħdan l-agora.
Statwi atletiċi
Delphi hija famuża għall-bosta statwi atletiċi ppreservati tagħha. Huwa magħruf li Olimpja oriġinarjament kellha ferm iktar minn dawn l-istatwi, iżda biż-żmien ħafna minnhom bdew jispiċċaw fix-xejn, u b'hekk is-sit prinċipali tal-istatwi atletiċi sar Delphi. Kleobis u Biton, żewġ aħwa magħrufa għall-qawwa tagħhom ġew immudellati f'żewġ statwi atletiċi li huma fost l-iktar bikrin f'Delphi. L-istatwi jfakkru l-ġrajja tal-ġbid tal-karru ta' ommhom għal diversi mili lejn is-Santwarju ta' Ħera fin-nuqqas tal-gniedes. Il-ġirien baqgħu impressjonati u ommhom staqsiet lil Ħera tagħtihom l-ikbar fost ir-rigali. Meta daħlu fit-Tempju ta' Ħera, huma ħasshom ħażin u qatt ma qamu, u b'hekk mietu fil-qofol tal-ammirazzjoni tagħhom, id-don perfett.[30]
Ir-Rikkieb tal-Karrijiet ta' Delphi huwa artefatt antik ieħor li baqa' qawwi u sħiħ sa żminijietna. Huwa wieħed mill-iktar statwi magħruf mill-antikità. Ir-Rikkieb tilef bosta karatterisitiċi, inkluż il-karru tiegħu u dirgħajh ix-xellugija, iżda għadu jirrappreżenta ġieħ lill-arti atletika tal-qedem.[30]
Miti rigward l-oriġini tar-reġjun
Fl-Ilijade, Akille ma kienx lest jaċċetta l-offerta ta' paċi ta' Agamennone lanqas li kieku kellha tinkludi l-ġid kollu fl-"art tal-ġebel" "tal-blat ta' Pytho" (I 404). Fl-Odissea (θ 79) Agamennone jaqsam "art tal-ġebel" biex jingħata l-profezija mingħand Apollo f'Pytho, l-ewwel waħda magħrufa fil-protostorja.[31] Hesiod jirreferi wkoll għal Pytho "fil-fondoq ta' Parnassus" (Teogonju 498). Dawn ir-referenzi jimplikaw li l-iżjed data bikrija tal-eżistenza tal-oraklu hija s-seklu 8 Q.K., id-data meta x'aktarx Omeru fassal ix-xogħlijiet tiegħu.
Il-miti prinċipali ta' Delphi jissemmew fi tliet "loci" letterarji.[32]H. W. Parke, l-istudjuż dwar Delphi, ilmenta li kienu awtokontradittorji, u b'hekk inkonxjament kienu parti mill-epistemoloġija ta' Plutarkju, u jirriflettu xi realtà storika oġġettiva komuni li tista' tiġi vverifikata. Parke jsostni li ma hemm l-ebda Apollo, l-ebda Żeus, l-ebda Ħera, u ċertament l-ebda mostru kbir qisu serp, u li l-miti huma invenzjonijiet Plutarkjani, bl-għan li jqanqlu ġrajjiet tradizzjonali bil-fomm fil-kitba wkoll.
L-Innu Nru 3 ta' Omeru, "Lil Apollo", hija l-eqdem waħda minn dawn it-tliet loci, u bejn wieħed u ieħor tmur lura għas-seklu 7 Q.K. Apollo jivvjaġġa sew wara t-twelid tiegħu f'Delos sabiex ifittex post għal oraklu. Telefesu jagħtih il-parir li jagħżel lil Krissa "taħt id-dell tal-Għolja ta' Parnassus", u huwa jimxi mal-parir tiegħu, u jordna li jinbena tempju, wara l-qtil tas-serp li jgħasses il-fawwara. Sussegwentement, xi membri tal-poplu ta' Kreta minn Knossos ibaħħru fuq missjoni biex isibu lil Pylos. Apollo jibdel surtu, isir denfil u jitla' abbord il-gverta tal-bastiment tagħhom. Il-membri tal-poplu ta' Kreta ma jazzardawx ineħħuħ u minflok jibqgħu jbaħħru. Apollo jiggwida l-bastiment madwar il-Greċja kollha u l-vjaġġ jintemm lura f'Krissa. Apollo jidħol fis-santwarju tiegħu flimkien mal-membri tal-poplu ta' Kreta u dawn ikunu l-patrijiet qaddejja tiegħu li jadurawh bħala Delphineus, "tad-denfil".
Żeus, divinità Klassika, jingħad li ddetermina s-sit ta' Delphi meta pprova jfittex iċ-ċentru ta' Gaia. Huwa bagħat żewġ ajkli jtiru miż-żewġ estremitajiet tal-Lvant u tal-Punent, u l-ajkli għaddew minn fuq Delphi fejn kienet tinsab iż-żokkra jew l-omphalos ta' Gaia.[33]
Skont Eskilu fil-prologu tal-Ewmenidi, l-oraklu oriġina fil-preistorja u minn żmien il-qima ta' Gaia, li huwa ħsieb sostnut ukoll minn H. W. Parke, li ddeskriva l-evoluzzjoni tat-twemmin assoċjat mas-sit. Huwa sostna li l-istabbiliment preistoriku tal-oraklu huwa deskritt minn tliet kittieba bikrin: l-awtur tal-Innu Omeriku lil Apollo, Eskilu fil-prologu tal-Ewmenidi, u Ewripide f'silta tal-Iphigeneia f'Tauris. Parke jsostni wkoll li "Din il-verżjoni [ta' Ewripide] evidentement tirriproduċi b'mod sofistikat it-tradizzjoni primittiva li Eskilu għall-finijiet tiegħu stess kien qed jikkontradiċi: it-twemmin li Apollo ġie f'Delphi bħala invażur u ħa għalih oraklu tad-Dinja li diġà kien jeżisti. Il-qtil tas-serp huwa l-att tal-konkwista li jiżgura l-pussess tiegħu; mhux bħal fl-Innu Omeriku, fejn kien sempliċiment xogħol sekondarju ta' titjib tas-sit. Hemm ukoll differenza oħra. L-Innu Omeriku, bħalma rajna, kien jimplika li l-metodu tal-profezija li ntuża hemmhekk kien simili għal dak ta' Dodona: kemm Eskilu kif ukoll Ewripide, li kitbu fis-seklu 5, jattribwixxu għall-preistorja l-istess metodi li ntużaw f'Delphi fi żmienhom stess. Permezz tal-allużjonijiet tagħhom għat-tripodji u għas-sedi profetiċi jiġi implikat ħafna... [u jkompli fil-paġna nru 6] ...Karatteristika arkajka ħafna oħra f'Delphi tikkonferma wkoll ir-rabtiet antiki tal-post mad-divinità tad-Dinja. Dan il-post kien l-omphalos, ħaġra b'għamla ta' bajda li kienet tinsab fl-iżjed parti ta' ġewwa tas-santwarju tat-tempju fi żminijiet storiċi. Skont leġġenda Klassiku jingħad li kienet timmarka ż-"żokkra" (omphalos) jew iċ-ċentru tad-dinja u tispjega li dak il-post kien iddeterminat minn Żeus li kien ħeles żewġ ajkli li taru miż-żewġ estremitajiet tad-dinja u li ltaqgħu eżatt fuq dan il-post". Fil-paġna nru 7 jsostni wkoll, "Għaldaqstant Delphi oriġinarjament kienet devota għall-qima tad-Dinja bħala divinità li l-Griegi kienu jsejħulha Ge jew Gaia. Temis, assoċjat magħha fit-tradizzjoni bħala bintha, is-sieħba tagħha jew is-suċċessur tagħha, fil-verità hija manifestazzjoni oħra tal-istess divinità: identità li Eskilu rrikonoxxa f'kuntest ieħor. Il-qima ta' dawn iż-żewġ divinitajiet, bħala żewġ divinitajiet distinti jew bħala divinità waħda, intemmet bl-introduzzjoni ta' Apollo. L-oriġini ta' dan ilha kontroversjali fost l-istudjużi: għall-fini tagħna biżżejjed inqisuh kif jiġi rrappreżentat fl-Innu Omeriku – wieħed li jindaħal mit-Tramuntana – u l-wasla tiegħu x'aktarx li seħħet fl-intervall mudlam bejn iż-żminijiet ta' Mycenae u Elleniċi. Il-kunflitt tiegħu ma' Ge għall-pussess tas-sit ta' qima ġie rrappreżentat permezz tal-leġġenda tal-qtil tas-serp.[34]
