Vittorio De Sica (/də ˈsiːkə/ də SEE-kə, bit-Taljan: [vitˈtɔːrjo de ˈsiːka]; twieled fis-7 ta’ 1901 – miet fit-13 ta’ Novembru 1974) kien reġista u attur Taljan, u wieħed minn ta’ quddiem fil-moviment Neorealista.
Erbgħa mill-films li hu kien reġista tagħhom rebħu Academy Awards: Sciuscià u Ladri di Biciclette (premju onorarju), filwaqt li Ieri, Oggi e Domani u Il giardino dei Finzi Contini rebħu l-Academy Award għall-Aqwa Film b’Lingwa Barranija. Tabilħaqq, is-suċċess kritiku kbira ta’ Sciuscià (l-ewwel film b’lingwa barranija li ġie rikonoxxut bħala tali mill-Akkademja tal-Films, l-Arti u x-Xjenzi) u Ladri di Biciclette għenu biex jiġi stabbilit il-premju permanenti tal-Aqwa Film b’Lingwa Barranija. Dawn iż-żewġ films jitqiesu li huma parti mill-films kolossali taċ-ċinema klassika. Ladri di Biciclette ġie kkwotat minn Turner Classic Movies bħala wieħed mill-15-il film li kienu l-iktar influwenti fl-istorja taċ-ċinema.
Fl-1957 De Sica ġie nnominat ukoll għall-Oscar għall-Aqwa Attur ta’ Sostenn tar-rwol tiegħu bħala l-Maġġur Rinaldi fl-adattament tar-reġista AmerikanCharles Vidor ta’ A Farewell to Arms ta’ Ernest Hemingway, film li bosta kritiċi maqdruh u li ma mar tajjeb xejn bħala bejgħ ta’ biljetti taċ-ċinema. Ir-reċtar ta’ De Sica ġie meqjus bħala l-aqwa aspett tal-film.[1]
Ħajja u karriera
Huwa twieled fis-7 ta’ Lulju 1901 f’Sora, Lazio, iben ġenituri Naplitani.[2] Missieru kien uffiċjal tal-Bank tal-Italja u ġie ttrasferit minn Napli għal Sora. De Sica beda l-karriera tiegħu bħala attur fit-teatru fil-bidu tas-snin 20 tas-seklu 20 u ngħaqad mal-kumpanija teatrali ta’ Tatiana Pavlova fl-1923. Fl-1933 huwa waqqaf il-kumpanija tiegħu stess flimkien ma’ martu Giuditta Rissone u Sergio Tofano. Il-kumpanija tellgħet l-iktar kummiedji, iżda tellgħet ukoll reċti ta’ Beaumarchais u ħadmet ma’ reġisti famużi bħal Luchino Visconti.[3]
Avveniment importanti ħafna kien meta De Sica ltaqa’ mal-kittieb tax-xenaġġjaturi Cesare Zavattini: flimkien ħolqu wħud mill-iktar films famużi tal-era Neorealista, fosthom Sciuscià u Ladri di Biciclette (rilaxxat bħala The Bicycle Thief fl-Amerka), li De Sica kien ir-reġista tagħhom.[4]
De Sica deher fis-sensiela televiżiva Brittanika The Four Just Men (1959).[5]
Ħajja personali
In-namra li kellu għal-logħob tal-azzard kienet magħrufa sew. Minħabba fiha, spiss tilef ammonti kbar ta’ flus u aċċetta xogħol li kieku ma kienx jinteressah. Hu qatt ma ħeba din in-namra; fil-fatt, ipprojettaha fuq il-karattri tal-films tiegħu stess, fosthom Count Max (li rreċta fih iżda ma kienx ir-reġista) u L'oro di Napoli, kif ukoll f’Generale Della Rovere, film ta’ Rossellini li fih De Sica kellu rwol ta’ protagonista.[6]
Fl-1937 Vittorio De Sica żżewweġ lill-attriċi Giuditta Rissone, u magħha kellu lit-tifla Emilia (Emi). Fl-1942, waqt li kien qed jinġibed Un garibaldino al convento, huwa ltaqa’ mal-attriċi Spanjola María Mercader (il-kuġina ta’ Ramon Mercader, il-qattiel ta’ Leon Trotsky), u kellu relazzjoni extrakonjugali magħha. Wara li ddivorzja minn ma’ Rissone fi Franza fl-1954, huwa żżewweġ lil Mercader fl-1959 fil-Messiku, iżda dan iż-żwieġ ma kienx ikkunsidrat bħala validu skont il-liġi Taljana. Fl-1968 huwa kiseb iċ-ċittadinanza Franċiża u żżewweġ lil Mercader f’Pariġi. Sadanittant, diġà kien kellhom żewġ subien: Manuel, fl-1949, mużiċista, u Christian, fl-1951, li kompla fil-passi ta’ missieru bħala attur u reġista.[7]
Huwa kien Kattoliku Ruman[8] u Komunista.[9][10] Għalkemm iddivorzja, De Sica qatt ma tbiegħed mill-ewwel familja tiegħu. Huwa għex ħajja tal-familja doppja, b’ċelebrazzjonijiet doppji fil-btajjel. Jingħad li fil-Milied u Lejliet l-Ewwel tas-Sena, kien ireġġa’ lura l-arloġġ b’sagħtejn fid-dar ta’ Mercader sabiex ilaħħaq jiċċelebra f’nofsillejl maż-żewġ familji. L-ewwel mara tiegħu qablet li jkomplu jgħixu żwieġ taparsi sabiex bintha ma tibqax bla missier.
