Harar (bl-Amharic: ሐረር; bil-Harari: ሀረር;[1] bl-Oromo: Adare Biyyo; bis-Somali: Herer; bl-Għarbi: هرر), magħrufa storikament mill-indiġeni bħala Harar-Gey jew sempliċement Gey[2] (bil-Harari: ጌይ Gēy, li litteralment tfisser "il-belt"), hija belt iffortifikata fil-Lvant tal-Etjopja.[3] Bl-Għarbi l-belt hija magħrufa wkoll bħala l-Belt tal-Qaddisin (bl-Għarbi: مدينة الأولياء, b'ittri Rumani: Madīna al-ʾAwliyāʾ).
Harar hija l-belt kapitali tar-Reġjun ta' Harar. Il-belt tal-qedem tinsab fil-quċċata ta' għolja fil-parti tal-Lvant tal-pajjiż u tinsab madwar 500 kilometru mill-belt kapitali Etjopjana Addis Ababa f'elevazzjoni ta' 1,885 metru (6,184 pied).
Għal sekli sħaħ, Harar kienet ċentru kummerċjali ewlieni li kien ikkollegat mar-rotot kummerċjali tal-bqija tal-Etjopja, tal-Qarn tal-Afrika kollu, tal-Peniżola tal-Arabja u tal-Asja, u mal-bqija tad-dinja permezz tal-portijiet tagħha. Harar Jugol, iċ-ċentru storiku ffortifikat tal-belt, tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2006 bħala rikonoxximent tal-wirt kulturali tal-belt.[4] Minħabba l-istorja twila ta' involviment ta' Harar fil-kummerċ fi ħdan il-Peniżola tal-Arabja, il-Gvern tal-Etjopja stabbilixxa li t-tiġrif jew it-tbagħbis ta' kwalunkwe wieħed mis-siti storiċi fi ħdan il-belt huwa reat krimininali. Fost dawn is-siti ġew inklużi d-djar, il-mużewijiet u l-oġġetti skartati minn żmien il-gwerra. Skont l-UNESCO, Harar titqies bħala "r-raba' l-iktar belt imqaddsa tal-Iżlam" bi 82 moskea, tlieta minnhom li jmorru lura għas-seklu 10, u b'102 santwarji.
Fatḥ Madīnat Harar ta' Yahyá Naṣrallāh, storja mhux ippubblikata tal-belt fis-seklu 13, tirrakkonta li l-qaddis leġġendarju Abadir Umar ar-Rida u diversi mexxejja reliġjużi oħra insedjaw il-promontorju ta' Harar għall-ħabta tal-1216.[5] Harar iktar 'il quddiem saret il-belt kapitali ġdida tas-Sultanat ta' Adal fl-1520 mis-Sultan Abu Bakr ibn Muhammad. Il-belt esperjenzat deklin politiku matul l-Emirat ta' Harar li ġie wara, u reġgħet kisbet ftit importanza biss fil-perjodu tal-Kedivat tal-Eġittu. Matul l-Imperu Etjopjan, il-belt marret lura għalkemm xorta waħda baqa' jkollha ċertu prestiġju kulturali.[6]
Storja
Id-data meta Harar ġiet stabbilita mhix ċara u diversi dati ġew issuġġeriti. Uħud isostnu li l-insedjaturi Semitiċi bikrin tar-reġjun x'aktarx li kienu ta' nisel Hadhrami. Fi kwalunkwe każ, il-belt moderna ta' Harar fil-biċċa l-kbira tmur lura l-iktar għall-bidu tas-seklu 18, għalkemm is-sit innifsu ilu sit ta' belt għal ferm iktar minn hekk.
X'aktarx li l-abitanti oriġinali tar-reġjun huma l-poplu Harla. Harar kienet parti mid-dominju tar-Renju ta' Harla fis-seklu 6. Fil-perjodu Iżlamiku, il-belt kellha alleanza msejħa l-istati konfederati ta' Zeila. Skont il-vjaġġatur Lhudi tas-seklu 12 Benjamin ta' Tudela, Zeila kienet l-art tal-Havilah, ikkonfinata ma' al-Habash fil-Punent.
Fis-seklu 9, Harar kienet taħt is-Sultanat ta' Shewa tad-dinastija Maḥzūmī.
L-Iżlam kien qabad sew fil-promontorju ta' Harar sas-sekli 10-11 W.K. permezz tal-kummerċ ma' Zeila. Sas-seklu 13, l-Iżlam kien sar ir-reliġjon predominanti fir-reġjun.
