L-Indja (ˈɪndiə (għajnuna·info)), uffiċjalment ir-Repubblika tal-Indja hi pajjiż li jinsab fin-Nofsinhar tal-Asja u tkopri l-parti l-kbira tas-subkontinent Indjan. Ħafna rotot storiċi u merkantili jgħaddu minnha. L-Indja għandha kosta ta' aktar minn sebat elef kilometru u għandha fruntieri mal-Pakistan, iċ-Ċina, il-Myanmar, il-Bangladexx, in-Nepal, il-Butan u l-Afganistan. Is-Sri Lanka, il-Maldivi u l-Indoneżja huma gżejjer nazzjonijiet fil-qrib. L-Indja hija t-tieni pajjiż l-aktar popolat fid-dinja, b'popolazzjoni ta' aktar minn biljun ruħ, u ġeografikament is-seba' l-akbar pajjiż.
L-Indja hija l-benniena taċ-ċiviltajiet l-aktar antiki u tat ukoll it-twelid lil erba' reliġjonijiet: l-Induiżmu, il-Buddiżmu, il-Ġainiżmu u s-Sikkiżmu. Il-pajjiż kien parti mill-Imperu Brittaniku qabel ma kiseb l-indipendenza fl-1947. Fl-aħħar għoxrin sena, l-Indja kibret sew, fl-ekonomija u fir-rwol militari u internazzjonali tagħha.
L-isem Indja ġej mill-kelma "Hindu" bil-Persjan antik, li hi nnifisha ġejja mill-kelma "Sindhu" bis-Sanskritu, l-isem storiku tax-xmara Indus. Il-kostituzzjoni tal-Indja u l-użu ġenerali jirrikonoxxu wkoll l-isem Bharat (Hindi: भारत), li kien l-isem bis-Sanskritu tar-re antik Hindu. Isem ieħor huwa, Hindustan (Hindi: हिन्दूस्थान), jew "l-art tal-Induisti" bil-Persjan, li ntuża miż-żminijiet Mughal, għalkemm dan l-isem mhux użat kullimkien illum.
L-Indja ilha l-iktar pajjiż popolat fid-dinja minn Awwissu 2022. Qabel dik id-data, l-Indja kienet it-tieni l-iktar pajjiż popolat fid-dinja.
Total tal-fruntieri tal-Indja: 13,888 km, pajjiżi tal-fruntiera (6): Bangladexx 4,142 km; Bhutan 659 km; Burma 1,468 km; Iċ-Ċina 2,659 km; Nepal 1,770 km; Pakistan 3,190 km.
Organizzazzjoni territorjali
L-organizzazzjoni politika tal-Indja llum hija bbażata fuq l-unjoni ta' 28 Stat u Seba' Territorji, permezz ta' sistema federali. Kostituzzjonalment hija definita bħala “Repubblika demokratika soċjalista u sekulari”, b'sistema parlamentari ta' Gvern.