Visby (pronunzjata bl-Iżvediż: [ˈvǐːsbʏ]) hija żona urbana fl-Iżvezja u s-sede tal-Muniċipalità ta' Gotland fil-Kontea ta' Gotland fil-gżira ta' Gotland, b'24,330 abitant skont iċ-ċensiment tal-2017. Visby hija wkoll is-sede episkopali għad-Djoċesi ta' Visby. Il-belt Anseatika ta' Visby x'aktarx li hija l-iżjed belt Medjevali ppreservata tajjeb fl-Iskandinavja, u mill-1995 iddaħħlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1][2] Fost l-iżjed fdalijiet storiċi notevoli hemm is-sur twil 3.4 kilometri tal-belt madwar iċ-ċentru storiku, u għadd ta' fdalijiet ta' knejjes. Id-deklin bħala belt Anseatika fl-aħħar tal-Medjuevu kienet il-kawża għaliex ħafna djar tal-ġebel ġew ippreservati bl-istil Medjevali oriġinali tagħhom.
Visby hija destinazzjoni popolari għall-vaganzi fost l-Iskandinavi matul is-sajf u tilqa' eluf ta' turisti kull sena. Bla dubju hija l-iżjed lokalità Żvediża popolata 'l barra mill-art kontinentali tal-Iżvezja. L-Università ta' Gotland tinsab f'Visby, u mill-1 ta' Lulju 2013, hija dipartiment tal-Università ta' Uppsala bl-isem ta' Uppsala University–Campus Gotland. Visby hija wkoll l-unika sede ta' kontea fl-Iżvezja li hija aċċessibbli mill-art kontinentali bil-baħar u bl-ajru biss.
Etimoloġija
L-isem "Visby" ġej min-Normann Antik Vis, is-singular ġenitiv ta' Vi, jiġifieri post pagan tas-sagrifiċċji", u by, jiġifieri "villaġġ". Fil-Gutasagan (nofs is-seklu 14), issir referenza għall-post bħala Wi biss, jiġifieri "post sagru, post ta' qima".[3]
Visby xi kultant tissejjaħ "il-belt tal-ward" jew "il-belt tal-fdalijiet".[4][5]
Storja
L-istorja bikrija ta' Visby mhijiex ċara, iżda huwa magħruf li l-belt kienet ċentru tal-merkanzija għall-ħabta tad-900 W.K. Visby kienet abitata saħansitra fi Żmien il-Ħaġar, x'aktarx minħabba l-aċċess għall-ilma ħelu u l-port naturali.[6]
Fis-seklu 12 inbena l-Katidral ta' Visby iddedikat lil Santa Marija. Ġie msawwar mill-ġdid fis-seklu 13 għad-dehra li għandu llum il-ġurnata, u nfetaħ uffiċjalment fl-1225, mill-isqof tal-belt Żvediża ta' Linköping. Diversi knejjes oħra nbnew ukoll tul is-sekli ta' wara. Il-belt iffjorixxiet bis-saħħa tal-Lega AnseatikaĠermaniża.[7]
Ix-xogħol fuq is-swar mad-dawra tal-belt x'aktarx li nbeda fis-seklu 12. Għall-ħabta tal-1300, ġie rikostruwit u laħħaq l-għoli attwali tiegħu, u kiseb it-torrijiet karatteristiċi tiegħu, għalkemm uħud mit-torrijiet ma nbnewx qabel is-seklu 15. Is-swar mad-dawra tal-belt għadu kważi intatt.