Tlugħ fil-poter tal-istati Musulmani
Harar saret iċ-ċentru kulturali u reliġjuż Iżlamiku fil-Qarn tal-Afrika lejn l-aħħar tal-Medju Evu.
Skont Fatḥ Madīnat Harar, il-qaddis leġġendarju Abadir Umar ar-Rida, flimkien ma' diversi mexxejja reliġjużi oħra, ġie mill-Peniżola tal-Arabja biex jinsedja l-promontorju ta' Harar għall-ħabta tal-1216 W.K., fejn Abadir jingħad li ltaqa' mal-popli Harla, Gaturi u Argobba. Skont it-tradizzjoni, ħu Abadir Fakr ad-Din stabbilixxa s-Sultanat ta' Mogadishu, filwaqt li wieħed mid-dixxendenti tiegħu stabbilixxa s-Sultanat ta' Hadiya.
Skont il-kronaka tas-seklu 14 ta' Amda Seyon I, Gēt (Gēy) kienet kolonja fit-territorju tal-poplu Harla. Matul il-Medju Evu, Harar kienet tagħmel parti mis-Sultanat ta' Adal, u saret il-belt kapitali tiegħu fl-1520 taħt is-Sultan Abu Bakr ibn Muhammad. Is-seklu 16 kien l-epoka tad-deheb tal-belt. Il-kultura lokali ffjorixxiet, u bosta poeti għexu u kitbu hemmhekk. Saret magħrufa wkoll għall-kafè, għall-insiġ, għall-produzzjoni tal-qfief u għal-legaturi tal-kotba.
Minn Harar, Ahmad ibn Ibrahim al-Ghazi, magħruf ukoll bħala "Gurey" u "Grañ", li t-tnejn ifissru x-"Xellugi", iddikjara gwerra ta' konkwista fis-seklu 16 li estendiet it-territorju tal-poplu Harla u hedded l-eżistenza tal-Imperu Etjopjan Kristjan Ortodoss tal-Lvant fil-qrib. Is-suċċessur tiegħu, l-Emir Nur ibn Mujahid, bena ħajt protettiv madwar il-belt biex jiddefendi l-popolazzjoni tiegħu mill-invażjoni tal-poplu Oromo. Din l-istruttura għolja erba' metri b'ħames daħliet, imsejħa l-Jugol, għadha intatta u hija simbolu tal-belt u tal-poplu Harari li jgħix fiha. F'Harar kienu jgħixu l-popli Siltʼe, Wolane, Halaba u Harari, iżda l-ewwel tliet popli mbagħad marru jgħixu fir-reġjun ta' Gurage.
Eżatt wara l-gwerer ta' Ahmad, Harar esperjenzat ġuħ kbir. Il-prezzijiet tal-ikel u tal-bhejjem għolew b'mod sinifikanti: sa'a (unità ekwivalenti għal erba' ponnijiet) ta' sorgu kien jiswa 12-il ashrafi, u ammont ekwivalenti ta' melħ kien jiswa 15-il ashrafi. Baqra kienet tiswa iktar minn 300 ashrafi. Wara li l-ekonomija rkuprat mill-ġuħ, il-prezz ta' sa'a ta' sorgu niżel għal 4-5 mahallak (sottodenominazzjoni tal-ashrafi). Perjodu ieħor ta' ġuħ matul ir-renju ta' Nur ibn Mujahid żied il-kost ta' sa'a ta' sorgu għal 2 ashrafi. F'dan il-perjodu ssemmew għall-ewwel darba l-ashrafi u l-mahallak bħala denominazzjonijiet ta' flus f'Harar.
L-Emirat ta' Harar izzekka wkoll il-muniti tiegħu stess, u l-iżjed muniti bikrin kellhom data li tista' tiġi interpretata bħala l-1218/19; iżda l-ewwel muniti ġew izzekkati ċertament sal-1789, u iktar ġew izzekkati fis-seklu 19.
