Il-Logħob Olimpiku tas-sajf 2008, magħrufin uffiċjalment bħala l-Logħob tad-XXIX Olimpjadi, kienet manifestazzjoni sportiva internazzjonali li saret f'Bejġing, ġewwa ċ-Ċina, mit-8 ta' Awwissu sal-24 ta' Awwissu 2008.[1] Total ta' 10,500 atleta kienu mistennija li jikkompetu fi 302 avvenimenti minn 28 dixxiplina. L-Olimpjadi ta' Bejġing 2008 immarkaw ukoll it-tielet darba li l-Logħob Olimpiku tas-sajf saru fit-territorju Ażjatiku, wara Tokjo 1964 u Seoul 1988. Diversi KON ġodda ġew rikonoxxuti mill-KOI.
Xi kompetizzjonijiet tal-ibburdjar, tal-għawn u t-turnew tal-futbol saru fi bliet oħra Ċiniżi, waqt li l-kompetizzjonijiet kollha tal-ekwitazzjoni saru f'Ħong Kong. Għat-tieni darba fl-istorja, l-Logħob Olimpiku ġew ospitati minn żewġ Kumitati Olimpiċi differenti. Bejġing ingħatat id-dritt li tospita l-edizzjoni tal-Olimpjadi tas-sajf 2008 mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (KOI) fit-13 ta' Lulju 2001, li ġiet preferita minn bliet oħra bħal Toronto, Pariġi, Istanbul, u Ożaka.
Bejġing ġiet eletta bħala l-belt għall-Olimpjadi tal-2008 nhar it-13 ta' Lulju 2001, matul il-112-il seduta tal-KOI f'Moska, fejn irnexxielha tegħleb l-isfida ta' Toronto, Pariġi, Istanbul u Ożaka. Qabel is-sessjoni, ħames ibliet oħra (Bangkok, il-Kajr, l-Avana, Kuala Lumpur u Sivilja) issottomettew l-offerta tagħhom, imma naqsu li jagħmlu l-lista l-qasira li saret fis-sena 2000.
Wara l-ewwel rawnd ta' votazzjoni, Bejġing kisbet vantaġġ sinjifikati fuq l-erba' kandidati l-oħra. Ożaka rċiviet biss sitt voti u kienet eliminata. Fit-tieni rawnd, Bejġing kellha s-sosten tal-maġġoranza tal-voti, fejn b'hekk ġew eliminati r-rawnds suċċessivi.[2]
Wara r-rebħa tal-offerta, Li Lanqing, il-viċi-premier taċ-Ċina, iddikjara:
“ Ir-rebħ tal-offerta Olimpika hu eżempju tar-rikonoxximent internazzjonali tal-istabbilità soċjali taċ-Ċina, tal-progress ekonomiku u tal-ħajja sana tal-poplu Ċiniż. ”
Minn Mejju2007, beda l-bini tal-31 impjant tal-Logħob Olimpiku ta' Bejġing.[3] Barra minn hekk, il-gvern Ċiniż investa wkoll fir-rinnovazzjoni u l-kostruzzjoni ta' sitt impjanti barra minn Bejġing kif ukoll f'59 ċentru ta' taħriġ. L-aktar biċċiet arkitettoniċi huma l-Grawnd Nazzjonali ta' Bejġing, l-Grawnd Magħluq Nazzjonali ta' Bejġing, iċ-Ċentru Akwatiku Nazzjonali ta' Bejġing, iċ-Ċentru ta' Konvenzjoni Olympic Green, l-Olympic Green u l-Grawnd tal-Baseball ta' Wukesong. Madwar 85% tal-baġit tal-kostruzzjoni għas-sitt impjanti prinċipali huma miksuba minn US$2.1 biljun. L-investimenti huma mistennija mis-soċjetà fi tfittxija għad-drittijiet ta' proprjetà wara l-Olimpjadi 2008. Xi impjanti huma proprjetà u ggvernati mill-iStat tal-Amministrazzjoni ġenerali tal-iSport, li se jużawhom wara l-Olimpjadi bħala faċilitajiet għal kull manifestazzjoni sportiva fil-futur. Il-Logħob Olimpiku ta' Bejġing huma uffiċjalment l-Olimpjadi bl-akbar spiża fl-istorja b'total ta' $40.9 biljun li ntefqu bejn l-2001 u l-2007 fuq l-infastruttura, l-enerġija, it-trasport u proġetti ta' fornimenti tal-ilma.[4]
Il-punt ċentrali tal-Olimpjadi f'Bejġing kien il-Grawnd Nazzjonali ta' Bejġing, imlaqqam bħala "Bird's Nest" (il-Bejta tal-Għasfur) minħabba l-forma tiegħu. Il-kostruzzjoni tal-impjant bdiet fl-24 ta' Diċembru 2003.