Ġrajja partikolari dwar l-iskoperta tas-santwarju ssostni li ragħaj bil-merħla ta' mogħoż tiegħu fil-mergħat tal-Għolja ta' Parnassus, darba fost l-oħrajn osserva lill-mogħoż tiegħu jilagħbu b'aġilità kbira qrib qasma fil-blat; malli induna, ir-ragħaj mar jittawwal b'rasu fuq ix-xaqq fil-blat. Mix-xaqq tela' duħħan li affettwalu moħħu u spiċċa f'dinja għalih.[35]
L-Innu Omeriku lil Apollo ta' Delphi jfakkar li l-isem antik tas-sit kien Krisa.[36]
Oħrajn isostnu li s-sit kien jismu Pytho (Πυθώ) u li Pythia, il-patri qaddejja tal-oraklu, intgħażlet mill-patrijiet qaddejja femminili tat-tempju. Apollo jingħad li kien qatel lil Python, drako (serp maskili jew dragun) li kien jgħix hemmhekk u li kien iħares iż-żokkra tad-dinja. Uħud isostnu li "Python" (it-terminu oriġina mill-verb πύθω (pythō), "jitħassar") kien l-isem oriġinali bħala rikonoxximent li Apollo kien qatel lil Python.
L-isem Delphi ġej mill-istess għerq bħal δελφύς delphys, "ġuf" u jaf jindika l-qima arkajka ta' Gaia fis-sit. Diversi studjużi oħra ma jaqblux dwar it-twemmin x'aktarx preistoriku tas-sit.
Apollo huwa marbut mas-sit permezz tal-epitet tiegħu Δελφίνιος Delphinios, "minn Delphi". L-epitet huwa marbut mad-dniefel (bil-Grieg: δελφίς,-ῖνος) fl-Innu Omeriku Lil Apollo (il-vers 400), fejn tissemma l-leġġenda dwar kif Apollo wasal għall-ewwel darba f'Delphi b'sura ta' denfil, bil-patrijiet ta' Kreta fuq dahru. L-isem Omeriku tal-oraklu huwa Pytho (Πυθώ).[37] Leġġenda oħra kienet issostni li Apollo mexa lejn Delphi mit-Tramuntana u waqaf f'Tempe, belt f'Tessalija, biex jiġbor ir-rand li kien iqis li kienet pjanta sagra. Sabiex titfakkar din il-leġġenda, ir-rebbieħa tal-Logħob ta' Pythia ngħataw girlanda tar-rand miġbura fit-tempju.
Oraklu ta' Delphi
Proċess profetiku
X'aktarx li Delphi hija magħrufa l-iktar għall-oraklu tagħha, il-Pythia, jew is-sibilla, il-patri femminili qaddejja tal-profeziji mit-tripodju fl-adyton mgħerreq tat-Tempju ta' Apollo. Il-Pythia kienet magħrufa bħala kelliema f'isem Apollo. Kienet mara bla ħtija magħżula mir-raħħala tal-inħawi. Hija qagħdet bilqiegħda f'niċċa fuq ġewwa (adyton – li tfisser "tidħolx"), fuq tripodju qrib fetħa fl-art ("xaqq"). Skont leġġenda, meta Apollo qatel lil Python, is-serp waqa' f'dan ix-xaqq u beda tiela' duħħan mill-ġisem tiegħu li beda jiddekomponi. Intossikata mid-duħħan, is-sibilla ntilfet minn sensiha, u b'hekk Apollo seta' jieħu l-pussess tal-ispirtu tagħha. F'dan l-istat ta' estasi hija tat profezija. L-oraklu ma setax jiġi kkonsultat matul ix-xhur tax-xitwa, għax tradizzjonalment dan kien iż-żmien meta Apollo kien jgħix fost l-Iperboreani. Dijoniżju kien jgħix fit-tempju fin-nuqqas ta' Apollo.[38] Huwa notevoli li meta t-temp ikun iktar biered, jitfaċċa qisu duħħan.
Iż-żmien biex Pythia tiġi kkonsultata għal oraklu matul is-sena kien jiġi ddeterminat minn bażi astronomika u ġeoloġika b'rabta mal-kostellazzjonijiet ta' Lyra u Cygnus.[39] Prattika simili kienet tiġi segwita f'orakli oħra ta' Apollo.[40]
Mix-xaqq ġieli jiġu rrilaxxat qisu fwar tal-idrokarburi. Meta ntilfet minn sensiha, Pythia bdiet "titkellem b'mod li ma jinftehimx" – u dak li qalet ġie "tradott" mill-patrijiet qaddejja tat-tempju b'esametri eleganti. Ġie spekulat li l-kittieba tal-qedem, inkluż Plutarkju li kien ħadem bħala patri f'Delphi, kellhom raġun jattribwixxu l-effetti tal-oraklu lill-pneuma (li bil-Grieg Antik tfisser "nifs, riħ jew fwar) ta' riħa ħelwa mix-xaqq fil-blat. Jaf dak id-"duħħan" kien mimli etilen b'effett ta' loppju u b'riħa ħelwa, jew kien mimli b'idrokarburi li kien ikollhom effett vjolenti. Madankollu, minħabba l-ġeoloġija bil-ġebla tal-ġir, din it-teorija għadha dibattibbli, minkejja li l-awturi fasslu tweġiba dettaljata lill-kritiċi tagħhom.[41][42][43][44][45]
Sorsi tal-qedem jiddeskrivu l-patri femminili qaddejja bħala waħda li kienet tuża r-"rand" biex tispira l-profeziji tagħha. Diversi kandidati alternattivi tal-pjanta ġew issuġġeriti, fosthom il-kannabis, il-Hyoscyamus, ir-Rhododendron u l-oleandru. Harissis isostni li rieżami tal-letteratura tossikoloġika kontemporanja jindika li l-oleandru jikkawża sintomi simili għal dawk li kellha Pythia, u l-istudju tiegħu tat-testi tal-qedem wera li l-oleandru spiss kien jiġi inkluż taħt it-terminu "rand". Pythia jaf għomodot il-weraq tal-oleandru u belgħet il-fwar tagħhom. Is-sustanzi tossiċi tal-oleandru rriżuktaw f'sintomi simili għal dawk tal-epilessija, il-"marda sagra", li jaf kienet meqjusa bħala l-possessjoni ta' Pythia mill-ispirtu ta' Apollo.[46]
Influwenza, devastazzjonijiet u tiġdid temporanju
L-oraklu ta' Delphi kellu influwenza konsiderevoli fid-dinja Griega kollha, u kien jiġi kkonsultat qabel kull avvenimenti importanti, inkluż il-gwerer u l-istabbiliment tal-kolonji. Kienet irrispettata wkoll mill-pajjiżi influwenzati mill-Greċja mal-periferija tad-dinja Griega, fosthom Lidja, Karja, u saħansitra l-Eġittu.