Elisée Reclus fl-1886 jiddeskrivi ż-żewġ rotot antiki minn Harar sa Zeila; rotta kienet tgħaddi mill-pajjiż tal-poplu Gadabuursi u rotta kienet tgħaddi mit-territorju tal-Issa, li t-tnejn kienu sottoklan tal-familja tal-klan tad-Dir:
"Żewġ rotot, spiss imblukkati mill-attakki ta' ħallelin, kienu jwasslu minn Harar sa Zeila. Waħda kienet taqsam irdum lejn it-Tramuntana tal-belt, u mbagħad terġa' tinżel fil-baċir tax-xmara Awash permezz tal-Mogħdija Muntanjuża u l-Wied ta' Galdessa, u minn hemm tibqa' sejra lejn il-baħar fit-territorju tal-Issa, tul katina ta' blat trakitiku li jibqa' sejjer lejn in-Nofsinhar. Ir-rotta l-oħra iktar diretta iżda iktar imħarbta titla' lejn il-Grigal mill-Mogħdija Muntanjuża ta' Darmi, u taqsam it-territorju tal-poplu Gadibursis jew Gudabursis. Il-belt ta' Zeila tinsab fin-Nofsinhar ta' arċipelagu żgħir ta' gżejriet u ta' sikkiet f'punt tal-kosta abitat mit-tribù ta' Gadibursi. Għandha żewġ portijiet, wieħed użat mid-dgħajjes iżda li ma kienx tajjeb għall-vapuri, filwaqt li l-ieħor, mhux wisq 'il bogħod mill-belt lejn in-Nofsinhar, għalkemm kien tassew dejjaq, kien fond bejn 26 u 33 pied, u joffri kenn sikur lill-opri tal-baħar kbar".
Deklin
Wara l-mewt tal-Emir Nur, l-istat ta' Harar beda deklin kostanti bħala ġid u poter. Mexxej ieħor iktar 'il quddiem, l-Imam Muhammed Jasa, li kien jiġi minn Ahmad Gragn, magħruf bħala Ahmad ibn Ibrahim al Ghazi, ċeda għall-pressjonijiet taż-żieda ta' attakki tal-poplu Oromo u fl-1577 abbanduna l-belt, b'rilokazzjoni lejn Aussa u minfloku ħuh sar il-mexxej ta' Harar. Il-bażi l-ġdida mhux biss ma rnexxilhiex tipprovdi iktar sigurtà mill-invażjonijiet tal-poplu Oromo, talli ġiet attakkata wkoll mis-Somali u eventwalment ġiet invaża wkoll mill-poplu ġar tal-Afar. L-Imamat ta' Aussa esperjenza deklin matul is-seklu ta' wara, filwaqt li Harar reġgħet kisbet l-indipendenza tagħha taħt `Ali ibn Da`ud, il-fundatur ta' dinastija li mexxiet il-belt mill-1647 sal-1875, meta nħakmet mill-Eġittu.
Fil-bidu tas-seklu 19, l-Emir Ahmad III ibn Abu Bakr waqqaf l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet kollha mill-port ta' Zeila u minflok għażel il-port ta' Berbera minħabba diżgwid m'ommu, oħt il-kap tal-klan Somali tal-Giri, li kellha l-kontroll tar-rotta lejn Zeila. Skont Richard Francis Burton, li żar Berbera u Harar matul il-vjaġġi tiegħu, huwa rrepeta frażi famuża ta' Harar li kien sema' fl-1854: "Min jikkmanda f'Berbera, għandu d-destin ta' Harar f'idejh". F'dan il-perjodu, l-iskjavi tal-popli Sidama u Gurage kienu materja prima importanti li kienet tiġi esportata lejn il-kosta. Parti sinifikanti tal-kummerċ bejn iż-żewġ bliet storiċi ta' Harar u Berbera kien ikkontrollat minn merkanti tal-klan ta' Isaaq, Habr Awal, li kienu jwettqu kummerċ ukoll fil-kafè rinomat ta' Harar, li fis-suq internazzjonali kien imsejjaħ il-Kafè ta' Berbera. Harar kienet tospita wkoll bosta studjużi Somali li kienu jiġu jistudjaw fil-belt; l-iktar wieħed notevoli fosthom kien ix-Xejikk Madar li kien il-fundatur ta' Hargeisa.
Harar milli jidher bdiet tizzekka l-muniti pjuttost kontinwament matul ir-renju tal-Emir Abd al-Shakur ibn Yusuf. Il-muniti li nstabu mir-renju tiegħu huma ta' kwalità għolja, b'kontenut għoli tal-fidda u b'kitbiet ċari li jirriflettu l-użu ta' forom tajbin. Taħt Muhammad ibn Ali, ġiet introdotta munita oħra, b'liga qawwija tal-landa, sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu fil-konfront tal-aħwa Gosa. Huwa ħareġ digriet li permezz tiegħu kull min kellu l-muniti l-antiki kellu jibdilhom mal-muniti l-ġodda. Muhammad Mukhtar, uffiċjal fl-armata Eġizzjana, fl-1876 kiteb li jikkundanna din il-frodi enormi. Fl-1883, vjaġġatur Ġermaniż kiteb li l-muniti l-ġodda lanqas biss kienu jiswew għaxra fil-mija tal-valur nominali tagħhom.