Il-grawnd Olimpiku ta' Guangdong, kien ipproġettat, programmat, mibni u tlesta fl-2001 għall-Olimpjadi, imma suċċessivament kien deċiż li jiġi wżat grawnd ġdid għal dan l-avveniment straordinarju. Id-ditta Svizzera, "Herzog & de Meuron" Architekten AG, ikkolaborat mal-kumpanija Ċiniża, "China Architecture Design & Research Group", biex tirbaħ il-konkorrenza.
Mgħammar b'forma ta' grada skeletrika, l-impjant ġabar aktar minn 90,000 persuna matul iċ-ċerimonja tal-ftuħ u matul l-Olimpjadi. L-arkitetti ddiskrevew l-grawnd bħala "bejta ta' għasfur", bis-saqaf li jinfetaħ. Madanakollu, fl-004, l-idea tas-saqaf li jinfetaħ ġiet abbandunata minħabba raġunijiet ekonomiċi u dawk ta' sigurtà. Il-Grawnd Nazzjonali ta' Bejġing kien il-post fejn ospita ċ-ċermonja tal-ftuħ u kien ukoll f'dik tal-għeluq. Il-diżinjatur tal-grawnd, Ai Weiwei, irtira s-sosten tiegħu għall-Olimpjadi fiċ-Ċina, fejn stqarr li "ma jridx ikollu x'jaqsam aktar magħhom".[5]
Fis-16 ta' Lulju 2008, ġie miftuħ il-Villaġġ Olimpiku ta' Bejġing, u sar aċċessibbli għall-pubbliku fis-26 ta' Lulju.
Għall-Olimpjadi, il-kumitat organizzativ stqarr il-bżonn ta' madwar 11,000 voluntier. Il-proċess ta' selezzjoni spiċċa f'Mejju2008 u ġie segwit mid-diversi attivitajiet ta' formazzjoni.
Ġew imposti miżuri ta' sigurtà biex jiġu evitati kwalunkwe tip ta' problema. Ġew appuntati 80 kelb tal-pulizija biex jikkontrollaw is-sistemà tal-ferrovija u jxommu prodotti bis-suspett li jieħdu n-nar. Ċentru speċjali osserva s-sigurezza tal-prodotti tal-ikel, fejn ikkontrolla li jiġu rispettati l-istandard tekniċi.[6]
Waħda mill-problemi prinċipali tal-belt ta' Bejġing hu t-tniġġis: il-livell tas-sustanzi li jniġġsu hu kbir tant li poġġew f'riksju diversi kompetizzjoni fuq distanza twila. Biex jitnaqqsu l-effeti ta' ħsara, il-belt implimentat diversi regoli, fosthom liġijiet aktar stretti fuq il-karozzi għall-bejgħ.
Kważi għal kull pulizija, ta' kwalunkwe grad jew anzjanità, ġew mogħtija lezzjonijiet ta' lingwi barranin u ta' edukazzjoni. Ktejjeb bi frażijiet f'seba' lingwa (Ingliż, Franċiż, Russu, Ġermaniż, Ġappuniż, Korean u Għarbi) ingħata għall-pulizija kollha u għall-voluntiera.
Ġiet organizzata kampanja fir-reġjun ta' Bejġing li nvitat il-popolazzjoni residenti biex juru lilhom infushom ospitanti u kollaborattivi fil-konfronti tal-barranin li jkunu waqt żjara, fejn għandhom jipprovdu informazzjoni u kwalunkwe tip ta' għajnuna oħra lill-viżitaturi li jiltaqgħu ma' xi diffikulta. Barra minn hekk, il-muniċipalità ta' Bejġing, għamlet serje ta' normi li għandhom x'jaqsmu mad-dinjità urbana: fil-belt, per eżempju, ma kienx permess li wieħed jibżoq mal-art.
Il-pulizja għamlet kampanja biex tqaċċat attivitajiet illegali matul l-Olimpjadi, fi Pjazza Tiananmen u matul Chang’an Avenue. Tallaba, bejjiegħa abbużivi u sewwieqa tat-takis abbużivi jiġu identifikati, arrestati jew inkella jkollhom il-fornimenti tagħhom ikkonfiskati meta jiġu individwati mill-pulizija.
