Luigi Rosato (1795- 1 Settembru 1872) hu magħruf l-aktar bħala drammaturgu. Rosato għandu importanza kbira f’dan il-qasam għax meta r-rappreżentazzjonijiet kienu jsiru kollha bit-Taljan jew bl-Ingliż hu kien l-ewwel wieħed li uża l-Malti.
Katarina
Fl-1847, kiteb id-dramm poetiku Katarina, li huwa l-ewwel xogħol teatrali oriġinali bil-Malti li nafu bih. Dan hu dramm poetiku, b’xejriet reliġjużi u nazzjonali. Fl-istess sena nafu li saru rappreżentazzjoni ta’ xi xogħlijiet tiegħu bil-Malti fit-Teatru Manoel.
Katarina ta’ Luigi Rosato (1839), xogħol li jirrakkonta fid-dettall episodji mill-Assedju l-Kbir u jipprovdi ritratt tajjeb tad-direzzjoni li kien qed jieħu n-nazzjonaliżmu f’Malta fl-ewwel snin tal-ħakma kolonjali Ingliża. L-għażliet li jagħmel Rosato jsiru partikularment interessanti meta nifhmuhom fil-kuntest tal-istorja tal-kultura tagħna, jiġifieri fil-bidu tar-Romantiċiżmu u fl-istadju bikri tal-ħidma biex il-Malti jsir strument leġittimu tal-kultura. F’dan id-dawl, id-dramm ta’ Rosato dwar l-Assedju jikseb importanza sproporzjonata mal-valur estetiku tax-xogħol.
Rosato huwa midfun fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata f’Raħal Ġdid.[1]
Referenzi
- ^ Bonnici, Eman (2019). Iċ-Ċimiterju ta' Santa Marija Addolorata. Kalkara: Heritage Malta. p. 277. ISBN 978-99932-57-75-2.