L-oraklu kien magħruf ukoll fost ir-Rumani bikrin. Is-seba' u l-aħħar re ta' Ruma, Lucius Tarquinius Superbus, wara li ra serp qrib il-palazz tiegħu, bagħat delegazzjoni inkluż wieħed miż-żewġ subien tiegħu biex jikkonsultaw l-oraklu.[47]
Fil-278 Q.K., tribù (Ċeltika) ta' Traċja attakkat lil Delphi, ħarqet it-tempju, serqet ir-rikkezzi tas-santwarju u serqet it-"torċa li ma tintefiex" mill-artal. Matul l-attakk, parti mis-saqaf tat-tempju ċeda.[48] F'dik l-istess sena, it-tempju ġarrab ħsarat estensivi minħabba terremot, u b'hekk ġie mitluq u l-inħawi tal-madwar tfaqqru. Il-popolazzjoni lokali sparsa wasslet għal diffikultajiet biex jimtlew il-karigi meħtieġa. Il-kredibbiltà tal-oraklu battiet minħabba tbassir dubjuż.[49]
L-oraklu reġa' ffjorixxa fit-tieni seklu W.K., matul ir-renju tal-Imperatur Adrijanu, li jingħad li żar l-oraklu darbtejn u offra awtonomija sħiħa lill-belt. Sas-seklu 4, Delphi kienet kisbet l-istatus ta' belt.[50]
Kostantinu l-Kbir seraq bosta monumenti fil-Lvant tal-Mediterran, inkluż f'Delphi, sabiex iżejjen il-belt kapitali l-ġdida tiegħu, Kostantinopli. Wieħed mill-monumenti famużi kien il-kolonna tal-bronż ta' Plataea (il-Kolonna tas-Serp; bil-Grieg Antik: Τρικάρηνος Ὄφις, jiġifieri Serp bi Tlett Irjus; bit-Tork: Yılanlı Sütun) mis-santwarju (tal-479 Q.K.), rilokata hemmhekk minn Delphi fit-324 W.K., u li għadha sa llum il-ġurnata nofsha meqruda wieqfa fi pjazza ta' Istanbul (fejn darba fost l-oħrajn kien hemm l-Ippodromu ta' Kostantinopli; bit-Tork Ottoman: Atmeydanı, jiġifieri l-"Pjazza taż-Żwiemel") u parti minn waħda mill-irjus tagħha miżmuma fil-Mużew tal-Arkeoloġija ta' Istanbul (İstanbul Arkeoloji Müzeleri).[51]
Minkejja ż-żieda tal-Kristjaneżmu fl-Imperu Ruman kollu, l-oraklu baqa' ċentru reliġjuż matul is-seklu 4 W.K., u l-Logħob ta' Pythia baqgħu jsiru mill-inqas tal-424 W.K.; madankollu, id-deklin baqa' għaddej. It-tentattiv tal-Imperatur Ġuljanu li jerġa' jqanqal il-politeiżmu lanqas baqa' ħaj sal-aħħar tar-renju tiegħu. L-iskavi żvelaw bażilika kbira bi tliet korsiji fil-belt, kif ukoll traċċi ta' knisja fil-gymnasium tas-santwarju. Is-sit ġie abbandunat fis-seklu 6 jew 7, minkejja li jissemma isqof wieħed biss ta' Delphi f'lista episkopali tal-aħħar tas-seklu 8 u tal-bidu tas-seklu 9.[50]
Importanza reliġjuża tal-oraklu
Delphi saret is-sit ta' tempju ewlieni ddedikat lil Phoebus Apollo, kif ukoll il-post fejn isir il-Logħob ta' Pythia u fejn hemm l-oraklu preistoriku. Anke fi Żmien ir-Rumani, mijiet ta' statwi baqgħu jingħataw bħala offerti u wegħdiet, u dawn ġew deskritti minn Plinju ż-Żgħir u minn Pausanias. Fit-tempju ġew imnaqqxin tliet frażijiet: γνῶθι σεαυτόν (gnōthi seautón = "kun af lilek innifsek") u μηδὲν ἄγαν (mēdén ágan = "xejn żejjed"), u Ἑγγύα πάρα δ'ἄτη (engýa pára d'atē = "agħmel wegħda u biegħed id-deni").[52] Fil-qedem, l-oriġini ta' dawn il-frażijiet ġiet attribwita li wieħed jew iktar mis-Seba' Saġġi tal-Greċja minn awturi bħal Platun u Pausanias.[53][54] Barra minn hekk, skont is-saġġ ta' Plutarkju dwar it-tifsira tal-"E f'Delphi" — l-unika sors letterarju tal-kitba mnaqqxa — fit-tempju kien hemm ukoll ittra E kbira mnaqqxa. Fost affarijiet oħra l-ittra epsilon tirrappreżenta n-numru 5.[55] Madankollu, l-istudjużi tal-qedem kif ukoll moderni ddubitaw il-leġittimità ta' dawn il-kitbiet imnaqqxa.[56] Skont xi studjużi, "It-tliet frażijiet li saru fit-tempju ta' Delphi x'aktarx li qatt mhu se nkunu nafu min għamilhom. Wisq probabbli kienu qwiel popolari, li iktar 'il quddiem ġew attribwiti lil xi saġġi partikolari".[57]
Skont l-Innu Omeriku lil Apollo ta' Pythia, Apollo spara l-ewwel vleġġa tiegħu meta kien għadu żgħir u din effettivament qatlet lis-serp Pytho, iben Gaia, li kien l-għassies tal-post. Sabiex jindem għall-qtil ta' iben Gaia, Apollo ġie mġiegħel itir u jqatta' tmien snin ta' lieva qabel ma seta' jerġa' lura u jinħafer. Kull sena kien isir festival, is-Septeria, u fih kienet tiġi rrappreżentata l-ġrajja kollha: il-qtil tas-serp, it-titjira ta' Apollo, l-indiema, u r-ritorn bħala divinità.[58]
Il-Logħob ta' Pythia kienu jsiru kull erba' snin biex ifakkru r-rebħa ta' Apollo. Festival regolari ieħor f'Delphi kien it-"Theophania" (Θεοφάνεια), festival annwali li kien isir fir-rebbiegħa biex jiġi ċċelebrat ir-ritorn ta' Apollo mir-residenza tax-xitwa tiegħu f'Iperborea. Il-qofol tal-festival kien il-wiri ta' ikona tad-divinitajiet lill-fidili, li normalment kienet tkun moħbija fis-santwarju.[59]
It-theoxenia kienet issir kull sajf u kienet iċċentrata fuq festa għall-"allat u għall-ambaxxaturi minn stati oħra". Xi miti jindikaw li Apollo qatel is-serp Python li kien l-għassies tal-Fawwara Kastaljana u semma lill-patri femminili tiegħu Pythia. Python, li kien intbagħad minn Ħera, kien ipprova jipprevjeni li Leto twelled meta kienet tqila b'Apollo u Artemis.