Xandir
Dawn il-logħob kienu l-ewwel li ġew prodotti u mxandra fit-televiżjoni b'definizzjoni għolja mill-istazzjon ospitu. Fl-offerta tagħhom għal-Logħob Olimpiku fl-2001, Bejġing iddikjarat "li mhu se jkun hemm ebda restrizzjoni fuq ir-rapportaġġ tal-medja u l-moviment tal-ġurnalisti li jintervistaw il-parteċipanti",[7] imma skont rapport tan-New York Times, dawn il-wegħdiet ma ġewx rispettati.
Trasport
Bi preparazzjoni għall-viżitaturi Olimpiċi, l-infrastruttura tat-trasport f'Bejġing ġiet imkabbra mhux ħażin. L-ajruport ta' Bejġing għadda minn espansjoni kbira, fejn żdied it-Terminal 3, l-ikbar terminal tal-ajruport fid-dinja, iddiżinjat mill-arkitett rinomat Norma Foster.[8] Fl-1 ta' Awwissu, l-Istazzjon tal-Ferrovija tan-nofsinhar ta' Bejġing reġa' nfetaħ wara sentejn ta' kostruzzjoni. Il-Bejġing-Tianjin Intercity Rail, li hi twila 120km, infetħet fl-istess ġurnata u tagħqad lil Bejġing, Tianjin u l-ibliet l-oħra fejn saru l-Olimpjadi. Ġiet programmata biex issir l-aktar veloċi fid-dinja u tasal sa veloċità ta' 350 km fis-siegħa.
Is-sottopassaġ ta' Bejġing esperjenza espansjoni notevoli ta' aktar mid-doppju tal-kapaċità preċedenti. Is-sistemà tal-ferrovija ta' qabel kienet tikkonsisti minn 4 linji u 64 stazzjon. Ġew miżjuda 7 linji u 80 stazzjon, u fost dawn anki ħolqa diretta għall-ajruport tal-belt. Ukoll, flotta ta' eluf ta' karozzi tal-linja, xarabanks żgħar u karozzi uffiċjali wasslu lill-ispettaturi, l-atleti u l-uffiċjali bejn l-impjanti.[9]
Bħala miżura kontra t-tniġġis, 300,000 vettura b'volum qawwi ta' tniġġis ma tħallewx joperaw fil-belt, u d-dħul f'Bejġing bil-vettura kien limitat. Dawn ir-restrizzjonijiet huma nfurzati mill-20 ta' Lulju sal-20 ta' Settembru. Ir-restrizzjonijiet tal-vetturi tal-passiġieri kienu skedati fi ġranet alternati skond in-numru tal-plakka jekk jispiċċax fard jew pari.
Tema
It-tema uffiċjali tal-logħob, bit-titlu "Dancing Beijing" (Bejġing Żeffiena), għandha il-karattru kalligrafiku jīng (京, li tfisser kapitali), li tirreferi għall-belt ospitu. L-islogan Olimpiku, "One World, One Dream" (Dinja Waħda, Ħolma Waħda), issejjaħ lid-dinja kollha biex tingħaqad flimkien taħt spirtu Olimpiku.
Il-maskots ta' Bejġing 2008 huma ħamsa Fuwa,[10] li huma pupi tal-fortuna Ċiniżi (opra ta' Han Meilin), li kull waħda minnhom tikkaretterizza wieħed mill-ħames kuluri taċ-ċrieki Olimpiċi u kif ukoll bħala simbolu tal-kultura Ċiniża. L-ewwel sillabi tal-ismijiet tagħhom meta jinqraw flimkien jiffurmaw il-frażi Běijīng huānyíng nǐ li biċ-Ċiniż Mandarin ifisser "Bejġing jagħtikom il-merħba".
L-ismijiet ta' dawn il-Fuwa huma, Bèibei (贝贝), Jīngjing (晶晶), Huānhuan (欢欢), Yíngying (迎迎), Nīni (妮妮).
Torċa Olimpika
Id-disinn tat-Torċa Olimpika hu bbażat fuq voluti tradizzjonali u juża' disinn tradizzjonali Ċiniż magħruf bħala "Sħab Favorevoli" (祥云). It-torċa hi ddiżinjata biex tibqa' mixgħula f'riħ ta' 40 mil fis-siegħa, f'temperaturi ta' inqas minn 40° taħt iż-żero u fix-xita sa 50 mm kull siegħa.
