Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija.
Il-Karnival ta' Malta huwa ċelebrazzjoni tradizzjoni li tinvolvi sensiela ta' attivitajiet li jsiru kull sena fil-ġranet immedjatament qabel il-bidu tar-Randan.
Jeżistu żewġ tifsiriet li jinterpretaw l-oriġini tal-kelma ‘karnival’ b’mod differenti u oppost. Iż-żewġ tifsiriet għandhom x’jaqsmu mas-sawm tar-Randan. L-ewwel verżjoni hi carne vale – jiġifieri ‘jiswa l-laħam’, l-oħra hi carne lievare, jiġifieri ‘jitwarrab il-laħam’. Il-Karnival kien ukoll marbut mal-Giovedì Gras u l-Martedì Gras, u dawn ukoll jirriferu għal ċerti ġranet meta l-laħam, u miegħu ikel x-xaħmi setgħu jittieklu liberament.
Storja
Il-karnival jissemma għall-ewwel darba fi bliet Taljani, eżempju f’Milan, F’Venezja, f’Ruma u f’Napli tas-seklu tnax u tlettax. Mhux ta’ b’xejn allura li dan l-isem ġej mit-Taljan. Wara xi żmien kien daħal ukoll it-tbaħrit li ħa aktar prominenza mill-ikel innifsu u li żgur li influwenzaw anki lill-Maltin fil-mod ta’ kif iġibu rwieħhom f’dawn iż-żminijiet.
Dokumenti tas-seklu 15 juru li fl-isptar ta’ Santu Spirtu, r-Rabat, fil-jiem tal-Karnival, il-morda kienu jingħataw ikel aktar rikk mis-soltu, l-aktar, laħam tal-vitella, ġobon u ħalib. Dan bħallikieku biex ipatti għal jiem ta’ astinenza li wieħed kellu josserva wara, fl-erbgħin jum tar-Randan.
Żmien l-Ordni ta' San Ġwann
Meta wasal l-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta, il-karnival ħa xejra aktar ta’ tbaħrit. Hu magħruf li fl-1535, il-Kavallieri kienu organizzaw u ħadu sehem f’tip ta’ lotta bix-xwabel fil-pjazza tal-Birgu. Kemm il-Kavallieri kif ukoll il-Maltin issa bdew jipparteċipaw b’mod spontanju u brijuż kif ukoll b’mod aktar organizzat. Jista’ jkun li l-kelma ‘parata’ ġejja minn dan it-tip ta’ ġlied finta, għax parare bit-Taljan tfisser tfendi, bħal meta ġellied ifendi bix-xabla biex ma jintlaqatx.
Waħda mill-okkażjonijiet tal-Karnival li baqgħu jissemmew kienet dik ta’ 1552, meta l-famuż Ammiral Andrea Doria waqaf Malta. Il-wasla ta’ Andrea Doria ħabtet mall-festi tal-Karnival u dan ra li kienet tkun ħaġa tajba li jħalli n-nies tiegħu jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjoniet li kienu qed isiru f’Malta.
Il-Granmastru Jean Parisot de Valette kien ta spinta lill-festeġġjamenti tal-karnival, meta ta l-permess li jintlibsu l-maskri fil-pubbliku. B’hekk, kemm il-kavallieri żgħażagħ kif ukoll ħafna Maltin sabuha inqas skomdu biex jipparteċipaw, mingħajr mistħija ta’ xejn.
Żmien l-Ingliżi
Fis-seklu tmientax, il-Karnival kompla fit-tradizzjoni tiegħu u matul l-isess seklu insibu bosta riferenzi għal dan l-avveniment fejn il-Maltin u anki l-Ingliżi kienu jitbaħartu biex igawdu dawn il-jiem ta’ ferħ qabel ma jibda żmien ir-Randan.
Nafu li l-Ingliżi kienu anki jagħmlu speċi ta’ ġostra (turnament) fi Pjazza San Ġorġ (illum Pjazza Repubblika), fejn kien jilbsu l-kurazzi li kienu jisselfu mill-Armerija fil-Palazz tal-Gvernatur u jirkbu ż-żwiemel biex jagħmlu ġlied finta bejniethom.