Seklu 19
Fl-1875 Muhammad Rauf Pasha mexxa qawwa Eġizzjana minn Zeila lejn in-naħa ta' ġewwa tax-Xlokk tal-Etjopja, taparsi kien qed iwettaq spedizzjoni xjentifika. B'hekk irnexxielu jokkupa l-belt ta' Harar fil-11 ta' Ottubru 1875.
Rauf Pasha inizjalment issospenda l-muniti ta' Harar miċ-ċirkolazzjoni u bagħat xi kampjuni lejn il-Kajr għal analiżi, bit-tama li jiġu sostitwiti mal-muniti Eġizzjani. Madankollu, il-gvern Eġizzjan ma setax jipprovdi biżżejjed flus biex dan isir u tah il-parir li jibqa' juża l-muniti ta' Harar. Madankollu, il-valur tal-mahallak ta' Harar ġie vvalutat mill-ġdid minn 33 għal thaler ta' Marija Tereża qabel għal 300 għal dollaru wara. Ladarba l-analiżi tal-kontenut tal-fidda tal-muniti tlestiet, il-valur inbidel għal 311 għal thaler.
Matul il-perjodu tat-tmexxija tal-Eġizzjani (1875-1884), Arthur Rimbaud għex fil-belt bħala l-funzjonarju lokali ta' diversi kumpaniji kummerċjali differenti bbażat f'Aden; huwa rritorna fl-1888 biex ikompli l-kummerċ fil-kafè, il-misk, u l-ġlud, sa ma marda fatali obbligatu jerġa' lura lejn Franza. Dar li jingħad li kienet ir-residenza tiegħu issa ġiet ikkonvertita f'mużew.
Fl-1885, Harar reġgħet kisbet l-indipendenza tagħha taħt Amir Abdullahi, iżda din damet għal sentejn biss. Il-qawwiet ta' Shewa tal-Abissinja invadew l-Emirat ta' Harar fl-1886 iżda ġarrbu telfa kontra t-truppi tal-emir matul il-Battalja ta' Hirna. Ftit xhur iktar 'il quddiem fid-9 ta' Jannar 1887, fil-Battalja ta' Chelenqo ir-re ta' Shewa Menelik II irnexxielu jaħkem il-belt ta' Harar.
Harar kienet il-post fejn ġew izzekkati l-ewwel muniti tal-istat modern tal-Etjopja taħt Menelik II, bid-data tal-1892 W.K.
Harar tilfet ftit mill-importanza kummerċjali tagħha bil-ħolqien tal-Linja Ferrovjarja bejn Addis Ababa u Djibouti li nbniet mill-Franċiżi, li inizjalment kienet maħsuba biex tgħaddi mill-belt iżda mbagħad ġiet iddevjata lejn it-Tramuntana tal-muntanji bejn Harar u x-xmara Awash biex jiġu ffrankati l-flus. Minħabba f'hekk, Dire Dawa ġiet stabbilita fl-1902 bħala Harar Ġdida. Il-Brittaniċi ppjanaw li jerġgħu jagħtu l-ħajja lir-rotta kummerċjali storika bejn Harar u Berbera billi kkollegaw iż-żewġ bliet b'linji ferrovjarji sabiex jixprunaw il-kummerċ. Madankollu, l-inizjattiva ma ġietx approvata mill-parlament peress li ġiet meqjusa li xxekkel l-Entente Cordiale bejn Franza u r-Renju Unit.
Ir-rotot kummerċjali kollha li jikkollegaw il-belt ta' Harar mal-kosta tas-Somalja kienu jgħaddu mit-territorji tas-Somalja u tal-poplu Oromo fejn is-sottoklan tal-Gadabuursi u tal-Issa tal-familja tal-klan ta' Dir kellhom monopolju kummerċjali kif imsemmi f'L-Istorja ta' Harar u l-abitanti ta' Harar:
"Fis-seklu 19, il-ġurisdizzjoni tal-Amir kienet limitata għal Harar u l-inħawi fil-qrib, filwaqt li r-rotot kummerċjali kollha lejn il-kosta kienu jgħaddu mit-territorji tas-Somalja u tal-poplu Oromo. Kien hemm żewġ rotot prattikabbli biss: waħda kienet ta' Jaldeissa, li kienet tgħaddi mit-territorji tas-Somalja u tal-popli Issa u Nole Oromo, u l-oħra ta' Darmy li kienet tgħaddi mit-territorju tal-poplu Gadaboursi. Is-Somalja, li kellha monopolju tat-trasportaturi, ħadet vantaġġ sħiħ mill-kundizzjonijiet prevalenti u l-merkanti sfaw vittmi ta' kull forma ta' abbuż u ta' estorsjoni... Taħt is-superviżjoni ta' dawn l-aġenti, il-karovani kienu jiġu fdati lill-abbans (protetturi tal-karovani), li normalment kienu jkunu membri tal-popli Issa jew Gadaboursi meta kienu jkunu diretti lejn il-kosta, u membri tal-poplu Jarso meta kienu jkunu diretti lejn in-naħa ta' ġewwa".
