Kantilena hija poeżija ta' Pietru Caxaro u hija l-eqdem test letterarju bil-Malti. Tmur lura għas-seklu 15 (mhux iktar tard mill-1485, meta miet l-awtur, u probabilment miktuba għall-ħabta tal-1470) iżda ġiet skoperta fl-1966 mill-Professur Godfrey Wettinger u l-Patri Mikiel Fsadni.
Cantilena nkitbet min-neputi ta' Pietru Caxaro, Brandano, kif kien jiftakarha hu, u kienet parti mill-atti notarili (Diċ. 1533–1563 Mejju) ta' Brandano.
Test
Ortografija oriġinali
Dan huwa t-test hekk kif jidher oriġinarjament:
Xideu il cada ye gireni tale nichadithicum Mensab fil gueri uele nisab fo homorcom Calb mehandihe chakim soltan ui le mule Bir imgamic rimitne betiragin mucsule Fen hayran al garca nenzel fi tirag minzeli Nitla vu nargia ninzil deyem fil bachar il hali.
Huakit hi mirammiti lili zimen nibni Mectatilix mihallimin me chitali tafal morchi fen timayt insib il gebel sib tafal morchi vackit hi mirammiti.
Huakit by mirammiti Nizlit hi li sisen
Mectatilix li mihallimin ma kitatili li gebel fen tumayt insib il gebel sib tafal morchi Huakit thi mirammiti lili zimen nibni Huec ucakit hi mirammiti vargia ibnie biddilihe inte il miken illi yeutihe Min ibidill il miken ibidil i vintura haliex liradi ’al col xibir sura hemme ard bayad v hemme ard seude et hamyra Hactar min hedann heme tred mine tamara.
Ortografija moderna
It-test bil-Malti hekk kif niktbuh illum:
Xidew il-qada, ja ġirieni, talli nħadditkom, Ma nsab fil-weri u la nsab f’għomorkom Qalb m’għandha ħakem, sultan u la mula Bir imgħammiq irmietni, b’turġien muħsula, Fejn ħajran għall-għarqa, ninżel f’taraġ minżeli Nitla’ u nerġa’ ninżel dejjem fil-baħar il-għoli.
Waqgħet hi, imrammti, l’ili żmien nibni, Ma ħtatlix mgħallmin, ’mma qatagħli tafal merħi; Fejn tmajt insib il-ġebel, sibt tafal merħi; Waqgħet hi, imrammti.
Waqgħet hi, imrammti, niżżlet hi s-sisien, Ma ħtatlix l-imgħallmin, ’mma qatagħli l-ġebel; Fejn tmajt insib il-ġebel, sibt tafal merħi; Waqgħet hi, imrammti, l’ili żmien nibni. U hekk waqgħet hi, imrammti! w erġa’ ibniha! Biddilha inti l-imkien illi jewtiha; Min ibiddel l-imkien ibiddel il-vintura; Għaliex l-iradi għal kull xiber sura: Hemm art bajda, w hemm art sewda u ħamra. Aktar minn hedawn hemm trid minnha tmarra.
Noti
Dan it-test huwa kważi esklussivament Semitiku. L-unika kelma mhux Semitika hija vintura li ġejja mill-Isqalli u et, konġunzjoni Latina.
Ġeneralment, testi antiki Maltin ftit li xejn jużaw vokabularju mhux Semitiku; anke f'xogħlijiet letterarji li ġew wara, hemm predominanza ta' kliem Semitiku.