Il-fawwara tas-sit kienet tnixxi lejn it-tempju iżda għebet taħtu, u ħolqot xaqq li minnu kien joħroġ fwar kimiku li kien maħsub li kien iwassal biex l-oraklu ta' Delphi tiżvela l-profeziji tagħha. Apollo qatel lil Python, iżda kellu jiġi kkastigat ta' għemilu, peress li Python kien iben Gaia. Is-santwarju ddedikat lil Apollo oriġinarjament kien iddedikat lil Gaia u kien kondiviż ma' Poseidon. L-isem Pythia baqa' bħala t-titlu tal-oraklu ta' Delphi.
Erwin Rohde kiteb li Python kien spirtu tad-dinja, li nqatel minn Apollo u ndifen taħt l-omphalos, f'każ fejn divinità stabbiliet tempju fuq il-qabar ta' divinità oħra.[60] Fehma oħra kienet li Apollo kien għadu kemm żdied fil-panteon Grieg peress li oriġina minn Lidja. L-Etruski mit-Tramuntana tal-Anatolja wkoll kienu jqimu lil Apollo[61], u jista' jkun li oriġinarjament kien l-istess divinità bħal Aplu tal-Mesopotamja, titlu tal-Akkadjani li jfisser "iben", li oriġinarjament kien ingħata lid-divinità tal-pjagi Nergal, iben Enlil. Apollo Smintheus (bil-Grieg: Απόλλων Σμινθεύς) kien il-qattiel tal-ġrieden, li kienu kawża primarja tal-mard, u għaldaqstant kien il-promotur tal-mediċina preventiva.[62]
Storja
L-okkupazzjoni tas-sit f'Delphi tista' tiġi traċċata lura għall-perjodu Neolitiku bl-okkupazzjoni estensiva u bl-użu estensiv mill-perjodu ta' Mycenae (1600-1100 Q.K.). F'dak iż-żmien, Krissa kienet art ewlenija Griega u qawwa tal-art u tal-baħar, x'aktarx waħda minn tal-bidu fil-Greċja, jekk wieħed jemmen id-data Elladika Bikrija ta' Kirra. Is-sorsi tal-qedem jindikaw li l-isem preċedenti tal-Golf ta' Korinzju kien il-"Golf ta' Krisa". Bħal Krisa, Korinzju kien stat Dorjan, u l-Golf ta' Korinzju kien lag Dorjan biex ngħidu hekk, speċjalment mill-migrazzjoni tad-Dorjani fil-Peleponniżi mill-ħabta tal-1000 Q.K. Il-qawwa ta' Krisa finalment sfaxxat fix-xejn permezz tal-istati Eoliċi u Attiċi-Joniċi tan-Nofsinhar tal-Greċja fir-rigward tal-aċċess għal Delphi. Il-kontroll tagħha għadda għand il-Lega Anfiktijonika, organizzazzjoni ta' stati b'interess f'Delphi fil-perjodu Klassiku bikri. Krisa nqerdet minħabba l-arroganza tagħha. Il-golf ingħata l-isem ta' Korinzju. Korinzju dak iż-żmien kienet simili għall-istati Jontiċi: elaborata u innovattiva, u ma tixbaħ xejn l-istil Doriku spartan.
Delphi tal-Qedem
Fost il-miti iktar bikrin hemm tradizzjonijiet li jsostnu li Pythia, jew l-oraklu ta' Delphi, diġà kienet is-sit ta' oraklu importanti fid-dinja Griega preklassika (saħansitra fl-1400 Q.K.) u ġiet iddedikata mill-ġdid għall-ħabta tat-800 Q.K., meta serviet bħala s-sit ewlieni matul iż-żminijiet klassiċi għall-qima tad-divinità Apollo.
Delphi minn dak iż-żmien 'l hawn kienet post tal-qima għal Gaia, id-divinità femminili marbuta mal-fertilità. Ir-raħal beda jikseb rilevanza pan-Ellenika kemm bħala santwarju kif ukoll bħala oraklu fis-seklu 7 Q.K. Inizjalment taħt il-kontroll tal-insedjaturi ta' Phocaea bbażati f'Kirra (attwalment Itea) mill-qrib, Delphi reġgħet għaddiet għand l-Atenjani matul l-Ewwel Gwerra Sagra (597-585 Q.K.). Il-kunflitt wassal għall-konsolidazzjoni tal-Lega Anfiktijonika, li kellha funzjoni militari u reliġjuża b'rabta mal-protezzjoni tat-Tempju ta' Apollo. Dan is-santwarju nqered min-nirien fil-548 Q.K. u mbagħad għadda taħt il-kontroll tal-Almaeonidi li tkeċċew minn Ateni. Fl-449-448 Q.K., it-Tieni Gwerra Sagra (miġġielda fil-kuntest wiesa' tal-Ewwel Gwerra Peleponniża bejn il-Lega Peleponniża mmexxija minn Sparta u l-Lega Deljana-Attika mmexxija minn Ateni) wasslet biex il-poplu ta' Phocia jikseb il-kontroll ta' Delphi u l-ġestjoni tal-Logħob ta' Pythia.
Fit-356 Q.K., il-poplu ta' Phocia taħt Philomelos ħataf u seraq lil Delphi, u dan wassal għat-Tielet Gwerra Sagra (356-346 Q.K.), li ntemmet bit-telfa tal-poplu ta' Phocia u t-tlugħ għall-poter ta' Macedon taħt ir-renju ta' Filippu II. Dan imbagħad wassal għar-Raba' Gwerra Sagra (339 Q.K.), li laħqet il-qofol tagħha fil-Battalja ta' Chaeronea (338 Q.K.) bl-istabbiliment tat-tmexxija ta' Macedon fuq il-Greċja.
F'Delphi, wara t-tmexxija ta' Macedon kien hemm it-tmexxija tal-Etoljani fil-279 Q.K., meta l-invażjoni Gallika ġiet irreżistita, u tar-Rumani fil-191 Q.K. Ir-rikkezzi tas-sit insterqu minn Lucius Cornelius Sulla fis-86 Q.K., matul il-Gwerer Mitridatiċi, u minn Neruni fis-66 W.K. Għalkemm l-imperaturi Rumani sussegwenti tad-dinastija Flavjana kkontribwew għar-restawr tas-sit, gradwalment Delphi tilfet l-importanza li kellha. Matul is-seklu 3, is-setet misterjużi saru iktar popolari mill-panteon tradizzjonali tal-Greċja.