Fl-ewwel nofs tas-seklu 14 (1300-1350) Visby laħqet il-qofol tal-ġid u tal-influwenza tagħha, u matul dan iż-żmien x'aktarx li ġew ippromulgati l-Liġijiet ta' Wisbuy, li kienu sett ta' liġijiet marittimi li kellhom influwenza mifruxa fil-Baltiku u lil hinn.[8]
Fl-1361, Gotland inħakmet minn Valdemar IV tad-Danimarka. 1,800 ċittadin ta' Gotland inqatlu fil-battalja quddiem il-belt. Valdemar ġarraf parti mis-swar, qiegħed tliet btieti enormi tal-birra u hedded li kien se jordna lin-nies tiegħu jisirqu u jagħmlu ħerba mill-belt sakemm ma kinux jiġu mimlija bil-fidda u bid-deheb. Il-missirijiet tal-belt ta' Visby issodisfaw it-talba tiegħu bl-oġġetti ta' valur tal-knejjes. Valdemar żied "Re ta' Gotland" mal-lista ta' titli tiegħu.[9] Il-mod kif ittratta lil Visby, membru tal-Lega Anseatika, wassal biex il-Lega tidħol fi gwerra mad-Danimarka; madankollu, għalkemm Valdemar ġie mġiegħel jagħti diversi konċessjonijiet, żamm lil Visby bħala belt Daniża.[10]
Fl-1391, fl-1394 u fl-1398, il-belt ittieħdet u nsterqet mill-Aħwa Vitalier, li kienu pirati li kienu jbaħħru fil-Baħar Baltiku. Armata invażiva tal-Kavallieri Tewtoniċi ħakmet lil Gotland fl-1398, qerdet lil Visby u keċċiet lill-aħwa. Fl-1409, il-Gran Mastru Ulrich von Jungingen tal-Kavallieri Tewtoniċi ggarantixxa l-paċi mal-Unjoni ta' Kalmar tal-Iskandinavja billi bigħ il-gżira ta' Gotland lir-Reġina Margaret tad-Danimarka, tan-Norveġja u tal-Iżvezja.[10]
Fl-1411, ir-Re Norveġiż, Daniż u Żvediż Eric tal-Pomeranja ordna li jinbena l-Kastell ta' Visborg, u għex fih għal tnax-il sena. Matul dan iż-żmien il-belt prattikament inħakmet mill-pirati u l-kummerċ waqaf ħesrem. Mill-1470, il-Lega Anseatika neħħiet l-istatus ta' belt Anseatika lil Visby.[10]
Fl-1525, waslet l-aħħar daqqa ta' ħarta. Fit-taqbida tat-tron Daniż, Lübeck, Belt Ħielsa tal-Imperu Ruman Sagru u membru ewlieni tal-Lega Anseatika, appoġġat lil Federiku I, filwaqt li Søren Norby, il-gvernatur Daniż ta' Gotland iġġieled għal Christian II, anke wara r-riżenja uffiċjali ta' Christian fl-1523. Sakemm Norby issielet kontra azzjoni militari fl-Iżvezja, iċ-ċittadini ta' Lübeck irnexxielhom jattakkaw lil Visby u tawha n-nar minn erba' bnadi. Iżda kuntrarjament għal li jingħad spiss, diversi knejjes xorta waħda baqgħu jeżistu għall-ewwel. Il-knejjes ta' San Ġakbu (li diġà kienet ingħalqet qabel), San Nikola u Santa Gertruda nsterqu mill-armata ta' Lübeck. Bir-riformazzjoni, il-knejjes kollha għajr dik ta' San Ġwann, li saret il-knisja parrokkjali, ingħalqu. Fl-1528, iċ-ċittadini ta' Visby serqu l-Knisja tat-Trinità Mqaddsa jew il-Knisja ta' Kristu Sidna (bl-Iżvediż: Drottens kyrka) bħala tpattija għas-serq li ġarrbet il-belt tagħhom. Fl-1533-1534, il-gvernatur Daniż il-ġdid, Henrik Nielsen Rosenkrantz, ġarraf il-knejjes ta' San Ġwann u ta' San Pietru biex itejjeb id-difiża tal-kastell tiegħu magħruf bħala Visborgs slott. Il-Katidral ta' Santa Marija baqa' l-aħħar knisja funzjonali u sar il-knisja parrokkjali l-ġdida.[10][11][12]
Mill-ġdid Gotland ittieħdet mill-Iżvezja fl-1645, permezz tat-Trattat ta' Brömsebro, wara 300 sena ta' tmexxija Daniża. Il-belt żviluppat bil-mod u kważi kollox tħalla kif kien.[13] F'nofs is-seklu 18, wara li l-pesta naqqset il-popolazzjoni ta' Visby, saru xi tentattivi minn uffiċjali tal-gvern Żvediż biex jittejbu l-istandards tal-għajxien, iżda ma tantx inkiseb wisq. Ma kienx qabel il-bidu tas-seklu 19 li Visby mill-ġdid reġgħet bdiet tattira l-kummerċ u l-industrija portwali. Fl-istess żmien – fl-1808 – Gotland inħakmet mir-Russja, iżda reġgħet ittieħdet lura paċifikament mill-Iżvediżi wara ftit xhur biss.[10]
Sit ta' Wirt Dinji
Il-Belt Anseatika ta' Visby ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[2]
Ġeografija
Visby huwa isem il-lokalità jew il-belt, kif ukoll l-isem taż-żona usa' madwarha, Visby socken. Fl-1936, is-socken ġiet inkorporata fi ħdan il-belt ta' Visby li kienet għadha kemm ġiet iffurmata; l-unika lokalità bi status ta' belt storika f'Gotland. Visby socken tinkludi l-istess żona bħad-Distrett amministrattiv ta' Visby, stabbilit fl-1 ta' Jannar 2016. Mill-2019, il-Katidral ta' Visby, il-Knisja ta' Visborg u l-Knisja ta' Terra Nova f'Visby saru parti mill-parroċċa tal-Katidral ta' Visby (Visby Domkyrkoförsamling).[14] Visby hija wkoll l-unika sede tal-muniċipalità tal-Iżvezja li hija aċċessibbli mill-art kontinentali bil-baħar u bit-traffiku tal-ajru biss.