Vittorio De Sica miet meta kellu 73 sena wara operazzjoni minħabba kanċer fil-pulmun fl-isptar ta’ Neuilly-sur-Seine f’Pariġi.[11]
Premjijiet u nominazzjonijiet
Vittorio De Sica ngħata l-Interfilm Grand Prix fl-1971 fil-Festival Internazzjonali tal-Films f’Berlin.
Miracolo a Milano
Rebbieħ tal-Palma tad-Deheb fil-Festival tal-Films ta’ Cannes
Umberto D.
Selezzjoni Uffiċjali fil-Festival tal-Films ta’ Cannes
Stazione Termini
Selezzjoni Uffiċjali fil-Festival tal-Films ta’ Cannes
L'oro di Napoli
Selezzjoni Uffiċjali fil-Festival tal-Films ta’ Cannes
Il Tetto
Rebbieħ tal-Premju OCIC fil-Festival tal-Films ta’ Cannes
Anna di Brooklyn
Selezzjoni Uffiċjali fil-Festival Internazzjonali tal-Films f’Berlin
La Ciociara
Selezzjoni Uffiċjali fil-Festival tal-Films ta’ Cannes
Matrimonio all'italiana
Selezzjoni Uffiċjali fil-Festival Internazzjonali tal-Films f’Moska[12]
Il Giardino dei Finzi-Contini
Rebbieħ tal-Ors tad-Deheb fil-Festival Internazzjonali tal-Films f’Berlin
Rebbieħ tal-PremjuInterfilm – Premju tal-Films Otto Dibelius fil-Festival Internazzjonali tal-Films f’Berlin
Nastro d'Argento fl-1946 bħala l-Aqwa Reġista f’Sciuscià
Academy Award Onorarju fl-1947 għall-produzzjoni Taljana f’Sciuscià
Academy Award fl-1949: Premju Speċjali għall-Films b’Lingwa Barranija għal Ladri di Biciclette
BAFTA (Academy Award Brittaniku) fl-1950 għall-Aqwa Film għal Ladri di Biciclette
Academy Award fl-1965 għall-Aqwa Film b’Lingwa Barranija għal Ieri, oggi, domani
Academy Award fl-1972 għall-Aqwa Film b’Lingwa Barranija għal Il giardino dei Finzi-Contini
L'eroe (1976, film għat-TV ta’ Manuel De Sica) (rwol finali fil-film)
Nota: f’ħafna sorsi, Fontana di Trevi ta’ Carlo Campogalliani (1960) u La bonne soupe ta’ Robert Thomas (1964) huma inklużi iżda De Sica ma jidhirx f’dawk il-films.
Attur fit-televiżjoni
The Four Just Men, ta’ Sapphire Films (1959) (10 minn 39 episodju)
^Cardullo, Bert (2002). Vittorio De Sica: Director, Actor, Screenwriter. Jefferson, North Carolina: McFarland & Company. p. 29. ISBN 0-7864-1135-X.
^Cardullo, Bert (2002). Vittorio De Sica: Director, Actor, Screenwriter. Jefferson, North Carolina: McFarland & Company. pp. 128, 164. ISBN 0-7864-1135-X.
^Curle, Howard; Snyder, Stephen (2000). Vittorio De Sica: Contemporary Perspectives. Toronto: University of Toronto Press. p. 12. ISBN 0-8020-0654-X.
^Bondanella, Peter (1993). The Films of Roberto Rossellini. Cambridge: Cambridge University Press. p. 119. ISBN 0-521-39236-5.
^Cardullo, Bert (2002). Vittorio De Sica: Director, Actor, Screenwriter. Jefferson, North Carolina: McFarland & Company. p. 3. ISBN 0-7864-1135-X.