Il-Kristjaneżmu, li beda l-ewwel bħala waħda mis-setet misterjużi, malajr qabad, u dan wassal għall-persegwitazzjoni tal-pagani fl-Imperu Ruman aħħari. Il-leġiżlazzjoni kontra l-pagani tad-dinastija Flavjana neħħiet l-assi li kellhom is-santwarji antiki. L-imperatur Ġuljanu pprova li jbiddel din il-klima reliġjuża, iżda t-tentattiv ta' "tqanqil mill-ġdid tal-paganiżmu" kien partikolarment batut u ma damx wisq. Meta t-tabib Oreibasius żar l-oraklu ta' Delphi, sabiex ipoġġi f'dubbju d-destin tal-paganiżmu, huwa ngħata tweġiba pessimistika:
Εἴπατε τῷ βασιλεῖ, χαμαὶ πέσε δαίδαλος αὐλά,
οὐκέτι Φοῖβος ἔχει καλύβην, οὐ μάντιδα δάφνην,
οὐ παγὰν λαλέουσαν, ἀπέσβετο καὶ λάλον ὕδωρ.
[Għid lir-re li l-flawt waqa' mal-art. Phoebus ma għandux iktar fejn joqgħod, la rand tal-oraklu, u lanqas funtana tal-profeziji, peress li l-ilma spiċċa għalkollox.]
L-oraklu ngħalaq għalkollox matul il-persegwitazzjoni tal-pagani fl-Imperu Ruman aħħari taħt Teodosju I fit-381 W.K.
Kunsill Anfiktijoniku
Il-Kunsill Anfiktijoniku kien kunsill ta' rappreżentanti minn sitt tribujiet Griegi li kellhom il-kontroll ta' Delphi u tal-Logħob ta' Pythia li kien isir kull erba' snin. Kien jiltaqa' darbtejn fis-sena u l-membri tiegħu kienu minn Thessaly u l-Greċja ċentrali. Maż-żmien, ir-raħal ta' Delphi kiseb iktar kontroll tiegħu nnifsu u l-kunsill tilef ħafna mill-influwenza tiegħu.
L-iskavi f'Delphi, li kienet insedjament ta' wara Mycenae tal-aħħar tas-seklu 9, żvelaw volumi ta' artefatti li żdiedu sew mill-aħħar kwart tas-seklu 8 Q.K. L-offerti tal-fuħħar u tal-bronż kif ukoll it-tripodji baqgħu jingħataw b'mod kontinwu, b'kuntrast ma' Olimpja. La l-firxa tal-oġġetti u lanqas il-preżenza ta' offerti prestiġjużi ma juru li Delphi kienet tappella għal firxa wiesgħa ta' fidili. Madankollu, il-kwantità l-kbira tal-oġġetti ta' valur li ma nstabu fl-ebda santwarju ieħor fl-art kontinentali, tħeġġeġ dik il-fehma.
Ir-reġjun sagru ta' Apollo f'Delphi kien Santwarju Pan-Elleniku, fejn kull erba' snin mill-586 Q.K. l-atleti mid-dinja Griega kollha kienu jikkompetu fil-Logħob ta' Pythia, waħda minn erba' Logħob Pan-Elleniku, il-prekursuri tal-Logħob Olimpiku modern. Ir-rebbieħa f'Delphi kienu jiġu ppreżentati b'kuruna tar-rand (stephanos) li b'mod ċerimonjali li kien jinqata' minn siġra minn tifel li kien jirrakkonta l-qtil ta' Python. Dawn il-kompetizzjonijiet kienu jissejħu wkoll logħob stefantiku minħabba isem il-kuruna tar-rand. Delphi kienet tispikka meta mqabbla mas-sit l-oħra tal-logħob għaliex kienet tospita l-mousikos agon, il-kompetizzjonijiet mużikali wkoll.
Dan il-Logħob ta' Pythia jikklassifika fost l-erba' logħob stefantiku kronoloġikament u bħala importanza. Madankollu, dan il-logħob kien differenti mil-logħob ta' Olimpja peress li ma kellhomx importanza daqshekk enormi għall-belt ta' Delphi daqs il-logħob għal Olympia u l-inħawi tal-madwar. Delphi xorta waħda kienet tkun belt rinomata anke kieku ma ospitatx dan il-logħob; kellha attrazzjonijiet oħra li wassluha biex titlaqqam l-omphalos (iż-żokkra) tad-dinja, fi kliem ieħor, iċ-ċentru tad-dinja.
Fil-hestia (ħuġġieġa) ta' ġewwa tat-Tempju ta' Apollo, kien hemm fjamma eterna. Wara l-Battalja ta' Plataea, il-bliet Griegi tfew il-fjammi tagħhom u ġabu nar ġdid mill-ħuġġieġa tal-Greċja, f'Delphi; fil-ġrajjiet tal-istabbiliment ta' diversi kolonji Griegi, il-kolonjalisti kienu l-ewwel jiġu ddedikati f'Delphi.
Abbandun u skoperta mill-ġdid
L-Ottomani ffinalizzaw id-dominju tagħhom fuq Phocis u Delphi għall-ħabta tal-1410 W.K. Delphi stess baqgħet kważi diżabitata għal sekli sħaħ. Milli jidher waħda mill-ewwel binjiet tal-era moderna bikrija kien il-monasteru tal-Madonna ta' Panagia (Omm Alla) li nbena fuq il-gymnasium antik f'Delphi. Kien x'aktarx lejn l-aħħar tas-seklu 15 jew 16 li beda jifforma insedjament hemmhekk, u eventwalment ifforma l-villaġġ ta' Kastri.
Il-belt ta' Delphi Ottomana gradwalment bdiet tiġi investigata. L-ewwel persuna mill-Punent li ddeskriviet il-fdalijiet f'Delphi kienet Ċirjaku ta' Ancona, merkant tas-seklu 15 li mbagħad sar diplomatiku u antikwarju, meqjus bħala missier l-arkeoloġija klassika moderna. Huwa żar Delphi f'Marzu 1436 u baqa' hemmhekk għal sitt ijiem. Huwa rreġistra l-fdalijiet arkeoloġiċi viżibbli abbażi tal-identifikazzjoni ta' Pausanias. Huwa ddeskriva l-istadium u t-teatru f'dik id-data kif ukoll xi skulturi individwali. Huwa rreġistra wkoll diversi kitbiet imnaqqxa, u l-biċċa l-kbira minnhom issa ntilfu. Madankollu, l-identifikazzjonijiet tiegħu mhux dejjem kienu korretti: pereżempju huwa ddeskriva binja tonda li ra bħala t-Tempju ta' Apollo meta din kienet biss il-bażi tal-ex-voto tal-Argivi. Fl-1500 terremot qawwi kkawża ħafna ħsara.