Il-mixja bit-torċa, bit-tema Vjaġġ ta' Armonija, damet 130 jum u ġarret it-torċa 137,000 km — l-ikbar distanza ta' kwalunkwe mixja bit-torċa Olimpika minn meta t-tradizzjoni bdiet fl-edizzjoni ta' Berlin 1936.[11]
Minħabba li ċ-Ċina għandha relazzjonijiet xejn sbieħ ma' diversi pajjiżi, il-mixja bit-torċa rriżultat bħala waħda diffikultuża. Per eżempju, kien hemm diskussjoni kbir fuq il-passaġġ tal-fjakkola fuq il-gżira ta' Tajwan.
Argument sħun ieħor kien il-kwistjoni tat-Tibet: l-organizzaturi ipprevedew it-telgħa tal-Everest, imma xtaqu wkoll li jevitaw l-aktar possibli l-manifestazzjoni favur it-Tibet. Għal dan l-iskop iċ-Ċina stabillixxiet regoli aktar stretti għall-aċċess għall-parti Tibetana tal-muntanja l-aktar għolja tad-dinja: kontrolli aktar akkurati rigward ix-xabbata barranin, b'limitazzjoni fuq in-numru ta' xabbata tal-istess nazzjon, kontroll fuq id-dokumenti ta' xahrejn u nofs qabel, u projbizzjoni ta' sostituzzjoni fl-aħħar minuta. Minkejja d-diversi problemi li kien hemm, ix-xabbata Ċiniżi xorta wasslu t-Torċa Olimpika fuq il-quċċata tal-Everest. It-Torċa rritornat lura għaċ-ċerimonja tal-ftuħ.
Il-logħob
Ċerimonja tal-ftuħ
Iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Olimpjadi tas-sajf 2008 saret fil-Grawnd Nazzjonali ta' Bejġing u bdiet fit-8 ta' filgħaxija (Żona tal-ħin taċ-Ċina) tat-8 ta' Awwissu 2008.[12] In-numru 8 hu assoċjat mal-prosperità u l-kunfidenza skont il-kultura Ċiniża, u f'dan il-każ kien tmienja triplu għad-data u wieħed aktar għall-ħin (qrib it-08:08:08 pm).[13] Iċ-ċerimonja kienet diretta mir-reġista Ċiniż Zhang Yimou u l-koreografu Ċiniż Zhang Jigang. Din is-serata kienet tikkonsisti minn 15,000 esebitur, u suċċessivament ġiet imsejjħa bħala "l-aqwa ċerimonja tal-ftuħ tal-Olimpjadi li qatt ġiet prodotta".
Iċ-ċerimonja bdiet bl-istennija tal-mument tal-ftuħ permezz tat-tħabbit ta' tnabar "Fou" li kienu mdawwlin hekk kif is-sekondi bdew jonqsu. Suċċessivament, roll ta' karta kbir, li grazzi għall-effetti speċjali fuq il-wiċċ tiegħu kien qed jipproduċi pajsaġġi tipiċi taċ-Ċina. Il-kanzunetta uffiċjali tal-Olimpjadi 2008 ġiet kantata mill-Ingliża Sarah Brightman u ċ-Ċiniża Liu Huan, u kienet intitulata "You and Me". L-eks-ġinnasta Ċiniża, Li Ning, xegħel il-fjamma Olimpika.
Id-daħla tal-atleti parteċipanti kienet differenti mill-edizzjoni preċedenti tal-Olimpjadi. L-iskwadri ma daħlux fl-ordni tal-alfabett Latin, imma skont l-alfabett Ċiniż; fil-fatt l-Awstralja, li s-soltu tkun waħda mill-ewwel gruppi li jidħlu, daħlet kważi lejn l-aħħar, minħabba li fiċ-Ċiniż (澳大利亚) l-inizzjali tal-Awstralja huma waħda mill-aħħar ittri.