Fis-snin erbgħin tas-seklu dsatax, il-Lebaniż Ax-Xidjaq li għex f’Malta għal madwar erbatax-il sena jgħid fil-kitba tiegħu li l-Maltin kienu jħobbu jipparteċipaw fil-Karnival lebsin b’kostumi strambi, bħal irġiel li jilbsu nisa kif ukoll nisa lebsin ta’ irġiel. Hu jgħid li hu ġieli kien mistieden biex jattendi l-ballu li kien jorganizza l-Gvernatur fil-Palazz.[1] Aktar tard, il-Ballu tal-Karnival kien jorganizzah mhux biss il-Gvernatur ta’ Malta. Kien hemm entitajiet oħrajn, fosthom il-Casino Maltese u s-soċjeta tal-Borsa Del Commercio.[2]
Fl-1863, Ġan Anton Vassallo ppubblika ktejjeb li fih inkluda poeżija kemxejn umoristika, jisimha Sibt il-Karnival (1864). Fiha jsemmi diversi tipi ta’ kostumi li kienu jintlibsu fi żmienu. Ħafna kienu jilbsu ta’ suldati jew ta’ baħrin, imnebbħin mill-kwantità kbira ta’ suldati u baħrin Ingliżi li kienu jiġru mas-saqajn. Kien hemm oħrajn li jilbsu l-kostumi tal-arlekkini, ballerini, demonji u pulċinelli. Oħrajn kien jilbsu ta’ ‘Żepp u Grezz’ jew ta’ bdiewa. Imbagħad kien hemm minn jidlek wiċċu bil-faħam biex jidher qisu Tork. Oħrajn kienu jilbsu qishom avukati jew nutara.[3]
Maturin M. Ballou, kittieb Amerikan li ġie Malta fl-1887, josserva li fil-Karnival kien jipparteċipa kulħadd, kemm tal-popolin kif ukoll is-sinjuri. Il-karnival kien jibda l-Ħadd u jispiċċa t-Tlieta filgħaxija. Kien isir ħafna ttantar u tgarar tal-perlini l-aktar mill-karozzini u mill-gallariji. Jgħid ukoll li minħabba dan l-issuttar ma kinetx ħaġa rari li n-nies jiġu fl-idejn. Imbagħad wara dan kollu, l-għada tal-Karnival in-nies kienu jaqsmu bil-baħar biex imorru Ħaż-Żabbar biex jitolbu quddiem il-Madonna tal-Grazzja biex jinħafru dnubiethom.[4]
Il-Karnival fis-seklu Għoxrin
Fl-ewwel deċenni tas-seklu għoxrin, il-Karnival kien b’saħħtu ħafna kemm fil-Belt Valletta kif ukoll fl-ibliet tal-Kottonera. L-attivitajiet tal-Karnival kienu jkunu spontanju, xejn organizzat. Kull individwu jilbes kif ifettillu u jġib ruħu kif irid. Biss kien hemm ukoll il-Kumittivi, għaqdiet ta’ żeffiena li kienu jagħmlu ħafna provi bejniethom minn qabel biex dawn joħolqu spettaklu bi-żfin tagħhom. Herbert Ganado jgħid li fi żmienu l-aktar karattru l-aktar magħruf li kont tara fit-toroq kien dak tad-Domino, karattru li jirrapreżenta bniedem liebes mantel u li jgħatti wiċċu b’maskra żgħira ma’ għajnejh. Fil-karnival tat-Tlett Ibliet u fil-Belt kien ikun hemm ukoll baned tal-festa li kienu jagħtu pjaċir bid-daqq tagħhom lin -nies li kien ikun hemm fit-toroq.[5]
Fis-seklu għoxrin il-karozzini ddekorati kienu baqgħu popolari. Bosta kienu jirkbuhom biex imbagħad huma u għaddejjin, minnhom igaraw il-perlini għal fuq in-nies, u kien jidħku bit-tfal li kienu jiġru wara l-perlini, minn jaħtaf l-aktar. Ġieli anki bajd u tadam kienu jgaraw.
L-ewwel darba li kien organizzat il-Karnival fuq livell nazzjonali kien fl-1926, ħames snin wara li kien elett l-ewwel gvern awtonomu. Issa beda jsir programm li jibda’ bil-Parata’, dik iż-żifna li tfakkar fi żmien meta l-Kavallieri tal-Ordni kienu jikkumbattu l-Mislem Tork. Bdew anki jsiru id-defilé bil-karrijiet miġbuda, issa flok biż-żwiemel, mill-vetturi. Kien ikun hemm diversi kumpaniji li jagħmlu dan ix-xogħol, fosthom l-iskejjel kif ukoll il-partiti politiċi. Hawn bdiet is-satira fil-karnival għaliex meta karru kien jintrama b’dan l-iskop kienu jqiegħdu karattri tal-kartapesta biex iwaqqgħu l-avversarju għaċ-ċajt b’kull mod possibbli. Dawn il-karrijiet satiriċi twaqqfu fl-1938. Biss reġgħu bdew xi ftit tas-snin ilu.[6]
Sal-1994, il-Karnival kien tista’ tgħid, organizzat minn żewġ entitajiet biss,mid-Dipartiment tal-Kultura il-Belt Valletta, u l-kumitat kulturali ta’ Għawdex fit-Tokk, ir-Rabat. Biss hekk kif inħolqu l-Kunsilli Lokali kien hemm u għad hemm bosta minn dawn li bdew jorganizzaw il-Karnival tagħhom. L-aktar wieħed popolari minn dawn hu l-Karnival tan-Nadur. Ma dan hemm il-Karnival ta’ Ħal Għaxaq u oħrajn.