Fl-1766, spedizzjoni Ingliża ffinanzjata mis-Soċjetà tad-Dilettanti kienet tinkludi l-epigrafu ta' OxfordRichard Chandler, l-arkitett Nicholas Revett, u l-pittur William Pars. L-istudji tagħhom ġew ippubblikati fl-1769 bit-titlu Antikitajiet Joniċi, segwiti minn kollezzjoni ta' kitbiet imnaqqxin, u żewġ kotba tal-ivvjaġġar, wieħed dwar l-Asja Minuri (1775), u ieħor dwar il-Greċja (1776). Apparti l-antikitajiet, huma taw xi deskrizzjonijiet viżivi tal-ħajja ta' kuljum f'Kastri, bħall-imġiba tat-Torok-Albaniżi li kienu jgħassu l-mogħdijiet muntanjużi.
Iva! Ilmaħt is-santwarju deżertiku twil fuq Delphi,
fejn, apparti l-funtana dgħajfa, kollox kien wieqaf.
Huwa naqqax ismu fuq l-istess kolonna fil-gymnasium bħal Lord Aberdeen, li iktar 'il quddiem sar Prim Ministru, li kien żar Delphi ftit snin qabel. Skavi kif suppost ma bdewx qabel l-aħħar tas-seklu 19 (ara t-taqsima dwar l-"Iskavi") wara r-rilokazzjoni tal-villaġġ.
Sit ta' Wirt Dinji
Is-Sit Arkeoloġiku ta' Delphi ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987.[4]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' ħames kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[4]
Delphi fl-arti iktar reċenti
Mis-seklu 16 'il quddiem, bdew jitfaċċaw immaġnijiet ta' Delphi fil-kotba u fil-mapep stampati. L-iżjed immaġnijiet bikrin ta' Delphi kienu immaġinarji għalkollox; pereżempju dawk maħluqa minn Nicolas Gerbel, li fl-1545 ippubblika test abbażi tal-mappa tal-Greċja ta' N. Sofianos. Is-santwarju antik ġie muri bħala belt iffortifikata.
L-ewwel vjaġġaturi b'interessi arkeoloġiċi, apparti l-prekursur Ċirjaku ta' Ancona, kienu l-Brittaniku George Wheler u l-Franċiż Jacob Spon, li żaru l-Greċja fi spedizzjoni konġunta fl-1675-1676. Huma ppubblikaw l-impressjonijiet tagħhom separatament. Fil-"Vjaġġ lejn il-Greċja" ta' Wheler, ippubblikat fl-1682, deher skizz tar-reġjun ta' Delphi, fejn intwerew l-insedjament ta' Kastri u xi fdalijiet. L-illustrazzjonijiet fil-pubblikazzjoni ta' Spon "Voyage d'Italie, de Dalmatie, de Grèce et du Levant, 1678" jitqiesu bħala oriġinali u rivoluzzjonarji.
Il-vjaġġaturi baqgħu jżuru Delphi matul is-seklu 19 kollu u ppubblikaw il-kotba tagħhom li kien fihom djarji, skizzi u veduti tas-sit, kif ukoll stampi ta' muniti. L-illustrazzjonijiet spiss kienu jirriflettu l-ispirtu tar-Romantiċiżmu, kif joħroġ fid-dieher fix-xogħlijiet ta' Otto Magnus von Stackelberg, fejn apparti l-pajsaġġi (La Grèce. Vues pittoresques et topographiques, Pariġi, 1834) jidhru wkoll id-drawwiet umani (Costumes et usages des peuples de la Grèce moderne dessinés sur les lieux, Pariġi, 1828). Il-pittur filoelleniku W. Williams inkluda l-pajsaġġ ta' Delphi fit-temi tiegħu (1829). Personalitajiet influwenti bħal F.Ch.-H.-L. Pouqueville, W.M. Leake, Chr. Wordsworth u Lord Byron huma fost l-iżjed viżitaturi importanti ta' Delphi.
Wara l-istabbiliment tal-istat Grieg modern, l-istampa wkoll saret interessata f'dawn il-vjaġġaturi. B'hekk "Ephemeris" tikteb (fis-17 ta' Marzu 1889): Fir-Revues des Deux MondesPaul Lefaivre ppubblika l-memorji tiegħu minn eskursjoni lejn Delphi. L-awtur Franċiż jirrakkonta bi stil li jsaħħrek l-avventuri tiegħu matul il-vjaġġ, u b'mod partikolari jfaħħar l-kapaċità ta' mara anzjana li terġa' ddaħħal f'postha spalla żlugata ta' wieħed minn sħabu li kien qed jivvjaġġa miegħu, li kien waqa' minn fuq iż-żiemel. "F'Arachova l-bixra Griega ġiet ippreservata intatta. L-irġiel huma iktar atleti milli bdiewa, mibnija għall-ġiri u għal-lotta, partikolarment eleganti u rqaq taħt l-irkaptu tal-muntanji tagħhom". Isemmi l-antikitajiet ta' Delphi fil-qosor biss, iżda jirreferi għal ħajt poligonali twil 80 metru, "mimli kitbiet imnaqqxa ta' digrieti, konvenzjonijiet u manumissjonijiet".
Gradwalment tfaċċaw ukoll l-ewwel gwidi tal-ivvjaġġar. Il-kotba żgħar rivoluzzjonarji vvintati minn Karl Baedeker, akkumpanjati minn mapep utli biex wieħed iżur is-siti arkeoloġiċi bħal Delphi (1894) u jkollu l-informazzjoni, saru gwidi prattiċi u popolari. Il-lenti fotografika rrivoluzzjonat il-pajsaġġ u l-antikitajiet, b'mod partikolari mill-1893 'il quddiem, meta bdew l-iskavi sistematiċi tal-Iskola Arkeoloġika Franċiża. Madankollu, artisti bħal Vera Willoughby, baqgħu jiġu ispirati mill-pajsaġġ.
It-temi ta' Delphi ispiraw diversi artisti grafiċi. Apparti l-pajsaġġ, Pythia u Sibilla saru suġġetti tal-illustrazzjonijiet saħansitra fuq il-karti tax-xorti. Eżempju famuż huwa s-Sibilla ta' Delphi ta' Mikelanġlu (1509), l-inċiżjoni Ġermaniża tas-seklu 19, L-Oraklu ta' Apollo f'Delphi, kif ukoll it-tpinġija reċenti bil-linka fuq il-karta, L-Oraklu ta' Delphi (2013) ta' M. Lind. L-artisti moderni jiġu ispirati wkoll mit-temi ta' Delphi. Eżempji tax-xogħlijiet tagħhom jintwerew fil-Park tal-Iskulturi taċ-Ċentru Kulturali Ewropew ta' Delphi u f'wirjiet li jsiru fil-Mużew Arkeoloġiku ta' Delphi.