Ċerimonja tal-għeluq
Iċ-ċerimonja tal-għeluq seħħet fl-24 ta' Awwissu 2008. Bdiet fit-8:00pm (Żona tal-ħin taċ-Ċina), u saret fil-Grawnd Olimpiku ta' Bejġing. Kien hemm id-dħul tal-atleti fil-grawnd, li ma daħlux skont l-ordni alfabetiku. Fiċ-ċerimonja ġie assistit il-messaġġ tal-President tar-Repubblika Popolari taċ-ĊinaHu Jintao u l-President tal-KOIJacques Rogge. Wara, saret il-premjazzjoni tal-kompetizzjoni tal-maratona, li ġie mirbuħa mill-KenjanSamuel Kamaru Wanjiru (l-ewwel midalja tad-deheb għall-Kenja fil-maratona fl-Olimpjadi), li ġiet segwita minn spettaklu b'direzzjoni tar-reġista Ċiniż Zhang Yimou. Kien hemm imbagħad il-passaġġ simboliku tal-bandiera Olimpika bejn Bejġing u Londra, li se tkun l-organizzatriċi tal-edizzjoni li jmiss tal-Olimpjadi tas-sajf; dan il-passaġġ seħħ bejn is-sindku ta' Bejġing, Guo Jinlong u dak ta' Londra, Boris Johnson. Wara kien hemm esebizzjoni spettakulari esegwita mill-Kumitat Organizzattiv ta' Londra għal-Logħob Olimpiku (LOCOG), bil-parteċipazzjoni tal-futboler ta' Los Angeles GalaxyDavid Beckham u tad-dwett mużikali bejn Leona Lewis u mill-kitarrist tal-Led Zeppelin, Jimmy Page, fejn kantaw il-kanzunetta Whole Lotta Of Love. Suċċessivament ġiet mitfija l-Fjamma Olimpika li mhux se tinxtegħel qabel il-Logħob Olimpiku ta' Londra fl-2012.
Pajjiżi parteċipanti
Il-205 Kumitat Olimpiku Nazzjonali kollha, barra l-Brunej, ipparteċipaw f'din l-edizzjoni. Iċ-Ċina u l-Istati Uniti kellhom l-ikbar timijiet, b'639 u 596 kompetitur rispettivament.[14] Diversi pajjiżi ġew rappreżentati minn atleta wieħed.
L-għawwiema mill-Afrika t'Isfel, Natalie du Toit, li rebħet ħames midalji tad-deheb fil-Logħob Paralimpiku tas-sajf 2004, ikkwalifikat għal-logħob ta' Bejġing, biex saret l-ewwel atleta fl-istorja, b'saqjaha maqtugħa mill-irkoppa, li kkwalifikat għal-Logħob Olimpiku wara Olivér Halassy fl-1936.[15]Natalia Partyka, li twieldet mingħajr il-parti t'isfel tal-id leminija (mill-minkeb sal-polz tal-id) ikkompetiet għall-Polonja fit-tennis tal-mejda.[16]
Bħal-logħob preċedenti mill-1984, atleti mir-Repubblika taċ-Ċina (Tajwan) ħadu sehem fl-Olimpjadi bħala t-Tajpej Ċiniżi (TPE) taħt il-bandiera Olimpika tat-Tajpej Ċiniżi. Il-parteċipazzjoni tat-Tajwan kienet f'dubju minħabba li ma kienx hemm qbil fuq l-isem tat-tim fil-lingwa Ċiniża, u rigward jekk it-Tajwan kellux jimxi qrib ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali Ċiniż ta' Ħong Kong fiċ-ċerimonja tal-ftuħ.
Sport
Id-dixxiplini ta' Bejġing 2008 kienu kważi l-istess bħal dawk ta' Ateni 2004. L-Olimpjadi tal-2008 ra r-ritorn ta' 28 sport (xi ftit minn dawn, bħall-atletika, l-isport akwatiċi, il-ġinnastika u ċ-ċikliżmu, kienu maqsumin f'iktar dixxiplini) li saru fi 302 avvenimenti (165 avvenimenti tal-irġiel, 127 tan-nisa, u 10 mħalltin), avveniment aktar minn dawk ta' Ateni.
