Zamość (bil-Pollakk: [ˈzamɔɕtɕ]; bil-Yiddish: זאמאשטש, b’ittri Rumani: Zamoshtsh; bil-Latin: Zamoscia) hija belt storika fix-Xlokk tal-Polonja. Tinsab fin-Nofsinhar tar-reġjun ta’ Lublin (mill-1999), madwar 90 km minn Lublin u 247 km minn Varsavja. Fl-2014, il-popolazzjoni kienet ta’ 65,149 ruħ.
Iċ-ċentru storiku ta’ Zamość tniżżel fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1992, abbażi tad-deċiżjoni tas-16-il sessjoni ordinarja tal-Kumitat tal-Wirt Dinji, li saret bejn is-7 u l-14 ta’ Diċembru 1992 f’Santa Fe, New Mexico, l-Istati Uniti, u ġiet rikonoxxuta bħala eżempju uniku ta’ belt Rinaxximentali fl-Ewropa Ċentrali.[1]
Zamość tinsab madwar 20 kilometru mill-Park Nazzjonali ta’ Roztocze.
Storja
Zamość ġiet stabbilita fl-1580 mill-Kanċillier u l-kap tal-armata tal-Commonwealth Pollakka-Litwana, Jan Zamoyski, fuq ir-rotta kummerċjali li tikkollega l-Punent tal-Ewropa u t-Tramuntana tal-Ewropa mal-Baħar l-Iswed.[2] Immudellata fuq il-bliet kummerċjali Taljani, u mibnija matul l-aħħar perjodu Rinaxximentali mill-arkitett minn PadovaBernardo Morando, Zamość għadha eżempju mill-aqwa ta’ belt Rinaxximentali tal-aħħar tas-seklu 16. It-toroq għadhom skont il-pjanta oriġinali, l-istess bħall-fortifikazzjonijiet (il-Fortizza ta’ Zamość), u għadd kbir ta’ binjiet oriġinali li jikkombinaw flimkien it-tradizzjonijiet arkitettoniċi Venezjani ma’ dawk tal-Ewropa Ċentrali.
Fis-seklu 17, il-belt stagħnat matul l-iktar perjodu estensiv u veloċi ta’ żvilupp. Attirat mhux biss lill-Pollakki iżda wkoll lil nies ta’ nazzjonalitajiet oħra. Madankollu, il-belt iffaċċjat diversi invażjonijiet, inkluż assedju min-naħa tal-Kosakki mmexxija minn Bohdan Khmelnytsky, il-mexxej tar-rewwixta kontra l-Commonwealth Pollakka-Litwana (1648-1654; li rriżultat fil-ħolqien tal-istat tal-Kosokki), u assedju ieħor matul id-Dulluvju Żvediż fl-1656. L-armata Żvediża, bħall-Kosakki, ma rnexxielhiex taħkem il-belt. Zamość ġiet okkupata biss matul il-Gwerra l-Kbira tat-Tramuntana minn truppi Żvediżi u Sassoni.
Fl-Ewwel Diviżjoni tal-Polonja fl-1772, il-belt ġiet annessa mill-Monarkija Asburga, u ffurmat parti mir-Renju ta’ Galicia u ta’ Lodomeria li kien għadu kemm ġie stabbilit; ir-renju sar parti ewlenija tal-Imperu Awstrijaku malli ġie stabbilit fl-1804. Fl-1809, il-belt ġiet inkorporata fid-Dukat Napuljoniku tal-Varsavja. Fl-1815, wara l-waqgħa ta’ Napuljun, il-Kungress ta’ Vjenna wassal biex Zamość issir parti mir-Renju tal-Polonja, imsejjaħ ukoll il-Polonja tal-Kungress, li kien ikkontrollat mill-Imperu Russu. Il-belt kellha rwol konsiderevoli x’taqdi matul ir-Rewwixta ta’ Novembru fl-1830-1831 u arrendiet bħala l-aħħar punt ta’ reżistenza Pollakka. Il-fortizza twaqqgħet fl-1866, biex biex titwitta t-triq għat-tkabbir rapidu tal-belt lil hinn mil-limiti oriġinali tal-fortizza.
