Dan l-artiklu jew sezzjoni għandu bżonn jiġi aġġornat. Partijiet minn dan l-artiklu huma obsoleti jew jiddiskutu avvenimenti li issa huma fil-passat. Immodifika dan l-artiklu sabiex ittejbu.
Il-pandemija tal-COVID-19 hija pandemija dinjija attwali kkawżata mill-virus SARS-CoV-2. L-imxija faqqgħet fil-belt ta' Wuhan, fiċ-Ċina, f'Diċembru 2019. Sad-9 ta' Mejju 2020, 'il fuq minn 3.96 miljun każ ta' COVID-19 ġie rappurtat f'187 pajjiż u territorju, u rriżulta f'aktar minn 275,000 imwiet. Iktar minn 1.33 miljun ruħ irkupraw.[1] L-ewwel każijiet f'Malta ġew irrappurtati fis-7 ta' Marzu 2020.[2] L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat l-imxija bħala pandemija fil-11 ta' Marzu 2020.[3]
Il-virus huwa trażmess bejn nies f'kuntatt mill-qrib, ġeneralment minn qtar żgħar meta wieħed jisgħol, jagħtas jew jitkellem.[4][5] In-nies jistgħu jiġu infettati wkoll billi jmissu ma' wċuħ ikkontaminati u wara jmissu wiċċhom. Is-sintomi komuni jinkludu deni, sogħla, għeja, nuqqas ta' nifs u telf tas-sens tax-xamm.[4] Iż-żmien mill-esponiment sal-ewwel sinjali tas-sintomi huma tipikament ħamest ijiem, però jistgħu jkunu bejn jumejn u erbatax-il ġurnata.[6]
Il-pandemija kkawżat bosta diżordnijiet soċjoekonomiċi globali kbar, fosthom l-ikbar riċessjoni mid-Dipressjoni l-Kbira.[7] Din wasslet għat-tħassir ta' avvenimenti sportivi, reliġjużi, politiċi u kulturali,[8] u skejjel u universitajiet għalqu fuq bażi nazzjonali jew lokali f'194 pajjiż.[9]
Epidemjoloġija
Nhar il-31 ta' Diċembru 2019, awtoritajiet tas-saħħa f'Wuhan, fil-provinċja ta' Hubei, iċ-Ċina, irrappurtaw numru ta' każijiet ta' polmonite mingħajr kawża oriġinali magħrufa, u investigazzjoni ġiet miftuħa fil-bidu ta' Jannar 2020.[10] Il-biċċa l-kbira tal-każijiet kellhom x'jaqsmu mas-suq ta' Huanan li jbigħ annimali ħajjin u frott tal-baħar. Il-virus li kkawża l-imxija huwa magħruf bħala SARS‑CoV‑2, virus ġdid li għandu x'jaqsam ma' coronaviruses tal-farfett il-lejl, coronaviruses tal-pangolin, u SARS-CoV. Il-kunsens xjentifiku hu li l-COVID-19 kellu oriġini naturali.[11]
L-ewwel persuna magħrufa li kellha sintomi kienet skoperta li mardet fl-1 ta' Diċembru 2019, u li l-persuna ma kellha l-ebda konnessjoni mal-każijiet tas-suq. Mill-ewwel grupp ta' każijiet irrappurtati f'dak ix-xahar, żewġ terzi nstab li kellhom konnessjoni mas-suq.[12]
Każijiet
Il-każijiet jirreferu għan-numru ta' persuni li ġew ittestjati għall-COVID-19 u liema test ġie pożittiv skont il-protokolli uffiċjali. Sad-29 ta' April 2020, il-pajjiżi li ppubblikaw l-informazzjoni dwar l-ittestjar tagħhom urew li n-numru ta' testijiet li saru kienu ta' madwar 1.4 % tal-popolazzjoni tagħhom, filwaqt li l-ebda pajjiż kien għadu ma ttestja iktar minn 14 % tal-popolazzjoni.[13]
F'analiżi li saret fiċ-Ċina wriet li l-propozjon ta' każijiet li jaffettwaw individwi iżgħar minn 20 sena huwa wieħed żgħir. Għadu mhuwiex ċert jekk dan ifissirx li ż-żgħażagħ huma inqas suxxettibbli għall-infezzjoni, jew għandhom inqas ċans li jiżviluppaw sintomi serji u jirrikorru għal għajnuna medika.[14]
Imwiet
Sad-9 ta' Mejju 2020, madwar 275,000 imwiet ġew attribwiti bħala kawża tal-COVID-19. L-ewwel mewta ġiet konfermata f'Wuhan fid-9 ta' Jannar 2020,[15] u l-ewwel mewta barra ċ-Ċina seħħet fil-Filippini nhar l-1 ta' Frar 2020.[16]
L-istatistika uffiċjali tal-imwiet bil-COVID-19 ġeneralment tirreferi għal nies li mietu wara li jkunu ttestjaw pożittiv skont il-protokolli. Din tista' teskludi mwiet ta' nies li mietu mingħajr ittestjar, eżempju f'darhom jew fid-djar tal-anzjani. Min-naħa l-oħra, imwiet ta' nies li kellhom kundizzjonijiet oħra tas-saħħa jista' jwassal għal numri ikbar. Meta jitqabblu l-istatistika tal-imwiet tal-każijiet kollha mal-medja staġjonali dawn juru mwiet eċċessivi f'ħafna pajjiżi.[17]
Sintomi
Is-sintomi tal-COVID-19 jistgħu ma jkunux speċifiċi u persuni infettati jistgħu jkunu mingħajr sintomi. L-aktar żewġ sintomi komuni huma deni (88 %) u sogħla vojta (68 %). Sintomi oħra inqas komuni huma l-għeja, it-telf tas-sens tax-xamm, it-telf tas-sens tat-togħma, in-nuqqas ta' nifs, l-uġigħ fil-muskoli u l-ġogi, l-uġigħ fil-griżmejn, l-uġigħ ta' ras, bard, remettar, emoptisi u dijarea.[18][19]
Uħud mill-infettati jistgħu ma jurux sintomi u huma biss ir-riżultati tat-test li jikkonfermaw l-infezzjoni. Għalhekk, ir-riċerkaturi avżaw li dawk li jkunu f'kuntatt qarib ma' persuni oħra infettati għandhom ikunu osservati mill-qrib u eżaminati. Il-perjodu ta' inkubazzjoni (iż-żmien bejn l-infezzjoni u meta jibdew jidhru s-sintomi) ivarja bejn ġurnata u erbatax-il ġurnata.[20] Aktar ma tiżviluppa l-marda, aktar iwassal għal kumplikazzjonijiet fatali fosthom polmonite, sepsi, xokk settiku u insuffiċjenza tal-kliewi.[19]
Kawża tal-pandemija, diversi pajjiżi u reġjuni imponew kwarantina, projbizzjonijiet fuq id-dħul u restrizzjonijiet oħra għal ċittadini jew viżitaturi riċenti ta' żoni affettwati. Pajjiżi u reġjuni oħra imponew restrizzjonijiet globali li japplikaw għall-pajjiżi u għat-territorji barranin kollha, jew jipprevjenu liċ-ċittadini tagħhom milli jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom.
Flimkien man-nuqqas ta' rieda li wieħed jivvjaġġa, ir-restrizzjonijiet kellhom impatt ekonomiku u soċjali negattiv fis-settur tal-ivvjaġġar f'dawk ir-reġjuni.