B'kollox, kien hemm 9 avvenimenti ġodda, li kienu jinkludu 2 mid-dixxiplina ċiklistika l-ġdida tal-BMX. In-nisa kkompetew fil-ġirja tal-ostakli fuq distanza ta' 3000 metru. Barra minn hekk, l-avvenimenti tal-maratona ta' għawm għall-irġiel u n-nisa, b'distanza ta' 10 kilometri, ġew miżjuda mad-dixxiplina tal-għawm. Sentejn u ġurnata qabel il-bidu tal-Logħob Olimpiku, il-Kumitat Olimpiku ta' Bejġing ħareġ il-pittogrammi ta' 35 dixxiplina (kemm għad-dixxiplini tal-atletika u anki għal dawk taċ-ċiikliżmu kellhom pittogramma unika) b'mod li kull nazzjon ikun jista' jagħrafhom.[17]
Fil-kalendarju segwenti tal-Olimpjadi 2008, kull kaxxa bluna tirrapreżenta avveniment ta' dixxiplina, bħal rawnd ta' kwalifikazzjoni, f'dik il-ġurnata. Il-kaxxa s-safra tirrapreżenta ġranet fejn saru l-finali għall-midalji. In-numri fil-kaxxa jfissru n-numru ta' finali li ġew kontestati f'dik il-ġurnata.[18]
Dawn huma l-ewwel għaxar pożizzjonijiet tal-midalji mid-29 edizzjoni tal-Olimpjadi. Iċ-Ċina spiċċat l-ewwel bl-akbar numru ta' midalji tad-deheb, 51. L-Istati Uniti, min-naħa l-oħra, kisbu t-tieni post bl-akbar numru ta' midalji, kemm bħala total u anki tal-fidda u tal-bronż.
Diversi entitajiet esprimew il-preokkupazzjoni tagħhom fuq il-Logħob, jew l-ospitazzjoni taċ-Ċina ta' dawn il-Logħob; dawn jinkludu allegazzjonijiet li ċ-Ċina vvjolat il-wegħda li kienet għamlet li tħalli l-aċċess lill-istampa, allegat vjolazzjoni tad-drittijiet umani, tniġġis tal-arja kemm fil-belt ta' Bejġing u anki fil-madwar, bojkots proposti, twissija tal-possibilità li l-Olimpjadi ta' Bejġing ikunu fil-mira ta' gruppi terroristiċi, disturb vjolenti ta' protestanti favur it-Tibet, persekuzzjonijiet reliġjużi, il-projbizzjoni ta' Tibetani etniċi mill-jaħdmu f'Bejġing matul il-Logħob, kritika fuq politiki li jordnaw is-sorveljanza elettronika tal-lukandi li huma pposeduti internazzjonalment, l-ispostament tar-residenti, diffikulta fil-biljetti, trattament ħażin ma' ġurnalisti barranin, żoni ta' protesti dubbjużi, kif ukoll kien allegat molestja, arresti fid-djar, għebien infurzat, priġunerija, u torturi ta' dissidenti u protestanti.
Fit-13 ta' Frar2008, ir-reġista AmerikanSteven Spielberg abbanduna l-inkarigu ta' konsulent artistiku għall-ftuħ u l-għeluq tal-Logħob Olimpiku. Ir-raġuni wara din l-għażla kienet minħabba l-irwol li ċ-Ċina kienet qed iżżomm fil-Gwerra ta' Dargur u r-rapport li ċ-Ċina kellha mal-gvern ta' Khartum. Bejġing hi l-akbar investitriċi fis-Sudan fl-industrija taż-żejt u tiġi akkużata li tivvjola d-drittjiet umani billi tbigħ armi lill-kontinent Afrikan, u b'hekk qed tkun responsabbli għal aktar tixrid ta' demm.
Il-problema kbira tal-ammont kbir ta' tniġġis tal-arja, wassal biex ċerti kompetizzjoni fuq distani kbar, bħall-maratoni, it-triathlon u ċ-ċikliżmu, saru x'imkien ieħor. Haile Gebrselassie, il-primastija dinji tal-maratona, irrifjuta li jipparteċipa f'din il-kompetizzjoni għall-biża tat-tniġġis.
Lejn Ġunju u Lulju tal-2008, il-klima partikularment sħuna li laqtet lil Bejġing u lir-reġjun ta' madwar ħolqot aktar preokkupazzjoni fuq l-iżvoliġment ta' xi kompetizzjonijiet. Partikularment kien hemm il-biża' tal-possibilità tal-formazzjoni ta' tempesti tar-ramel li jaslu biex jolqtu l-kapitali u għall-invażjoni ta' ġurati li f'Lulju 2008 laqtet il-kampanja, 300 km fil-Majjistral ta' Bejġing. Infestazzjoni ta' alga laqtet f'Lulju il-baċini li kienu mistennija għall-kompetizzjonijiet tal-kannottaġġ, u b'hekk il-ħaddiema kellhom bżonn inaddfu qabel il-bidu tal-kompetizzjonijiet.