Tieni Gwerra Dinjija
F’Settembru 1939, wara li faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, ajruplani Ġermaniżi tat-tip Luftwaffe bbumbardjaw lil Zamość diversi drabi. Iktar minn 250 persuna nqatlu, l-iktar ċivili. Il-belt inħakmet mill-Ġermaniżi matul l-invażjoni tal-Polonja u l-gwarniġjon lokali, magħmul mir-riġment tal-fanterija Pollakka tal-podpułkownikStanisław Gumowski, tilef. Fis-27 ta’ Settembru 1939, il-Ġermanja Nażista ffirmat trattat dwar il-fruntieri mal-Unjoni Sovjetika li kienet invadiet il-Polonja mil-Lvant, u konsegwentement, fit-28 ta’ Settembru 1939, Zamość ġiet ċeduta lill-Armata Ħamra – għal xi ġimgħa. Is-Sovjetiċi rtiraw fil-5 ta’ Ottubru 1939 flimkien ma’ xi 5,000 Lhud wara aġġustament ulterjuri tal-linja ta’ demarkazzjoni. Il-Ġermaniżi reġgħu lura fil-belt fit-8 ta’ Ottubru 1939[3], u ftit wara bdew l-arresti tal-massa ta’ ċittadini prominenti. Dan kien parti mill-Azzjoni A-B sigrieta, l-isterminazzjoni deliberata tal-intellettwali Pollakki. Il-Ġermaniżi Nażisti ħolqu sit ta’ ġustizzjar fil-kamp tal-Gestapo tar-Rotunda ta’ Zamość (bil-Ġermaniż: Gefangenen-Durchgangslager Sicherheitspol, jiġifieri “il-kamp ta’ tranżitu għall-priġunieri tal-Pulizija tas-Sigurtà”). Iktar minn 8,000 ruħ ġew massakrati hemmhekk, fosthom ir-residenti tar-reġjun li kienu spustati internament. F’Zamość, il-Ġermaniżi Nażisti ħolqu wkoll “Kamp ta’ Tranżitu” fi Triq Okrzei[4], għall-abitanti arrestati u spustati tar-reġjun ta’ Zamość (fosthom eluf ta’ tfal) u kampijiet tal-priġunieri tal-gwerra Sovjetiċi li nqabdu matul l-Operazzjoni Barbarossa.
Fl-1942, il-Kontea ta’ Zamość, minħabba l-ħamrija sewda għammiela tagħha, intgħażlet għal kolonizzazzjoni Ġermaniżi ulterjuri fil-Gvern Ġenerali bħala parti mill-Generalplan Ost, bl-isem ġdid ta’ Himmlerstadt, wara Heinrich Himmler.[5] Iktar ’il quddiem l-isem ġie mibdul għal Pflugstadt (il-Belt tal-Ħart), b’referenza għall-“ħart” kollokjali Ġermaniż fis-sens li riedu “jaħartu l-Lvant”. L-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ ismijiet ma nżamm.[6]
Il-popolazzjoni lokali rreżistiet kontra l-okkupazzjoni Ġermaniża b’determinazzjoni kbira; huma ħarbu fil-foresti, organizzaw l-awtodifiża, għenu lil dawk li ġew espulsi, u salvaw lit-tfal maħtufa minn taħt idejn il-Ġermaniżi permezz ta’ tixħim.[7] In-Nażisti sabuha diffiċili li jsibu bosta familji adattati għal insedjament fiż-żona, u dawk li insedjaw iż-żona sikwit ħarbu minħabba l-biża’, peress li l-eks residenti Pollakki kienu jaħirqulhom id-djar tagħhom jew kienu joqtlu lill-abitanti ta’ ġo fihom.[8]
Fl-1942-1943, il-Ġermaniżi Nażisti wettqu tindif etniku ta’ għexieren ta’ eluf ta’ abitanti tar-reġjun, sabiex jagħmlu spazju għall-insedjaturi Ġermaniżi biex iż-żona tiġi Ġermanizzata. Il-biċċa l-kbira tal-eks abitanti ġew deportati lejn kampijiet ta’ xogħol sfurzat fil-Ġermanja, lejn kampijiet ta’ konċentrament Nażisti jew lejn kampijiet ta’ sterminazzjoni bħal Auschwitz, Majdanek u Bełżec.
Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, Zamość bdiet għaddejja minn perjodu ta’ żvilupp. Fis-snin 70 u 80 tas-seklu 20, il-popolazzjoni kibret b’mod rapidu (minn 39,100 ruħ fl-1975 għal 68,800 ruħ fl-2003), peress li l-belt bdiet tiggwadanja profitti sinifikanti mir-rotot kummerċjali l-antiki li kienu jikkollegaw il-Ġermanja mal-Ukrajna u mill-portijiet tal-Baħar l-Iswed. Bejn l-1975 u l-1998, Zamość kienet il-kapitali tar-reġjun ta’ Zamość.
Komunità Lhudija
Zamość kienet ċentru importanti tal-Ġudaiżmu Ċażidiku. Il-Qaħal ta’ Zamość ġie stabbilit fl-1588 meta Jan Zamoyski qabel li jkun hemm insedjament Lhudi fil-belt. L-ewwel insedjaturi Lhud kienu l-iktar Lhud Sefardiċi mill-Italja, minn Spanja, mill-Portugall u mit-Turkija. Fis-seklu 17, il-Lhud Axkenażi insedjaw il-belt ukoll u ma damux ma saru l-maġġoranza tal-popolazzjoni Lhudija. Id-drittijiet ta’ insedjament mogħtija minn Jan Zamoyski reġgħu ġew kkonfermati fl-1684 minn Marcin Zamoyski, ir-raba’ Ordnat tat-territorju ta’ Zamość.
Għall-ħabta tal-aħħar tas-seklu 18 u l-bidu tas-seklu 19, l-abitanti Lhud ġew influwenzati mill-Illuminiżmu Lhudi, jew Ħaskalaħ. Fl-aħħar tas-seklu 19 infirex il-Ġudaiżmu Ħasidiku. F’Zamość hemm sinagoga tal-Lhud, żewġ tempji, binja bil-banjijiet għaċ-ċerimonji, sptar u biċċerija. L-aqwa fdal ippreservat tal-komunità Lhudija hija s-Sinagoga Rinaxximentali rrestawrata ta’ Zamość. Il-belt ta’ Zamość ospitat ħafna Lhud prominenti, fosthom il-poeta Solomon Ettinger (1799-1855) u l-kittiebIsaac Leib Peretz. Fl-1827, 2,874 Lhud kienu jgħixu fil-belt u dan in-numru żdied għal 7,034 Lhud.[9] Il-popolazzjoni baqgħet tiżdied, tant li fl-1921 il-popolazzjoni Lhudija laħqet id-9,383 ruħ (49.3 % tal-popolazzjoni totali), inkluż is-sidien sinifikanti tal-artijiet fi ħdan il-belt.
Qabel faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, iktar minn 12,500 Lhud kienu jgħixu f’Zamość; 43 % tal-popolazzjoni.[10] Ftit wara li l-Unjoni Sovjetika ċediet il-belt lill-Ġermaniżi fit-8 ta’ Ottubru 1939, in-Nażisti stabbilew il-Judenrat, sabiex permezz tiegħu jikkontrollaw il-Lhud, u f’Diċembru 1939 ħolqu getto miftuħ fil-kwartier ta’ Nowa Osada.
Il-Lhud iddeportati mill-Warthegau ġew ittrasportati lejn Zamość u f’April 1941 il-getto tressaq lejn il-Belt il-Ġdida fejn 7,000 Lhud ġew ordnati jirrilokaw hemmhekk. Il-getto ma kienx ikkonfinat u ħafna Lhud ħarbu lejn l-Unjoni Sovjetika. Tneħħa qabel tmiem Novembru 1942; id-deportazzjonijiet kienu bdew f’April; xi 3,000 Lhud intbagħtu lejn il-kamp ta’ sterminazzjoni ta’ Bełżec f’ferrovija tal-Olokawst magħmul minn 30 vagun tal-bhejjem. F’Ottubru, in-Nażisti sparaw u qatlu 500 Lhud fit-toroq u ddeportaw 4,000 priġuniera Lhud permezz tal-punt ta’ trasferiment mill-Getto ta’ Izbica lejn Bełżec biex jiġu ggassjati. Dawn ġew ittrasportati mingħajr ikel jew ilma. Għalkemm id-distanza kienet relattivament qasira, it-trasport kien jieħu bosta jiem, u ħafna minnhom mietu matul il-vjaġġ.[10]
Sit ta’ Wirt Dinji
