Sir Robert Charlton CBE (twieled fil-11 ta' Ottubru 1937 – miet fil-21 ta' Ottubru 2023) kien plejer tal-futbol professjonali Ingliż li lagħab bħala midfielder avvanzat, midfielder ċentrali, u winger fuq ix-xellug. Jitqies bħala wieħed mill-aqwa plejer tal-futbol ta' kull żmien, u kien membru tat-tim nazzjonali tal-futbol Ingliż li rebaħ it-Tazza tad-Dinja tal-Futbol tal-FIFA tal-1966, u fl-istess sena rebaħ ukoll il-Ballun tad-Deheb. Fl-1967 u fl-1968 spiċċa fit-tieni post fil-votazzjoni għall-Ballun tad-Deheb. Huwa lagħab kważi l-karriera kollha tiegħu fil-livell ta' klabbs mal-Manchester United, fejn sar rinomat għall-istint tiegħu fl-attakk, għall-kapaċitajiet tiegħu tat-tqassim mill-midfield, għax-xutt qawwi tiegħu mit-tul b'saqajh it-tnejn, għal-livell ta' fitness tiegħu, u għall-istamina li kellu. Huwa ngħata l-karta s-safra darbtejn fil-karriera tiegħu; darba kontra l-Arġentina fit-Tazza tad-Dinja tal-1966, u darba f'logħba tal-lig kontra ċ-Chelsea. Huwa kiseb suċċessi fil-livell tal-klabbs u fil-livell internazzjonali, u kien wieħed minn disa' plejers li rebħu t-Tazza tad-Dinja tal-FIFA, it-Tazza Ewropea u l-Ballun tad-Deheb. Ħuh il-kbir Jack Charlton, li kien ukoll parti mit-tim nazzjonali li rebaħ it-Tazza tad-Dinja, kien eks difensur ma' Leeds United u kowċ internazzjonali.[1][2]
Imwieled f'Ashington, Northumberland, Charlton għamel id-debutt tiegħu mal-ewwel tim tal-Manchester United fl-1956, meta kellu 18-il sena, u f'qasir żmien kiseb postu bħala titolari fit-tim. F'dak iż-żmien huwa rebaħ il-Lig tal-Futbol tal-Ewwel Diviżjoni fl-1957, imbagħad baqa' ħaj minkejja d-diżastru tat-titjira ta' Munich ta' Frar 1958 wara li ġie salvat mill-plejer tat-tim tiegħu Harry Gregg; Charlton kien l-aħħar plejer tal-klabb li miet minn dawk li kienu salvaw mid-diżastru tat-titjira. Wara li għen lill-Manchester United jirbħu l-FA Cup fl-1963 u l-Lig tal-Futbol fl-1965 u fl-1967, huwa kien il-kaptan tat-tim li rebaħ it-Tazza Ewropea fl-1968, u skurja żewġ gowls fil-finali meta saru l-ewwel klabb Ingliż li rebaħ il-kompetizzjoni. Charlton telaq lill-Manchester United u sar il-kowċ ta' Preston North End għall-istaġun 1973-74. Huwa bidel għal plejer-kowċ fl-istaġun ta' wara. Imbagħad aċċetta l-kariga ta' direttur mal-Wigan Athletic, u sar membru tal-Bord tad-Diretturi tal-Manchester United fl-1984.[3]
Fil-livell internazzjonali, Charlton kien parti mit-tim nazzjonali tal-futbol tal-Ingilterra għal erba' Tazzi tad-Dinja (fl-1958, fl-1962, fl-1966, u fl-1970), għalkemm ma lagħabx fl-ewwel waħda. Meta wasal biex jirtira mit-tim nazzjonali Ingliż fl-1970, huwa kien l-iktar plejer li kien lagħab mat-tim nazzjonali, 106 darbiet fl-ogħla livell; Bobby Moore qabżu mbagħad fl-1973. Charlton kien l-iktar plejer li skurja gowls fl-istorja kemm mal-Manchester United kif ukoll mat-tim nazzjonali Ingliż, u l-iżjed plejer li lagħab logħbiet fl-istorja tal-Manchester United – it-total tiegħu ta' 758 logħba mal-Manchester United dam biex jinqabeż sal-2008, meta Ryan Giggs qabżu fil-finali tat-Tazza Ewropea. B'249 gowl, huwa kien l-iktar plejer li skurja gowls fl-istorja tal-klabb għal iżjed minn 40 sena, sakemm ir-rekord tiegħu nkiser minn Wayne Rooney fl-2017. Huwa kien ukoll it-tliet l-iktar plejer li skurja gowls fl-istorja tat-tim nazzjonali Ingliż; ir-rekord tiegħu ta' 49 gowl inkiser fl-2015 minn Wayne Rooney, u mill-ġdid minn Harry Kane fl-2022.[4][5]
Mewt
Fil-21 ta' Ottubru 2023, il-familja ta' Charlton ikkonfermat bi stqarrija li kien miet dakinhar filgħodu. Kellu 86 sena, u l-kawża tal-mewt kienet kumplikazzjonijiet marbuta mad-dimenzja. Wara mewtu, Geoff Hurst huwa l-aħħar plejer Ingliż li għadu ħaj mit-tim nazzjonali rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja tal-1966.[6][7]
Fil-kultura popolari
Fl-episodju "Taking Liberties" tas-sitcom Frasier, Daphne Moon (Jane Leeves) issemmi li wieħed miz-zijiet tagħha għamel ħiltu biex jikseb l-awtografu ta' Charlton, "sa ma Bobby waddablu bott birra fuq rasu. Tnax-il pont, u għadu jżomm il-bott!".
Fil-film tal-2011 United, iċċentrat fuq is-suċċessi tal-Busby Babes u t-traġedja tat-titjira ta' Munich; ir-rwol ta' Charlton inħadem mill-attur Jack O'Connell.[8]
Fl-episodju "Munich Air Disaster" tad-dokumentarju dwar it-traġedja tat-titjira ta' Munich, Mayday, Charlton ġie intervistat bħala wieħed minn dawk li baqa' ħaj wara l-inċident, flimkien ma' Harry Gregg.
Statistiki tal-karriera
Klabb
Logħbiet u gowls skont il-klabb, l-istaġun u l-kompetizzjoni