Delphi fil-letteratura iktar reċenti
Is-sit arkeoloġiku ta' Delphi ispira ħafna letteratura wkoll. Fl-1814, W. Haygarth, ħabib ta' Lord Byron, jirreferi għal Delphi fix-xogħol tiegħu Greċja, Poeżija. Fl-1888, Charles Marie René Leconte de Lisle ppubblika d-dramm liriku tiegħu L’Apollonide, akkumpanjat mill-mużika ta' Franz Servais. Awturi Franċiżi iktar reċenti użaw lil Delphi bħala sors ta' ispirazzjoni, fosthom Yves Bonnefoy (Delphes du second jour) jew Jean Sullivan (il-laqam ta' Joseph Lemarchand) f'L'Obsession de Delphes (1967), l-istess bħal Rob MacGregor f'Indiana Jonesu l-Periklu f'Delphi (1991).
Il-preżenza ta' Delphi fil-letteratura Griega hija waħda qawwija ħafna. Poeti bħal Kostis Palamas (L-Innu ta' Delphi, 1894), Kostas Karyotakis (Il-Festival ta' Delphi, 1927), Nikephoros Vrettakos (Ir-Ritorn minn Delphi, 1957), Yannis Ritsos (Delphi, 1961-1962) u Kiki Dimoula (Il-Gass tal-Omphalos u Art xierqa, 1988), huwa biss uħud mill-iktar rinomati. Angelos Sikelianos kiteb Id-Dedika (tad-Diskors ta' Delphi) (1927), l-Innu ta' Delphi (1927) u t-Traġedja tas-Sibilla (1940), filwaqt li fil-kuntest tal-idea ta' Delphi u l-festivals ta' Delphi huwa ppubblika saġġ bit-titlu ta' L-Unjoni ta' Delphi (1930). Ir-rebbieħ tal-Premju NobelGeorge Seferis kiteb saġġ bit-titlu ta' Delphi fil-ktieb jismu Dokimes.
L-importanza ta' Delphi għall-Griegi hija sinifikanti. Is-sit ġie rreġistrat fil-memorja kollettiva u twassal minn ġenerazzjoni għall-oħra permezz tat-tradizzjoni. Nikolaos Politis, l-etnografu Grieg famuż, fil-Parti A tal-istudji tiegħu dwar il-ħajja u l-lingwa tal-poplu Grieg joffri żewġ eżempji minn Delphi:
a) il-patri femminili qaddejja ta' Apollo (176)
Meta twieled Kristu, patri femminili qaddejja ta' Apollo kienet qed toffri sagrifiċċju taħt il-monasteru ta' Panayia, fit-triq lejn Livadeia, f'sit imsejjaħ Logari. F'daqqa waħda l-patri abbandunat is-sagrifiċċju u qalet lin-nies: "f'dan il-mument twieled iben Alla, li se jkollu poter kbir, bħal Apollo, iżda mbagħad Apollo se jirbaħlu". Lanqas laħaq temm kliemu li ma niżlitx sajjetta, ħarqitu, u qasmet il-blat fil-qrib fi tnejn. [p. 99].
b) il-Milords (108)
Il-Milords ma kinux Kristjani u qatt ħadd ma rahom jissallbu. Oriġinaw mill-abitanti pagani antiki ta' Delphi li kienu jżommu l-proprjetà tagħhom f'kastell imsejjaħ Adelphi, f'isem iż-żewġ prinċpjijiet aħwa li bnewh. Meta Kristu u ommu ġew fis-sit, u n-nies kollha ta' madwarhom ikkonvertew għall-Kristjaneżmu, huma ħasbu li kien ikun aħjar jekk jitilqu; b'hekk il-Milords telqu lejn il-Punent u ħadu l-affarijiet kollha tagħhom magħhom. Il-Milords minn żmien għal żmien imorru jqimu il-ġebel ta' Delphi. [p. 59].
Gallerija
It-teatru ta' Delphi.
Il-fdalijiet tat-teatru ta' Delphi.
Fdalijiet ta' Delphi.
Il-Faedriadi.
Iktar qari
Adornato, G (2008). "Delphic Enigmas? The Γέλας ἀνάσσων, Polyzalos, and the Charioteer Statue". American Journal of Archaeology. 112 (1): 29–55. doi:10.3764/aja.112.1.29. S2CID 157508659.
Davies, J. K. (1998). Finance, Administrations, and Realpolitik: The Case of Fourth-Century Delphi. In Modus Operandi: Essays in Honour of Geoffrey Rickman. Edited by M. Austin, J. Harries, and C. Smith, 1–14. London: Bulletin of the Institute of Classical Studies, Suppl. 71.
Davies, John. (2007). "The Origins of the Festivals, especially Delphi and the Pythia." In Pindar’s Poetry, Patrons, and Festivals: From Archaic Greece to the Roman Empire. Edited by Simon Hornblower and Catherine Morgan, 47–69. Oxford: Oxford Univ. Press.
Giangiulio, Maurizio (2015). "Collective Identities, imagined past, and Delphi". In Foxhall, Lin; Gehrke, Hans-Joachim; Luraghi, Nino (eds.). Intentional History : Spinning Time in Ancient Greece. Stuttgart: Franz Steiner Verlag. pp. 121–136. ISBN 978-3-515-11288-8.
Kindt, Julia. (2016). Revisiting Delphi: Religion and Storytelling in Ancient Greece. Cambridge Classical Studies. Cambridge; New York: Cambridge University Press.
Maurizio, Lisa (1997). "Delphic Oracles as Oral Performances: Authenticity and Historical Evidence". Classical Antiquity. 16 (2): 308–334. doi:10.2307/25011067. JSTOR 25011067.
McInerney, Jeremy (2011). "Delphi and Phokis: A Network Theory Approach". Pallas. 87 (87): 95–106. doi:10.4000/pallas.1948.
McInerney, Jeremy (1997). "Parnassus, Delphi, and the Thyiades". Greek, Roman and Byzantine Studies. 38 (3): 263–284.
Morgan, Catherine. (1990). Athletes and Oracles. The Transformation of Olympia and Delphi in the Eighth Century Q.K.. Cambridge, UK: Cambridge Univ. Press.
Partida, Elena C. (2002). The Treasuries at Delphi: An Architectural Study. Jonsered, Denmark: Paul Åströms.
Scott, Michael, Delphi: A History of the Center of the Ancient World (Princeton, NJ: Princeton University Press, 2014). ISBN 978-0-691-15081-9
Scott, Michael. (2010). Delphi and Olympia: The Spatial Politics of Panhellenism in the Archaic and Classical Periods. Cambridge and New York: Cambridge Univ. Press.
Temple, Robert K.G., "Fables, Riddles, and Mysteries of Delphi", Proceedings of 4th Philosophical Meeting on Contemporary Problems, No 4, 1999 (Athens, Greece) In Greek and English.
Weir, Robert G. (2004). Roman Delphi and its Pythian games. BAR Series 1306. Oxford: Hadrian.
Evidenza tas-seklu 5
Petrides, P., 2010, La céramique protobyzantine de Delphes. Une production et son contexte, École française d’Athènes, Fouilles de Delphes V, Monuments figurés 4, Paris – Athènes.
Petrides, P., Déroche, V., Badie, A., 2014,Delphes de l’Antiquité tardive. Secteur au Sud-est du Péribole, École française d’Athènes, Fouilles de Delphes II, Topographie et Architecture 15, Paris-Athènes.
Petrides, P., 1997, «Delphes dans l’Antiquité tardive : première approche topographique et céramologique», Q.K.H 121, pp. 681–695.