Iċ-ċentru storiku ta’ Zamość ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1992.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi tal-kriterju (iv) tal-għażla tal-UNESCO: “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”, ladarba Zamość hija eżempju ta’ belt Rinaxximentali ppjanata tal-aħħar tas-seklu 16, b’kombinament tat-tradizzjonijiet Taljani u tal-Ewropa Ċentrali.[1]
Ġeografija
Klima
Il-klima hija sħuna bi sjuf kontinentali umdi (Köppen: Dfb), tipika tal-Lvant tal-Polonja.[11]
Tauba Biterman (1918-2019), baqgħet ħajja wara l-Olokawst u ddedikat il-ħajja tagħha ta’ adulta għat-tagħlim u għall-kondiviżjoni tal-memorji tal-Olokawst
Joseph Epstein (1911-1944), attivist Komunista Lhudi mwieled il-Polonja u mexxej tar-Reżistenza Franċiża matul it-Tieni Gwerra Dinjija
Solomon Ettinger (1802-1856), kittieb tar-reċti, tal-kanzunetti u tal-ħrejjef bil-Yiddish u bl-Ebrajk
Marek Grechuta (1945-2006), kantant, kittieb tal-kanzunetti u tal-lirika u kompożitur Pollakk
Anna Jakubczak (twieldet fl-1973), atleta Pollakka tal-ġiri fuq distanza medja
Irene Lieblich (1923-2008), artista mwielda l-Polonja u baqgħet ħajja wara l-Olokawst; magħrufa għall-illustrazzjoni tal-kotba tar-rebbieħ tal-Premju Nobel Isaac Bashevis Singer u għall-pitturi tagħha fejn enfasizzat il-ħajja u l-kultura tal-Lhud
Rosa Luxemburg (1871-1919), teorista Marxista, filosfu, ekonomista u attivista ta’ dixxendenza Lhudija Pollakka li saret ċittadini Ġermaniża naturalizzata
Adam Niklewicz (twieled fl-1957), skultur u illustratur Amerikan
Aleksander Zederbaum (1816-1893), ġurnalist, fundatur, u editur Pollakk-Russu ta’ Ha-Meliẓ u perjodiċi oħra ppubblikati bir-Russu u bil-Yiddish
Nies notevoli kollegati ma’ Zamość
Szymon Szymonowic (1558-1629), umanista Pollakk, poeta assoċjat mal-Kap tal-Armata u l-Kanċillier Irjali Jan Zamoyski, li miegħu fl-1593-1605 organizza l-Akkademja ta6 Zamojski
Bernardo Morando (għall-ħabta tal-1540-1600), arkitett Taljan tal-belt il-ġdida ta’ Zamość, sindku ta’ Zamość
Stanisław Staszic (1755-1826), qassis, filosfu, statista, ġeologu, studjuż, poeta u kittieb Pollakk, mexxej tal-Illuminiżmu Pollakk. Huwa kien jieħu ħsieb it-tagħlim tat-tfal ta’ Andrzej Zamoyski, l-għaxar Ordnat tal-proprjetajiet ta’ Zamość[14]
Bolesław Leśmian (1877-1937), poeta, artist u membru Pollakk tal-Akkademja Pollakka tal-Letteratura, wieħed mill-iktar poeti influwenti tal-bidu tas-seklu 20 fil-Polonja. Huwa għex u ħadem bħala avukat (nutar) f’Zamość
Jacob ben Wolf Kranz (1741-1804), rabbi magħruf għal-lezzjonijiet tiegħu bbażati fuq it-tradizzjoni tal-Lhud
Walerian Łukasiński (1786-1868), uffiċjali u attivist politiku Pollakk, ingħata sentenza mill-awtoritajiet Imperjali Russi għal 14-il sena ħabs, qatt ma nħeles u miet wara 46 sena. Huwa qatta’ seba’ snin fil-ħabs tal-Kżar f’Zamość
Letteratura
Fritz Stuber, "Notes on the Revalorization of Historic Towns in Poland", in Ekistics (Athens), Vol. 49, No. 295, 1982, pp. 336–341, 3 ill.
Relazzjonijiet internazzjonali
Ġemellaġġ u Ftehimiet ta’ Ħbiberija
Zamość għandha ftehimiet ta’ ħbiberija ma’ Cassino, l-Italja, u ma’ Sumy, l-Ukrajna, u hija ġemellata ma’:[15]