Visby tinsab fil-kosta ċentrali tal-Punent ta' Gotland, max-xaqlibiet pjuttost weqfin tal-irdumijiet tal-ġebla tal-ġir madwar l-ewwel port naturali. Il-belt evolviet madwar il-port Medjevali li issa jikkostitwixxi l-park ta' Almedalen. Hemm toroq twal li huma paralleli mal-linja antika tal-kosta b'toroq iqsar f'angolu ta' 90 grad magħhom, li jwasslu mill-port, fuq ix-xaqliba, sal-parti iktar għolja tal-Lvant tal-belt magħrufa bħala Klinten.[15]
Il-parti antika oriġinali ta' Visby hija mdawra kważi għalkollox bis-swar tal-belt lejn it-Tramuntana, il-Lvant u n-Nofsinhar, bil-port antik u l-Baħar Baltiku fil-Punent. Il-partijiet iktar moderni tal-belt jinsabu l-iktar lejn il-Lvant u iktar 'il ġewwa mis-swar. Tul il-kosta fin-Nofsinhar tas-swar hemm il-port modern bit-terminals tal-laneċ u tal-bastimenti, u iktar lejn in-Nofsinhar hemm żona rikreattiva ħadra msejha Södra Hällarna. Eżatt fil-parti tat-Tramuntana tas-swar kif ukoll tul il-kosta tat-Tramuntana 'l barra mis-swar, hemm diversi bajjiet: Kallbadhuset, Norderstrand, Snäckgärdsbaden (jew sempliċement Snäck) u Gustavsvik.
Visby u Tallinn huma l-unika żewġ bliet tat-Tramuntana tal-Ewropa fejn baqgħet ippreservata għalkollox sa żminijietna l-pjanta Medjevali tal-belt qisha grilja.
Waħda mill-asterojdi fis-smewwiet, is-6102 Visby, ingħatat isem il-belt.[16]
Klima
Skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen, Visby għandha klima oċeanika (Cfb). B'hekk is-sjuf ikunu iktar friski u x-xtiewi inqas qalila mill-biċċa l-kbira tal-art kontinentali tal-Iżvezja. Madankollu, minkejja l-pożizzjoni marittima tagħha, il-klima tal-belt hija influwenzata ferm mill-flussi tal-arja kontinentali. L-ammonti ta' preċipitazzjoni huma pjuttost moderati, speċjalment għal klima oċeanika, u relattivament konsistenti matul is-sena kollha. Visby hija waħda mill-iżjed bliet xemxin fl-Iżvezja u fil-pajjiżi Nordiċi, speċjalment matul is-sajf.
