Irpin (bl-Ukren: Ірпі́нь) hija Belt tal-Eroj tal-Ukrajna[1] li tinsab max-xmara Irpin fl-Oblast ta' Kiev eżatt ħdejn il-belt ta' Kiev fit-Tramuntana tal-Ukrajna. Parti minn Irpin, l-insedjament ta' Kotsiubynske, jitqies qisu subborg ta' Kiev.
Amministrattivament, hija inkorporata bħala belt ta' importanza ta' oblast u sservi bħala ċentru amministrattiv tal-Muniċipalità ta' Irpin, li tinkludi l-belt ta' Irpin u tliet insedjamenti urbani. Il-belt fl-2021 kellha popolazzjoni ta' 62,456 ruħ.[2]
Il-belt għandha stazzjon ferrovjarju li nbena fl-1899.
Irpin ġiet stabbilita fl-1899 bħala waħda mill-punti ferrovjarji tal-linja ferrovjarja bejn Kiev u Kovel matul il-kostruzzjoni tagħha. Il-ħaddiema ferrovjarji stabbilew il-belt ħdejn il-linja ferrovjarja flimkien ma' lokalitajiet oħra bħal Bucha u Vorzel. Isem il-belt (flimkien ma' dak tal-belt ta' Vorzel) intgħażel minħabba l-pożizzjoni tagħha max-xmara Irpin.
Mis-26 ta' Lulju 1941, eżatt wara l-Battalja ta' Kyiv, il-belt ġiet okkupata mill-Wehrmacht sa Novembru 1943, meta Kiev reġgħet inħakmet. Il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni Lhudija nqatlet fil-Babyn Yar jew f'massakri Nażisti oħra.
Fl-1956, l-istatus ta' Irpin inbidel għal dak ta' "belt ta' subordinazzjoni ta' raion (distrett)" subordinata għar-Raion ta' Kiev-Sviatoshyn.
Fit-30 ta' Diċembru 1962, Presidju tal-Verkhovna Rada tar-Repubblika Soċjalista Sovjetika tal-Ukrajna ħareġ digriet li bidel l-istatus ta' Irpin għal "belt ta' subordinazzjoni ta' oblast", u b'hekk subordinata għall-awtoritajiet tal-oblast iktar milli għall-amministrazzjoni tal-belt fi ħdan il-belt stess. Fi ħdan id-digriet issemmiet ukoll l-inklużjoni tal-insedjamenti urbani ta' Bucha (li saret belt fl-2007), Vorzel, Hostomel, u Kotsiubynske fil-limiti tal-belt.
Matul l-invażjoni Russa tal-Ukrajna tal-2022, Irpin sar sit ta' battalja matul l-offensiva ta' Kiev. Il-forzi Russi ħadu l-Ajruport ta' Hostomel fit-Tramuntana tal-belt biex jiffaċilitaw l-avvanz tagħhom lejn in-Nofsinhar, madwar Kiev. Il-belt ġiet ibbumbardjata mill-artillerija Russa filwaqt li l-Ukreni rnexxielhom jirreżistu u jeqirdu diversi forzi Russi li ppruvaw joqorbu fil-belt.[3][4] Skont il-Human Rights Watch, fis-6 ta' Marzu 2022, il-forzi Russi bbumbardjaw parti minn triq li kienet qed tintuża min-nies ċivili biex jaħarbu.[5] Fl-24 ta' Marzu 2022, 80 % tal-belt reġgħet inħatfet minn idejn l-okkupanti Russi mill-Forzi Armati Ukreni.[6] Fit-28 ta' Marzu, is-sindku Oleksandr Markushyn ħabbar li l-belt kollha ta' Irpin kienet ġiet irkuprata mill-forzi Ukreni.[7]
Ekonomija
Hemm 22 manifattur industrijali li joperaw fir-reġjun ta' Irpin. Il-belt għandha qrib elf impriża b'forom differenti ta' sjieda. L-iżjed notevoli huma l-Kumpless Industrijali ta' Peremoha ta' Irpin (li jipproduċi brikks, komponenti tal-konkrit rinfurzat, u materjali tal-iżolament tat-tisħin u tal-istorbju), Irpinmash (li tipproduċi t-tagħmir għall-industrija agrikola), l-Azjenda Kummerċjali ta' Perun (li tipproduċi kotba), il-Kumpanija Privata Kummerċjali u Privata KATECH-electro (li tipproduċi prodotti tal-kejbils u tal-wajers), il-fabbrika ta' Irpintorfmash (li tipproduċi materjali tal-kostruzzjoni), u fabbrika tal-għamara, fost l-oħrajn.
Is-settur agrikolu ta' Irpin jipprovdi l-belt kapitali tal-Ukrajna, Kiev, bil-patata u bi ħxejjex oħra.
Il-belt hija wkoll żona tal-istabbilimenti tas-saħħa u hija magħrufa għall-faċilitajiet rikreattivi tagħha.
Sport
Il-belt għandha infrastruttura tal-isport żviluppata ħafna. Kien hemm żmien fejn kienet tospita diversi klabbs tal-futbol professjonali, fosthom Dynamo Irpin (li iktar 'il quddiem sar FC Ros Bila Tserkva), Nafkom-Akademiya (li iktar 'il quddiem sar FC Nafkom Brovary), u oħrajn.
Fis-sajf tal-2016 infetaħ grawnd żgħir ġdid fil-belt.[8]
Barra minn hekk, hemm skola sportiva, nursery tal-futbol, u diversi organizzazzjonijiet sportivi oħra, fosthom klabb tar-rugby. Għadd ta' avvenimenti sportivi jsiru regolarment fil-grawnd tal-belt.
Edukazzjoni
Fil-belt hemm l-istituzzjonijiet edukattivi li ġejjin:
l-Università tas-Servizz Fiskali tal-Istat tal-Ukrajna (li qabel kienet l-Akkademja Statali tat-Taxxa),
l-Iskola tal-Ekonomija tal-Università Agrarja Nazzjonali,