Petrides, P., 2003, «Αteliers de potiers protobyzantins à Delphes », in Χ. ΜΠΑΚΙΡΤΖΗΣ (ed.), 7ο Διεθνές Συνέδριο Μεσαιωνικής Κεραμικής της Μεσογείου, Θεσσαλονίκη 11-16 Οκτωβρίου 1999, Πρακτικά, Αθήνα, pp. 443–446.
Petrides, P., 2005, «Un exemple d’architecture civile en Grèce : les maisons protobyzantines de Delphes (IVe–VIIe s.)», Mélanges Jean-Pierre Sodini, Travaux et Mémoires 15, Paris, pp. 193–204.
Petrides, P., Demou, J., 2011, « La redécouverte de Delphes protobyzantine », Pallas 87, pp. 267–281.
Referenzi
^Wells, John C. (2000) [1990]. Longman Pronunciation Dictionary (new ed.). Harlow, England: Longman. p. 209. ISBN 978-0-582-36467-7.
^Konstaninou, Ioanna "Delphi: the Oracle and its Role in the Political and Social Life of the Anci.
^Miller, Stephen G. (2004). Ancient Greek Athletics. New Haven u Londra: Yale University Press. ISBN 9780300100839. p. 95.
^Kase, Edward W. (1970). A Study of the Role of Krisa in the Mycenaean Era (Master's Thesis). Loyola University. Docket 2467. pp. 1-2.
^Kase, Edward W. (1970). A Study of the Role of Krisa in the Mycenaean Era (Master's Thesis). Loyola University. Docket 2467. pp. 4-5.
^Kase, Edward W. (1970). A Study of the Role of Krisa in the Mycenaean Era (Master's Thesis). Loyola University. Docket 2467. p. 5.
^ ab"Delphi". web.archive.org. 2005-04-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2005-04-01. Miġbur 2023-03-10.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
^Petrides, P., 1997, «Delphes dans l’Antiquité tardive : première approche topographique et céramologique», BCH 121, 681-695.
^Petrides, P., 2003, «Αteliers de potiers protobyzantins à Delphes », in Χ. ΜΠΑΚΙΡΤΖΗΣ (ed.), 7ο Διεθνές Συνέδριο Μεσαιωνικής Κεραμικής της Μεσογείου, Θεσσαλονίκη 11-16 Οκτωβρίου 1999, Πρακτικά, Αθήνα, 443-446.
^Petrides, P., 2005, «Un exemple d’architecture civile en Grèce: les maisons protobyzantines de Delphes (IVe–VIIe s.)», Mélanges Jean-Pierre Sodini, Travaux et Mémoires 15, Paris, pp. 193-204.
^Bowra, C.M. (2000). Pindar. Oxford University Press. pp. 373-375.
^Harissis, H. (2019). "Pindar's Paean 8 and the birth of the myth of the first temples of Delphi". Acta Classica: Proceedings of the Classical Association of South Africa. 62 (1): 78–123.
^Bommelaer, J.-F. (1991). Guide de Delphes: Le site. Pariġi: Laroche, D. pp. 207–212.
^Bommelaer, J.-F. «Das Theater», in Maas, M. (ed), Delphi. Orakel am Nabel der Welt, Karlsruhe 1996, pp. 95-105.
^Mulliez, D., “Οι πυθικοί αγώνες. Οι μαρτυρίες των επιγραφών”, in Κολώνια, Ρ. (ed.), Αρχαία Θέατρα της Στερεάς Ελλάδας, Διάζωμα, Αθήνα 2013, 147-154.
^Χλέπα, Ε.-Α., Παπαντωνόπουλος, Κ., «Τεκμηρίωση και αποκατάσταση του αρχαίου θεάτρου Δελφών», in Κολώνια, Ρ. (ed.), Αρχαία Θέατρα της Στερεάς Ελλάδας, Διάζωμα, Αθήνα 2013, 173-198.
^Fearn, David (2007). Bacchylides: Politics, Performance, Poetic Tradition. Oxford University Press. ISBN 9780199215508. p. 182.
^Liritzis, I.; Castro, B. (2013). "Delphi and Cosmovision: Apollo's absence at the land of the hyperboreans and the time for consulting the oracle". Journal of Astronomical History and Heritage. 16 (2): 184.
^Castro, Belen; Liritzis, Ioannis; Nyquist, Anne (2015). "Oracular Functioning And Architecture of Five Ancient Apollo Temples Through Archaeoastronomy: Novel Approach And Interpretation". Interpretation Nexus Network Journal, Architecture & Mathematics. 18 (2): 373.
^Spiller, Henry A.; Hale, John R.; de Boer, Jelle Z. (2002). "The Delphic Oracle: A Multidisciplinary Defense of the Gaseous Vent Theory" (PDF). Clinical Toxicology. 40 (2): 189–196.
^Spiller, Henry; de Boer, Jella; Hale, John R.; Chanton, Jeffery (2008). "Gaseous emissions at the site of the Delphic Oracle: Assessing the ancient evidence". Clinical Toxicology. 46 (5): 487–488.
^Piccardi, Luigi (2000). "Active faulting at Delphi, Greece: Seismotectonic remarks and a hypothesis for the geologic environment of a myth". Geology. 28 (7): 651–654.
^Piccardi, Luigi; Monti, Cassandra; Vaselli, Orlando; Tassi, Franco; Gaki-Papanastassiou, Kalliopi; Papanastassiou, Dimitris (January 2008). "Scent of a myth: tectonics, geochemistry and geomythology at Delphi (Greece)". Journal of the Geological Society. 165 (1): 5–18.
^Harissis, Haralampos V. (2014). "A Bittersweet Story: The True Nature of the Laurel of the Oracle of Delphi". Perspect. Biol. Med. 57 (3): 351–360.
^Lampsas Giannis (1984) Dictionary of the Ancient World (Lexiko tou Archaiou Kosmou), Vol. I, Ateni, Domi Publications, pp. 761-762.
^Wood, Michael (2003). The road to Delphi : the life and afterlife of oracles (1st ed.). New York: Farrar, Straus u Giroux. ISBN 0-374-52610-9.
^ abGregory, Timothy E. (1991). "Delphi". In Kazhdan, Alexander (ed.). Oxford Dictionary of Byzantium. Londra; New York: Oxford University Press. p. 602. ISBN 978-0-19-504652-6.
^Scott, Michael (2014). Delphi: A History of the Center of the Ancient World (1st ed.). Princeton; Oxford: Princeton University Press. pp. 240–241. ISBN 978-0-691-15081-9.
^James Hall, A History of Ideas and Images in Italian Art, pp 70–71, 1983, John Murray, Londra, ISBN 0719539714.
^Rodhe, E (1925), Psyche: The Cult of Souls and the Belief in Immortality among the Greeks, trans. from the 8th edn. by W. B. Hillis (London: Routledge & Kegan Paul, 1925; reprinted by Routledge, 2000). p. 97.
^Stevens, Natalie L. C. (2009). "A New Reconstruction of the Etruscan Heaven". American Journal of Archaeology. 113 (2): 153–164.