Data klimatika dwar l-Ajruport ta' Visby tal-1991-2020; temp. normali u estremi ta' kull xahar
Visby hija kkollegata mal-art kontinentali tal-Iżvezja permezz tal-laneċ u l-ajruplani. Il-laneċ jaslu kemm minn Oskarshamn f'Småland kif ukoll minn Nynäshamn, qrib Stokkolma, u t-tnejn jieħdu madwar tliet sigħat. Il-laneċ huma amministrati minn Destination Gotland u huma ssussidjati mill-gvern Żvediż. Destination Gotland huwa l-uniku operatur tal-laneċ – fis-sajf tal-2016, il-kumpanija indipendenti tat-trasport marittimu Gotlandsbåten kienet tamministra l-laneċ lejn Västervik u Nynäshamn, iżda dan is-servizz ma kienx iwassal għal profitt u ma reġax ġie offrut mill-2017.[20][21]
L-Ajruport ta' Visby jinsab madwar ħames kilometri (3.1 mili) fit-Tramuntana tal-belt u joffri kollegamenti mal-art kontinentali Żvediża. Fl-2018 kellu 467,857 passiġġier u huwa d-disa' l-ikbar ajruport fl-Iżvezja.[22] It-titjiriet ta' kuljum lejn l-Ajruport ta' Arlanda fi Stokkolma u minnu huma mod komuni kif wieħed jitlaq minn Visby jew jasal.[23][24]
Hemm ukoll karozzi tal-linja li joperaw fil-belt ta' Visby kif ukoll karozzi tal-linja lejn partijiet oħra ta' Gotland.[25]
Visby tat isimha lill-Emendi ta' Visby tal-1968, li kienu emendi għar-Regoli ta' Den Haag tal-liġi dwar it-trasport marittimu, li wasslu għar-Regoli ta' Den Haag–Visby.[26]
Visby qabel kienet moqdija minn żewġ linji ferrovjarji, il-Linja Ferrovjarja ta' Gotland li kienet taħdem minn Lärbro fit-Tramuntana, sa Burgsvik fin-Nofsinhar, u kienet tgħaddi mill-port ta' Visby, u l-Linja Ferrovjarja Visby–Visborgsslätt–Bjärs, fin-Nofsinhar lejn Visborgsslätt u Västerhejde. L-ewwel linja, minn Visby sa Hemse nbdiet fl-1878, taħt il-patroċinju tal-Linja Ferrovjarja ta' Gotland. It-trasport tal-passiġġieri ma baqax jopera wara Settembru 1960. It-trasport tal-merkanzija fir-rotta bejn Slakteriet u l-port ta' Visby baqa' jopera sa Mejju 1962. L-aħħar sezzjonijiet tar-rotta tal-port f'Visby tneħħew f'Marzu 1964. L-istazzjon ferrovjarju ta' Visby, fin-Nofsinhar tas-Söderport f'Söderväg, tlesta fl-1878 u huwa wieħed mill-ftit fdalijiet tal-linja ferrovjarja f'Visby.[27]
Impjanti
Ħdejn Visby hemm l-impjant tal-invertitur statiku għall-ewwel interkonnessjoni HVDC ta' park tat-turbini tar-riħ (HVDC Visby–Näs).
Attrazzjonijiet u avvenimenti
Matul l-ewwel ġimgħa ta' Lulju, f'Visby issir il-Ġimgħa ta' Almedalen, forum importanti għal kull min hu involut fil-politika Żvediża. Matul dik il-ġimgħa, ir-rappreżentanti mill-partiti politiċi ewlenin fl-Iżvezja lkoll jagħmlu diskorsi fil-Park ta' Almedalen.
F'Awwissu, l-istaġun turistiku jilħaq il-qofol tiegħu. Matul il-ġimgħa 32, minn Ħadd sa Ħadd, kull sena ssir il-Ġimgħa Medjevali f'Gotland. Matul dik il-ġimgħa, l-għadd ta' turisti jisboq l-għadd ta' nies li jkunu lebsin kostumi Medjevali. Il-festival beda jsir fl-1984 u jinkludi varjetà ta' avvenimenti: mużika, buffi, teatru, suq Medjevali, tornej tal-ġostra, u ħafna iktar.
Il-kwartier ġenerali tal-Forum Ekoloġiku Dinji jinsab f'Visby.[28]
Kultura u arti
Visby tospita ċ-Ċentru Baltiku għall-Kittieba u t-Tradutturi u ċ-Ċentru Internazzjonali ta' Visby għall-Kompożituri.[29][30]
Kultura popolari
L-awtriċi Żvediża Mari Jungstedt ambjentat disa' ġrajjiet investigattivi fuq il-gżira ta' Gotland. Il-karattru prinċipali, DS Anders Knutas, huwa stazzjonat fil-kwartieri ġenerali tal-pulizija f'Visby, u hemm bosta siltiet deskrittivi dwar il-belt u l-gżira.
Hayao Miyazaki kiteb li Visby kienet l-ispirazzjoni viżiva prinċipali għar-raħal f'Kiki's Delivery Service, b'elementi minn postijiet oħra bħal Stokkolma.[31]