Il-Karnival baqa’ jsir bil-kbir, sal-2019. Imbagħad Malta ntlaqtet bil-Covid u waqaf kollox.
Il-Parata
Il-Parata tiftaħ il-jiem ta' divertiment. Fl-antik din kienet issir is-Sibt. Fiha jkun hemm żewġ gruppi, grupp minnhom liebes ta’ Kavallieri u l-ieħor liebes ta’ Torok u dawn jibdew ġlieda bix-xwabel, naturalment iż-żifna tispiċċa bit-taparsi rebħa tal-Kavallieri. Fl-aħħar taż-żifna dawk lebsin ta’ Kavallieri jgħollu fuq l-idejn tifla bi stallett f’idha msejħa l-Għarusa li tirrappreżenta r-rebħa.
Fi żmien il-Kavallieri, in- nies mill-irħula kien jmorru ħdejn il-Palazz il-Belt biex jitolbu l-permess tal-Gran Mastru biex jagħmlu l-Parata u biex jibda t-tbaħrit.
Kienu jdendlu ġebla mal-binja tal-Kastellanija fi Strada San Giacomo, illum magħrufa bħala Triq il-Merkanti u jibdew isawtu lil din il-ġebla, bħal sinjal li fit-tlett ijiem tal-Karnival ma kelliex tinżam id-dixxiplina severa tas-soltu mill-awtoritajiet.[7]
Kien hemm żmien fejn il-karnival kien ukoll okkażjoni ta’ protesta aktar milli ta’ ferħ. Hekk insibu li fl-1639, meta kien Lascaris, il-Gran Mastru tal-Ordni, ipprojbixxa kemm il-kavallieri jipparteċipaw fil-karnival, kif ukoll li n-nisa jilbsu l-maskri. Konsegwentament, qam storbju sħiħ u l-kavallieri ħaduha kontra dan il-Gran Mastru kif ukoll kontra l-Ġiżwiti, għaliex dawn kienu waqgħu taħt suspett li kienu huma li xewxu f’widnejn il-Gran Mastru biex joħroġ dan il-bandu.
Fl-1665, minkejja li l-Ordni kien qed iħejji biex jipprepara x-xwieni tiegħu biex jgħin lill-flotta biex iteħu sehem fil-gwerra ta’ Kandja, xorta waħda l-karnival ma kienx injorat. B’riżultat ta’ dan, l-Inkwiżitur kien kiteb lill-Papa u tkaża miegħu li l-Gran Mastru Cottoner kien qiegħed iħalli lill-kavallieri jinħlew fuq provi teatrali komiċi minflok jitħarrġu għall-gwerra.
Il-Kukkanja
Fis-seklu tmintax, il-Karnival kien ikun iċċelebrat b’mod grandjuż. Fis-sena 1721, għall-ewwel darba saret il-kukkanja. Din kienet kompetizzjoni li fiha kwantità kbira ta’ nies jixxabbtu maz-zkuk ta’ siġra mibnija u mqegħda apposta, u li fuqha kien jitqiegħed ħafna ikel ta’ kull kwalità. Kulħadd kien ikun ħerqan biex jigranfa mas-siġra biex jaħtaf kemm jiflaħ l-ikel imdendel. Kemm-il darba il-parteċipanti kienu jweġġgħu u ġieli mietu n-nies.
Fi żmien il-Gran Mastru Pinto, kienu jintramgħu karrijiet iddekorati, u kalessi miġbuda miż-żwiemel. Fuq dawn kienu jsiru xeni umoristiċi, bħal per eżempju nies jużżuffjettaw bħallikieku kienu karattri mitoloġiċi, jew inkella jagħmlu taparsi xi xena makabra biss fl-istess li ddaħħak. Dawn il-karrijiet kienu jkunu akkumpanjati mid-daqq tat-trombi u ċimbli. L-aktar li kien popolari u magħruf kien dak il-kaless li kienu jarmaw il-paġġi tal-Gran Mastru.