Seklu 20 sal-preżent
Harar inħatfet mit-truppi Taljani taħt il-Marexxall Rodolfo Graziani matul it-Tieni Gwerra bejn l-Etjopja u l-Italja fit-8 ta' Mejju 1936. L-ewwel battaljun tar-Riġment tan-Niġerja, avvanza minn Jijiga mill-Mogħdija Muntanjuża ta' Marda, u ħataf il-belt mill-alleati fid-29 ta' Marzu 1941. Wara l-konklużjoni tal-Ftehim Anglo-Etjopjan fl-1944, il-gvern tar-Renju Unit ingħata l-permess li jistabbilixxi konsolat f'Harar, għalkemm il-Brittaniċi rrifjutaw li jirreċiprokaw billi jħallu konsolat Etjopjan f'Hargeisa. Wara bosta rapporti dwar l-attivitajiet Brittaniċi fil-Haud li kisru l-Ftehim ta' Londra tal-1954, il-Ministeru Etjopjan għall-Affarijiet Barranin ordna li l-konsolat jingħalaq f'Marzu 1960.
Linja ferrovjarja minn Berbera sa Harrar fl-Abissinja ġiet issuġġerita bħala mezz biex in-naħa ta' ġewwa tal-protettorat tkun iktar aċċessibbli faċilment, u fl-istess ħin tiffaċilita l-kummerċ fl-Abissinja; iżda din ma ġietx approvata fuq il-bażi li l-kompetizzjoni mal-linja ferrovjarja Franċiża minn Djibouti sa Addis Ababa ma kinitx politika tajba fi żmien meta l-Entente Cordiale kien għadu kemm ġie stabbilit.
Fl-1995, il-belt u l-inħawi tal-madwar saru reġjun Etjopjan (jew kilil). Attwalment qed jinbena pipeline biex jinġarr l-ilma lejn il-belt minn Dire Dawa.
Sit ta' Wirt Dinji
Harar Jugol, il-Belt Storika Ffortifikata, ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2006.[4]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-artimonumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[4]
Kultura
Skont Sir Richard Burton, il-pjanta tal-khat oriġinat minn Harar. Il-pjanta tal-kafè oriġinali ddomestikata jingħad ukoll li oriġinat minn Harar.
Klima
Il-klima ta' Harar hija kklasssifikata bħala klima subtropikali tal-artijiet għoljin (Cwb skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen-Geiger).
Matul is-sena, it-temperaturi ta' waranofsinhar ikunu sħan jew sħan ħafna, filwaqt li t-temperaturi ta' filgħodu jkunu kesħin jew miti. Ix-xita tinżel bejn Marzu u Ottubru, l-iktar f'Awwissu, filwaqt li minn Novembru sa Frar normalment ma tinżilx xita.
Abbażi taċ-ċensiment nazzjonali tal-2007 imwettaq mill-Aġenzija tal-Istatistika Ċentrali tal-Etjopja (CSA), il-belt ta' Harar kellha popolazzjoni urbana totali ta' 99,368 ruħ, li minnhom 49,727 ruħ kienu rġiel u 49,641 ruħ kienu nisa. L-ikbar sitt gruppi etniċi rrapportati f'Harar kienu l-Amhara (40.55 %), l-Oromo (28.14 %), il-Harari (11.83 %), il-Gurage (7.94 %), is-Somali (6.82 %), u ta' Tigray (2.76 %); il-gruppi etniċi l-oħra kollha kienu jirrappreżentaw inqas minn 2 % tal-popolazzjoni. L-Amharic kien mitkellem bħala l-ewwel lingwa minn 49.2 % tal-abitanti tal-belt, l-Oromo minn 23.7 %, il-Harari minn 12.2 %, u s-Somali minn 6.6 %. Il-pluralità ta' abitanti urbani kienu jipprattikaw il-Kristjaneżmu Ortodoss Etjopjan, b'48.54 % tal-popolazzjoni li rrapportaw li jipprattikaw dak it-twemmin, filwaqt li 44.56 % tal-popolazzjoni qalu li kienu Musulmani, u 6.14 % li kienu Protestanti.