Fost dawn kien ikun hemm xi erba’ sodod b’daqstant morda u ‘t-tabib’, u ‘l-infermiera’ jduru magħhom bħallikieku qed iħejju għal xi operazzjoni. Wara ftit il-’pazjent’ jitqatta’ biċċiet bħallikieku l-operazzjoni kienet tirrikjedi l-amputazzjoni. F’xena oħra kien ikun irreċċtat wkoll minn xi ħadd liebes ta’ nutar biex dan jagħmel il-kuntratt taż-żwieġ. Fuq ras l-għarusa kienet titpoġġa statwa tal-ħelu għolja xi ħamest ixbar, magħrufa bħala l-qarċilla.[8]
Il-Karnival ta' Malta llum
Dan l-avveniment storiku għad għandu post importanti fuq il-kalendarju kulturali Malti.
Il-Karnival hu organizzat mid-Dipartiment tal-Kultura (Sezzjoni Festivals) kif ukoll minn entitajiet oħra. Dan jibda l-Ġimgħa u jibqa' sejjer sat-Tlieta filgħaxija, lejliet Ras ir-Randan. Waqt il-ġranet tal-karnival isiru bosta attivitajiet kemm dawk organizzati kif ukoll oħrajn spontanji. Dawn jistgħu jinkludu, sfilati ta' karrijiet, żfin u xalar fit-toroq. Hawn min ukoll jorganizza ballijiet bil-maskri u kostumi kemm għal kbar kif ukoll għat-tfal.
Ikel Tradizzjonali
Il-Prinjolata: Il-Prinjolata hija kejk tradizzjonali tal-Karnival. Huwa kejk miksi bil-krema u mimli biċ-ċikkulata, sponge, frott u ġewz.
Il-Perlini: Huma ħelu żgħir li jkunu b’ħafna kuluri. Fl-antik il-maskarati kienu jwaddbu l-perlini lin-nies li jkunu qed jammirawhom fit-toroq.Din hija poeżija żgħira fuq il-perlini:
Maskarata tin perlina Għax warajk għandek xadina Minflok waħda tini tnejn Għax tiddobba xi daqtejn.
Għalkemm il-karnival illum sar aktar fejn in-nies jixtru u jonfqu l-flus kif ukoll jagħmlu n-negozju u spettaklu turistiku jibqa’ festa folkloristika importanti ħafna li miegħu hemm marbutin tradizzjonjiet antiki li sfortunatament ħafna minnhom intesew.
Bibliografija
Bois gelin Louise, Ancient and Modern Malta.
Borg Cardona Anna, ‘The Carnival Battitu or Parata in the Eighteenth Century', Treasures of Malta, No 62, Easter 2015, Vol XXI, No. 2.
Borg Cardona Anna, 'Carnival and the Power of Sound, Treasures of Malta, Number 59, Easter, 2014,Vol XX no. 2.
Cassar Carmel, Society, Culture and Identity in Early Modern Malta.
Cassar Pullicino, Studies in Maltese Folklore. University Press. 1992.
Cassar Pullicino Gużè, ‘17th Century Carnival Theatrics’, Air Malta Inflight Magazine.
Ciantar Philip, 'Carnival musicking and organett ensembles in Gozo', Philip Ciantar, The Sunday Times of Malta, 10th February 2002.
Camilleri J.C., ‘Il-Kukkanja, a carnival tradition’. Airmalta Inflight magazine.
Camilleri Joseph C, ‘The Għaxaq Carnival’, The Times of Malta.
Grech Christopher, ‘Carnival vignettes’ The Sunday Times of Malta, February 24, 2019.
Grech Christopher, ‘Carnival company’, The Sunday Times of Malta, March 3, 2019.
Grima Joseph F., ‘The Beginning of Carnival in Malta’, The Sunday Times of Malta, February 23, 2020.
Grima Joseph F., ‘Il-Bidu tal-Karnival f’Malta, Gwida.
De Piro Nicholas, 'Carnival and festivals in the times of the Knights', Malta This Month, February 2006.
Fenech Conrad, Dun Feliċ Demarco u l-Qarċilla fil-Karnival tal-1760. 2013.Testa Carmel, The Life and Times of Grand Master Pinto, 1741 - 1773.
Ganado Herbert, Rajt Malta Tinbidel, Vol I. 1997.
Lanfranco Guido, Drawwiet u Tradizzjonijiet Maltin. PIN. 2004.
Kilin, Fuq il-Għajn tal-Ħasselin. Buġelli Publications. 1993.
Mallia Fiona, Il-Kultura Maltija. Klabb Kotba Maltin. 2012.
Mallia Milanes Victor, Descrittione di Malta - Anno 1716.
Massa Ariadne, ‘When Senglea carnival was heart and soul of Maltese canrival’. Times of Malta. February 20, 1998.